You are currently viewing Kif qed naqsmu l-ġid bejnietna

Kif qed naqsmu l-ġid bejnietna

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Fl-aħħar 14-il sena id-daqs tal-kejk nazzjonali rdoppja u s-sena li għaddiet kien  ta’ €105.3 biljun, l-aktar bil-valur tad-djar u bil-flus li ddepożitaw in-nies fil-banek. Iżda żdiedet ukoll id-disugwaljanza.

Sadattant f’Malta l-gvern qed iqassam il-ġid b’mod aktar ġust minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea tant li Malta hija fit-tielet post għat-tqassim aktar indaqs tal-ġid.

Rapport li ħareġ il-Bank Ċentrali fil-5 ta’ Awwissu 2024 juri li 10% tal-akbar sinjuri f’Malta għandhom kważi 90% tal-ġid kollu ġej min-negozju.

L-10% l-aktar sinjuri qed jieħdu 5% iżjed milli kienu jieħdu fl-2010. Illum qed jieħdu 44.8% meta 14-il sena ilu kienu jieħdu 39.7%.

Minn dan il-kejk nazzjonali nofs il-familji tagħna bl-inqas dħul kienu jieħdu 14.3% fl-2010. Illum qed jieħdu 12%.

Waqt li mis-sena 2010 il-ġid tal-10% l-aktar sinjuri żdied b’160.7%, dak tal-50% bl-inqas dħul żdied b’94.1%. Ifisser li l-ġid tagħhom irdoppja fl-aħħar 14-il sena.

Id-differenza bejn ta’ fuq u isfel żdiedet minn 0.54 fl-2010 għal 0.59 fl-2023. Din id-differenza hija inqas mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn id-disugwaljanza tilħaq differenza ta’ 0.72.

X’jista’ jsir iżjed?

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika waqt li naqas il-faqar b’1% jew inqas fost l-adulti, żdiedu bi kważi 3% dawk li għandhom inqas minn 18 u jinsabu f’riskju ta’ faqar.

X’nistgħu nagħmlu biex ikollna tqassim iżjed ġust tal-ġid biex inkomplu nnaqqsu l-105,000 li jgħixu fir-riskju tal-faqar?

Iż-żieda fis-servizzi soċjali, fosthom il-pensjoni, iż-żieda fil-pagi, is-sussidji fuq l-enerġija, il-ħolqien tax-xogħol … tal-gvern Laburista ġabu tqassim aktar ġust tal-ġid.

Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid li l-qasam tad-djar l-aktar li jikkaġuna disugwaljanza fostna. 65.6% tad-dejn tal-familji ta’  €6.7 biljun huwa dejn fuq l-akkomodazzjoni,

Fl-istess ħin, 82.6% tal-poplu tagħna huma sidien ta’ djarhom. Imma dan in-numru sabiħ mgħandux inessina dawk, l-aktar żgħażagħ, li huma bi dħul moderat jew baxx u qed isibu problemi kbar biex jixtru jew jikru fejn joqogħdu.

Dan qed idaħħalhom f’forma ta’ faqar u fi problemi persunali u soċjali.

Il-gvern qed jgħin bil-’First-time Buyers Scheme’ u d-’Deposit Payment Scheme’ imma jidher li dawn l-inizjattivi tajbin mhumiex biżżejjed biex jgħinu lil kull min għandu bżonn.

Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet innovattivi wara diskussjoni u konsultazzjoni bejn il-gvern, organizzazzjonijiet soċjali u l-banek.

Fl-aħħar 14-il sena, il-ġid tal-10% l-aktar sinjuri fostna żdied b’160.7%. Possibbli ma setgħux taw, u ma jistgħux jagħtu, lura lill-pajjiż parti minn dak il-ġid f’taxxi? Rata ogħla ta’ taxxa fuqhom taħqarhom?

Tiskoraġġixxi n-negozju u tnaqqas it-tkabbir tal-ġid jew tnaqqas biss ftit mill-flus li għandhom il-bank waqt li jibqgħu jgawdu ħafna mid-90% tal-ġid li qed igawdu?

Għaliex saret domma li ma tiżdiedx it-taxxa fuq l-10% l-aktar sinjuri f’pajjiżna? Sadattant għandu jibqa’ jsir sforz kbir biex jinġabru t-taxxi dovuti diġa’ u li għadhom ma nġabrux.

Biex inqassmu l-ġid, irridu noħolquh. Tajjeb li jkollna diskussjoni nazzjonali kif se nkomplu noħolqu l-ġid. Imma tajjeb ukoll li jkollna diskussjoni nazzjonali kif se nqassmuh b’iżjed ġustizzja.

Oażi ċkejken u lil hinn minnu

Lill-wieħed mill-ħbieb tiegħi bgħattlu ritratt ta’ mument fil-mixja tiegħi jumejn ilu bix-xemx tiżreġ fuq il-baħar u l-wied.

Qalli: “Kemm int iffortunat. Jien kulma għandi bini, duħħan u storbju. Gawdi l-ġmiel tan-natura. Ngħir f’sens tajjeb għan-nies li jgħixu n-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Aħna tan-naħa t’isfel, f’Raħal Ġdid, kummerċjali wisq. komdi għax issib kollox qrib imma post tad-dwejjaq u tħoss saħħtek tmur lura.”

Għedtlu: “Isma, jien ir-ritratt li bgħattlek huwa biċċa żgħira fejn ngħix. Fejn inmur nimxi f’Pembroke ħdejn li fadal mill-wied li jieħu għall-bajja ta’ San Ġorġ inħossu oażi ċkejken, imhedded mid-deżert tal-konkos li qed javvanza minn kullimkien.”

Wieġeb: “Iva, imma għallinqas għad għandek oażi ċkejken. Aħna hawn għandna l-Ġnien Ċiniż u l-Ġnien ta’ Gaddafi. It-tnejn sbieħ u miżmumin tajjeb.

‘Meta kont iżgħar, kont nara l-għelieqi minn fuq il-għatba tad-dar. Issa nara t-toroq ġodda li saru.

Il-progress ma jistenna lil ħadd. It-toroq huma iżjed importanti mill-għelieqi u l-irziezet.

Issa, anki minħabba li xjaħt, dejjem id-dar u nivvjaġġa permezz tas-swaba tiegħi fuq il-keyboard tal-kompjuter.

Inżur postijiet fl-immaġinazzjoni tiegħi. Il-vantaġġ hu li nara dak li nixtieq: is-sbuħija tal-gżejjer Mediterranji tagħna mingħajr invażjonijiet.

Imma ejja ma ngergrux u nifirħu b’li konna.

Toqgħodx tinkwieta żżejjed. Ħa jinkwetaw dawk li jaħsbu li qatt mhu se jmutu.

Żmienna għamilnieh u sehemna tajnih.”

Torċa 15 Settembru 2024