Il-Gran Mastru Emmanuel de Rohan ma tantx ried jgħaġġel jaċċetta t-talba mill-Imperatur tal-Marokk Maħmet Bin Abdulla li kien lest iħallas lill-Ordni biex teħles l-ilsiera Misilmin li kellha f’dawn il-gżejjer u tibgħathom il-Marokk. L-Ordni kellha bżonn dawn l-ilsiera biex jaħdmu fil-barrieri, fil-bini, fit-tarzna u biex jaqdfu fuq ix-xwieni. Mijiet oħra ta’ lsiera kienu jservu fil-bini, fit-tindif tad-djar u fil-biedja.
L-Imperatur Marokkin kien ilu mill-inqas mill-1769, fi żmien il-Gran Mastru Manuel Pinto, jaħdem biex jifdi l-ilsiera Misilmin tal-Ordni u tas-sidien privati fil-gżejjer tagħna billi jħallas eluf ta’ skudi.
Fuq medda ta’ 23 sena – bejn il-1775 u l-1798 – sa Mejju qabel il-wasla ta’ Napuljun, telqu minn Malta 3,429 ilsiera: 1,290 tal-Ordni u 2,139 tas-sidien privati. L-akbar numru telqu fl-1789-1790: 600 ilsiera tal-Ordni u 5 tas-sidien privati.
Mis-sena 1789, jgħidilna Godfrey Wettinger, l-Ordni ta’ San Ġwann ma kellhiex ilsiera Misilmin jaqdfu fuq ix-xwieni jew jaħdmulha fuq l-art. Kellha tgħolli s-salarji ta’ dawk li qabel jieħdu ħsieb l-ilsiera mifdija u li ntbagħtu l-Marokk. L-Ordni għamlitielhom ċara li malli jerġa’ jkollha iżjed ilsiera maħtufa mix-xwieni fil-Mediterran, terġa tniżżlilhom is-salarju għal li kellhom qabel.
L-Ordni ta’ San Ġwann ma kellha ebda intenzjoni li twaqqaf il-ħtif u l-użu tal-ilsiera. Dak iż-żmien – imsejjaħ tal-Illuminiżmu (għax ried iġib id-dawl tal-ugwaljanza u tal-libertà u tar-raġuni u tax-xjenza kontra d-dlam tat-tradizzjoni għamja u tas-superstizzjoni) – l-Ordni ta’ San Ġwanni kienet bdiet tiġi kkritikata għax baqgħet taħtaf u tħaddem l-ilsiera u ma tistmahomx ta’ bnedmin daqs dawk li mhumiex ilsiera. Xorta kien hemm ħassieba ‘Illuministi’ jiġġustikaw il-jasar għax għalihom l-ilsiera kienu razza nferjura għax ma kinux “ċivilizzati u Nsara”.
Wara li tħallset nofs miljun skud mill-Imperatur tal-Marokk biex jifdi 602 ilsir minn Malta, l-Ordni ta’ San Ġwann reġgħet bdiet tibgħat ix-xwieni jaħtfu lsiera ġodda mix-xwieni li jaqbdu. Bejn l-1790 u l-1798 l-Ordni ħatfet 440 ilsiera ġodda waqt li l-kursari privati joperaw minn Malta ħatfu 1,023 ilsiera.
F’Ġunju 1798 Napuljun Bonaparti nvada lil Malta bil-flotta tiegħu hu u sejjer lejn l-Eġittu. Wara li l-Ordni ta’ San Ġwann ċediet u għaddiet Malta f’idejn Napuljun, waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa kien li jeħles lill-ilsiera għax kien iqis il-jasar bħala diżunur għall-umanità. Bagħat messaġġ qawwi lill-mexxejja ta’ Tunis, Tripli u Alġeri biex huma wkoll jeħilsu l-ilsiera Maltin li kellhom u jibgħatuhom lura Malta.
Skont dokument uffiċjali Franċiż tad-19 ta’ Ottubru 1798, ħafna mill-Maltin meħlusa, malli ġew Malta ssieħbu mal-Maltin l-oħra fil-kampanja li kienu qamu kontra l-ħakma Franċiża f’Malta.
Fl-1802 Napuljun reġa’ daħħal il-jasar fil-kolonji ġodda Franċiżi għax kellu bżonn l-ilsiera jaħdmu fil-pjantaġuni, l-aktar fil-Karibew, biex ikollu flus għall-kampanji militari tiegħu.
Temi Zammit
F’nofs il-lejl nieqes kwart tat-30 ta’ Settembru 1864 twieled Temi Zammit f’familja umli. Ftit xhur qabel miet ta’ 71 sena kien ħalla x’jixtieq li jiġri meta jmut: funeral sempliċi, bla fjuri, bla ċerimonji u bla tifkiriet dwaru stampati. Ried li jieħdu t-tebut tiegħu dritt iċ-ċimiterju għad-difna.
Kien kiteb: “Min irid jiftakar fija, għandu biżżejjed fuqhiex jara … dak li għamilt mhux għal ismi, iżda għal isem pajjiżi …”
Fil-71 sena li għex għamel ħafna u ħafna għall-pajjiżu fl-oqsma tal-mediċina kontra mnejn feġġet il-malarja u waqqafha, skopra li d-denì rqiq ġej mill-mogħoż infettat, kiteb stejjer qosra mill-aqwa, ħadem favur l-ilsien Malti, kiteb dwar l-istorja tal-poplu tagħna u skopra t-tempji pre-istoriċi tagħna u għamel kemm felaħ biex ikunu magħrufa mad-dinja kollha, mexxa l-Università ta’ Malta u l-Mużew Nazzjonali.
L-aqwa tagħrif dwar Temi Zammit niksbuh minn żewġ volumi eċċellenti miktuba mill-Professur Roger Ellul Micallef ‘Zammit of Malta’ (Allied Publications Ltd – 2013). Fihom insibu riċerka serja u profonda dwar iż-żminijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi diffiċli, il-personalità simpatika u ġeneruża u l-kisbiet lokali u internazzjonali ta’ Temi Zammit.
Lejn tmiem il-ktieb Ellul Micallef jikkwota lil Voltaire: “Kull bniedem hu maħluq miż-żmien li jgħix fih, imma ftit huma kapaċi jogħlew ‘il fuq mill-ideat ta’ żmienhom.” Temi Zammit kien wieħed minn dawn il-ftit, li mhux biss kien magħġun minn żminijietu imma huwa stess għaġen lil żminijietu.
Uża t-talenti xjentifiċi u artistiċi tiegħu għall-ġid tal-poplu tagħna: biex ifejqu u jħarsu mill-mard u biex jiżviluppalu l-identità tiegħu bl-ilsien u l-wirt storiku u kulturali meta kien għadhom imkasbrin u mwarrbin.
Għadna ma napprezzawx biżżejjed lil dan ir-raġel li twieled 161 sena ilu.
Torċa 12 ta’ Ottubru 2025