Fejn ninsabu fil-Mediterran, il-posizzjoni ġejografika u l-esperjenza storika tagħna huma essenzjali biex nippruvaw nifhmu kif 60 sena ilu sirna pajjiż li beda l-ħajja indipendenti u sovrana tiegħu wara mixja iebsa żigużajg ‘il quddiem u lura ta’ sekli.
Fil-Mediterran hawn 284 gżejjer li fihom jgħixu n-nies.
Aħna uniċi. Għandna nagħmlu minn kollox biex nibqgħu uniċi.
Aħna u Ċipru biss gżejjer stati sovrani.
Il-bqija l-gżejjer l-oħra, ħafna minnhom ma jgħixux nies fihom, huma ta’ Spanja, Franza, l-Italja, il-Kroazja, l-Albanija, il-Greċja, it-Turkija, l-Eġittu, il-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk.
Aħna differenti ħafna minn Ċipru għalkemm it-tnejn gżejjer stati u membri fl-Unjoni Ewropea.
Ċipru għadu maqsum: b’parti fejn jgħixu ċ-Ċiprijotti Griegi fi stat rikonoxxut minn kważi l-pajjiżi kollha tad-dinja u l-parti l-oħra jgħixu fiha ċ-Ċiprijotti Torok rikonoxxuta mit-Turkija. Ilu mifrud 50 sena u s’issa fallew l-isforzi kollha biex din il-firda tintemm.
Imma Ċipru għandu problema oħra serja li tnaqqaslu ħafna l-indipendenza u s-sovranita’ tiegħu. Differenti ħafna minnha li għandna n-newtralita’ fil-Kostituzzjoni b’impenn li ma nidħlu fl-ebda allejanza militari u ma nerġgħux inħallu bażijiet militari barranin f’artna.
L-esperjenza wrietna li l-indipendenza u n-newtralita’ huma marbuta flimkien u ma jistax ikollox waħda mingħajr l-oħra.
F’Ċipru r-Renju Unit għandu żewġ bażijiet “sovrani” f’Akrotiri u Dhekelia li jikkontrolla kompletament u ma jinfurmax lill-gvern Ċiprijott x’jagħmel bihom fil-Lvant tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani, inkluż li jħallihom jintużaw fil-gwerra u ġenoċidju kontra n-nies ta’ Gaża.
L-esperjenza storika tgħallimna li ħakimna min ħakimna qatt ma stmana daqsu.
Kien biss bl-Indipendenza li ksibna l-jedd li nitqiesu sovrani daqs kull pajjiż ieħor li jmexxi lilu nnifsu għall-ġid tal-poplu tiegħu u li nistmaw lilna nfusna ta’ nies bid-dritt li ngħixu aħjar flok għodda f’idejn ħaddieħor.
Bħala nies ta’ kolonja tal-Imperu Britanniku żgur ma konniex nitqiesu daqs iċ-ċittadini Britanniċi. Anki f’Malta stess, il-Maltin kienu jitħallsu inqas għall-istess xogħol li kienu jagħmlu ċ-ċittadini Britanniċi fostna.
Artna kienet tagħhom biex jagħmlu li jridu u jaqblilhom biha.
Meta Duminku Mintoff ħareġ bl-idea li ningħaqdu mar-Renju Unit, ried li nkunu stmati daqshom, b’kull mod. L-għajta tiegħu kienet: jew daqshom jew mingħajrhom.
Ma rieduniex daqshom.
Kif bdejna nieħdu r-ruħ
Kien mingħajrhom, niddeċiedu aħna għalina u mhux huma, li bdejna nieħdu r-ruħ bl-Indipendenza tal-1964 li għamilna pass kbir u storiku.
L-Indipendenza u s-Sovranita’ qatt mhuma sempliċi data. Huma pass ieħor fi vjaġġ u trid tieħu ħsiebhom u ssostniehom għax tista’ titlifhom anki jekk tibqa’ bil-bandiera, innu u kap ta’ stat tiegħek.
Jekk il-valuri tal-indipendenza intellettwali ma tħaddimhomx kuljum, tibqa’ tidher stat indipendenti bil-qoxra, iżda f’ruħek, f’qalbek. f’moħħok u f’imġiebtek tkun kolonja.
Kolonja tfisser li ma tkunx poplu sovran u indipendenti iżda pedina f’idejn ħaddieħor u jilgħab bik kif jaqbillu.
Wara li r-Renju Unit iddikjara gwerra kontra l-Ġermanja ta’ Hitler fl-1939, il-gvern Britanniku u dak Franċiż ippruvaw jipperswadu lill-Italja ta’ Mussolini biex ma tidħolx fil-gwerra u żżomm ma’ Hitler.
Lejn l-aħħar ta’ Mejju 1940 il-Kabinett Britanniku tal-Gwerra vvota dwar proposta Franċiża li lill-Italja jagħtuha Malta, Ġibilta’, it-Tuneżija u Nizza jekk tidħol fil-gwerra mal-alleati ta’ kontra l-Ġermanja u l-Ġappun.
Bħal ma ġara f’mumenti oħra tal-istorja tagħna min kien jaħkimna kien jiddeċiedi xi jsir minna u x’jagħmel bina bla ma jara x’inhuma x-xewqat u l-interessi tagħna l-Maltin u sintendi bla ma jistaqsi lill-Maltin xi jridu.
Il-proposta Franiċiża m’għaddietx għax ivvutaw kontra tagħha tliet membri tal-kabinett: Winston Churchill, Clement Attlee u Arthur Greenwood.
Ma riedux jitilfu l-kontroll Brittaniku fuq Malta: kienet prezzjuża wisq bħala ħolqa Mediterranja li tgħaqqad ir-rotot kruċjali ta’ tliet kontinenti: l-Asja, l-Afrika u l-Ewropa.
Minbarra li konna fir-rotot ewlenin Mediterranji kellna wkoll il-port naturali u fond li jintuża s-sena kollha. Mingħajr dan il-port qatt ma konna nsiru nazzjon u konna nkunu xi Lampedusa oħra.
Il-ġografija għenitna biex niksbu l-indipendenza tagħna. Kieku konna Majorca, Spanja kienet tħallina nitilqu minn taħt idejha?
Kieku konna Korsika, Franza kienet se titlaqna għal rasna?
Kieku konna Pantellerija, illum indipendenti?
U l-istess jista’ jibqa’ jingħad dwar it-282 gżejjer oħra fil-Mediterran li fihom jgħixu n-nies u li huma kkontrollati mill-pajjiżi qrib.
Minbarra l-ġografija għenitna wkoll l-istorja. Pajjiż jinbena minn ġo ħdanu u b’li jagħmel tajjeb u ħażin. Jinbena wkoll bil-kuntatti ma’ popli oħra u x’forma tajba u ħażina jieħdu dawk il-kuntatti.
L-Għarab għenuna jkollna l-ilsien Malti tagħna li salvana milli ninbelgħu minn dawk li ħakmuna fl-aħħar 1,000 sena.
L-Ordni tal-Kavallieri bdielna t-triq tal-indipendenza u tas-sovranita’ billi żviluppana bħala stat, jiddeċiedu minn hawn kif imexxu u mhux minn palazz imbiegħed fuq naħa jew oħra tal-Mediterran meta konna fewdu fuq ftit blatiet taħt Sqallija.
Salvana l-Imperu Brittaniku milli jaħkmuna imperi qrib tagħna fil-Mediterran għax kien ikun aktar possibbli għalihom li jkomplu jikkontrollawna u jassorbuna fihom.
L-Imperu Brittaniku kellu jitlaqna wara t-Tieni Gwerra Dinjija għax ma setax jaffordjana iżjed. Bl-introduzzjoni tal-Ingliż fostna ngħatajna ilsien dinji u fl-istess ħin ma nblajniex mit-Taljan.
Fl-istess ħin l-Italjanita’ fostna salvatna milli ninbelgħu mid-dinja Brittanika.
Fuq kollox stajna nibnu lilna nfusna bl-identita’ kumplessa tagħna għax l-Ordni tal-Kavallieri ma ċaħħadniex milli nħaddmu lsienna kif ġara lil min kien jitkellem varjant tal-Għarbi bħalna fl-Andalusija..
L-Imperu Brittaniku saħħaħ il-Malti biex idgħajjef lit-Taljan.
Dawk li ġew jaħkmuna u ppruvaw jagħmluna imitazzjoni fqira tagħhom, għenuna, b’mod paradossali, insiru aħna nfusna, dak li aħna.
Fuq kollox sirna indipendenti bis-sagrifiċċju, l-għaqal, il-viżjoni tal-bennejja ta’ pajjiżna, il-Maltin u l-Għawdxin ta’ qabilna li emmnu li dawn il-blatiet u dan il-poplu jistħoqqlu jmexxi lilu nnifsu.
Dawn il-bennejja ġew minn kull qasam tal-ħajja u f’kull livell soċjali.
Tajjeb ma nittradux lill-poplu tagħna tal-lum u ta’ għada billi nġibu lill-pajjiżna versjoni moderna ta’ kif konna qabel ġew il-Kavallieri – blatiet fit-tarf tat-tarf.
Leħen Frar 2025