Fil-21 ta’ April 1758 f’Għawdex “marru fil-knisja tal-Kapuċċini purċissjoni oħra ta’ tgħakkis ta’ kollha kemm huma t-tfal subien tar-Rabat b’kuruna tax-xewk f’rashom u b’ħabel f’għonqhom, imseħbin minn qassisin bi lbies ta’ tgħakkis u pprietka il-Patri Vinċenz Kapuċċin minn Malta.”
Hekk kiteb il-Kapuċċin Għawdxi Patri Ġaċintu Camenzuli minn manuskritt qadim dwar dik is-sena ta’ nuqqas kbir ta’ xita.
Saru purċissjonijiet oħra fil-5, fit-8, fid-9, fit-12 u fl-14 ta’ April 1758 minħabba li għalkemm kienu saru tlitt ijiem ta’ talb fil-knisja ta’ San Ġorġ fit-28 ta’ Marzu 1758, “Alla tal-ħniena, madanakollu ma għoġbux jibgħat lilna l-mixtieqa xita…”
Jidher li kien biss wara l-purċissjoni li saret fil-lejla tal-Erbgħa 5 ta’ April 1758 li fiha ħadu sehem il-parroċċi kollha ta’ Għawdex li “kellna ftit tax-xita.”
Lebsin xkejjer, ħafjin, sawm u swat
Dawn il-purċissjonijiet saru bil-vara u r-relikwa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, bil-vari tal-Madonna tar-Rużarju, ta’ Sant’Ursola, ta’ San Nikola, bir-“relikwa tal-Madonna u ta’ San Ġużepp f’ostensorju wieħed”.
Kienu jispiċċaw b’quddies kantat. Kant tal-litanija tal-Madonna u bi “prietki li jqanqlu lil kulħadd.”
Fil-purċissjoni tal-14 ta’ April ħadu sehem il-fratellanzi “bil-vara ta’ San Feliċ Kapuċċin, kulħadd ħafi, u Patri Manwel b’salib fuq spalltu, marru fil-Knisja Matriċi, fejn sabu l-espożizzjoni tas-SS Sagrament, hekk imwasslin inxteħtu b’wiċċhom fl-art u għajtu għal tliet darbiet ‘Ħniena’ u Patri Manwel għamel prietka fuq il-kastigi ta’ Alla u qanqal lil kulħadd għall-indiema.”
Fil-purċissjoni tad-9 ta’ April, Patri Manwel kien sawwat lilu nnifsu “quddiem il-ġemgħa kbira ta’ nies …fost il-biki ta’ kulħadd.”
Tradizzjonalment u qabel tmiem is-seklu 17 u s-seklu 18 ma bdiet tidħol ix-xjenza biex tispjega l-klima, kif jissawwar it-temp u għala tagħmel jew ma tagħmilx xita, in-nies fil-pajjiżi Kattoliċi kienu jemmnu li n-nuqqas ta’ xita kien kastig minn Alla minħabba l-ħajja ħażina li kienu jgħixu.
Għalhekk kienu jitolbu, jagħmlu pellegrinaġġi lebsin l-ixkejjer, isumu, jiċċaħħdu minn dak li jtihom pjaċir, isawtu lilhom infushom biex Alla ma jibqax irrabjat għalihom, jagħmel miraklu u jibgħat ix-xita.
It-temp u l-mirakli
Fil-manuskritt dwar dawn il-puċissjonijiet li jikkwota r-Reverendu Dr Martin Micallef fil-ktieb tiegħu ‘CRUX INVICTA – Il-Kurċifiss Mirakoluż u l-Kapuċċini f’Għawdex’ (MidseaBooks – 2020) naqraw li anki jekk ma tagħmilx xita wara dan it-talb kollu, xorta ma kienx għalxejn.
“Iżda għaliex ix-xita ma ġietx u kien hawn bżonn kbir tagħha, Patri Manwel Kapuċċin qatagħha li kellha ssir puċissjoni ta’ tgħakkis, u għamilha, u kienet ta’ ġid kbir għal Għawdex kollu.”
Micallef isemmi pellegrinaġġi oħra f’Għawdex jitolbu lill-Alla biex jibgħat ix-xita. Saru fit-22 ta’ Novembru 1840, fid-29 ta’ Marzu 1846 u fil-15 ta’April 1877.
Il-kultura xjentifika tal-aħħar 250 sena li t-temp għandu l-liġijiet naturali tiegħu u ma jinbidlu bl-ebda intervent divin damet biex daħlet u għad hawn min jemmen li tista’ tagħmel ix-xita b’miraklu minn Alla.
Fil-25 ta’ Ottubru 2024, il-Kurja tal-Arċisqof ħarġet ċirkulari lill-qassisin u lir-reliġjużi biex isir talb għax-xita kif jixtiequ l-bdiewa minħabba n-nixfa li ħallitilhom l-għelieqi tagħhom bil-għatx ħafna.
Żewġ nawfraġji
Fl-1862 il-vapur ‘Grafton’ spiċċa maqbud f’tempesta qawwija u kellu nawfraġju ma’ waħda mill-gżejjer ta’ Auckland. Mill-ekwipaġġ kollu salvaw biss il-kaptan u ħames baħrin.
Il-gżira żgħira li spiċċaw fuqha ma kienx hemm nies fuqha u kienet imbiegħda mijiet ta’ kilometri minn gżejjer abitati. Kellhom ikel għal ftit ġimgħat.
Irnexxielhom jibqgħu ħajjin għal 20 xahar sakemm għadda vapur u ġabarhom. Nies li jistudjaw kif jaħdmu u jitmexxew organizzazzjonijiet jieħdu s-salvazzjoni tal-ħames baħħara tal-‘Grafton’ bħala tagħlima kbira.
Jgħidu li salvaw għax evitaw li jagħmlu tliet żbalji: ma ppanikkjawx, ma nfirdux u ma rawx fil-qasir.
Fi ftit kliem żammew il-kalma, baqgħu magħqudin u kkoperaw bejniethom u ħadu ħsieb xulxin flok iġġieldu u kulħadd ħaeb għal rasu. Ħasbu għal soluzzjonijiet fit-tul flok raw biss il-bżonnijiet immedjati tagħhom. Fuq kollox mexxiehom b’mod għaqli jaħdmu flimkien il-kaptan tagħhom.
Ħiliet u ċirkustanzi
Xahrejn wara, fuq l-istess gżira imma n-naħa l-oħra u bla ma kienu jafu b’xulxin, kien hemm in-nawfraġju tal-vapur ‘Ivercauld’. Mid-19 li salvaw, mietu 16 fi żmien sena.
Dan il-grupp kien immexxi ħażin, ippanikkja, infired u ma kkonċentrax fuq l-aktar affarijiet importanti b’soluzzjonijiet fit-tul. Insomma, skont l-esperti tat-tmexxija u tal-organizzazzjonijiet, tal-‘Ivercauld’ għamlu bil-maqlub ta’ dawk tal-‘Grafton’.
Imma mhux kulħadd jaqbel ma’ din l-interpretazzjoni. Għax tħalli barra l-fatt importanti ħafna li l-ekwipaġġ tal-‘Ivercauld’ tela’ fuq dik il-parti tal-gżira l-aktar diffiċli, fejn it-temp kien aktar kiesaħ u ftit kellhom biex jibnu kenn għalihom u biex isibu ikel x’jieklu.
L-ekwipaġġ tal-‘Grafton’ kellu aktar ikel u fejn isib kenn fil-parti tal-gżira fejn tela’. Kellu aktar opportunitajiet biex jibqa’ jgħix. Il-ġrajja taż-żewġ nawfraġji għal darb’oħra turina li veru aħna l-bnedmin nagħmlu l-istorja u nagħmlu differenza.
Iżda żgur mhux kompletament kif nixtiequ. Jiddependi wkoll miċ-ċirkustanzi reali li nkunu fihom u li l-ebda ħila ma tista’ tbiddel.
Naqbel mal-osservazzjoni li għamel il-ħabib tiegħi Charles Mizzi: “Parabbola tajba li fiha x’titgħallem Malta tal-lum. “Grafton” kien xempju ta’ fejn iwasslu l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn grupp ta’ nies jgħixu flimkien ħa jkomplu jgħixu flok jitmermru. “Ivercauld” kien xempju ta’ kompetizzjoni fejn kull wieħed ħaseb għal rasu u kkompeta ma’ ħuh.
Bħala Malta, ser nitgħallmu li patrijottiżmu iwassal għal “Grafton” u li l-partiġġjaniżmu sfrenat iwassal għal “Ivercauld”? Qabel ikun tard wisq?”
Leħen Mejju 2025