You are currently viewing Kif inkun Samaritan Ħażin

Kif inkun Samaritan Ħażin

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Fis-Samaria, bejn il-Galilea u l-Ġudea, kienu jgħixu s-Samaritani.

Il-Lhud kienu jobogħoduhom lis-Samaritani. Kienu jqisuhom tradituri tar-reliġjon għax kienu jaduraw allat oħra u kienu jaċċettaw parti biss mit-Testment l-Antik.

Is-Samaritan mhux sempliċi qalbu tajba li biex jidher ħanin jgħin lil wieħed li attakkawh il-ħallelin u ħallewh mitluq fit-triq nofsu mejjet.

Jgħidilna Kristu: “Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.”

Is-Samaritan jieqaf jgħinu. Ma joqgħodx jara x’nazzjonalità hu, qabel jgħixnu, ta’ liema klassi, ta’ liema razza, ta’ liema reliġjon u ta’ liema fehma politika. Jaqbad u jgħixu għax hu  persuna atd-demm u l-laħam li għandha bżonn l-għajnuna.

Apposta, bħala provokazzjoni biex nirriflettu fuq “it-tjubija” tagħna, Kristu jsemmi lil xi ħadd ġej mis-Samaria, Samaritan, bħala eżempju tajjeb li għandna nimitaw għax hu raġel tajjeb li lest jgħin lil xi ħadd li jqisu għadu tiegħu. Għal Kristu, s-Samaritan (li jemmen f’allat oħra), huwa ħafna aħjar mill-qassis u l-levita (mit-tribù ta’ Levi li kienu jservu fit-tempju).

Dan hu l-messaġġ qawwi ta’ Kristu: li r-reliġjon ġenwina hija ferm iżjed mill-ħarsien tar-regoli tal-klabb. Hija li tgħin lill-proxxmu li jista’ jkun anki l-għadu tagħna li għandna nqisuh persuna daqsna.

Il-Lhud kienu jobogħdu lis-Samaritani u lil dawk kollha li ma kinux jemmnu bħalhom. Huma kienu fiċ-ċirku tan-nofs, il-magħżula minn Alla, fiċ-ċrieki ta’ madwarhom idaħħlu lill-qraba u lil-Lhud l-oħra. Dawk ta’ ġewwa biss kienu l-proxxmu. Dawk ta’ barra kienu l-għedewwa.

Bil-parabbola tiegħu Kristu ried ikisser dawn iċ-ċrieki: li dawk ta’ ħdejk u bħalek huma persuni li għandek tgħin u dawk differenti u ‘l bogħod minnek għandek tqishom barranin u għedewwa u ma tgħinhomx.

Kristu ried ikisser din it-tip ta’ reliġjon li tippermettilek tħobb lill-Alla u tħares ir-regoli reliġjużi kif tobdi r-regoli ta’ klabb imma mbagħad tobgħod lil min hu differenti minnek u tqisu inqas minnek.

Min hu l-proxxmu

Fil-Vanġelu naqraw: “Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”

“Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.”

Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”

U Ġesù jirrakkuntalu l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb li waqaf jgħin lill-barrani, lil min hu differenti minnu u anki għadu.

Staqsa Kristu lill-għaref fil-Liġi: “Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”

“Min ħenn għalih,” wieġbu dak. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.”

Biex jagħmel hekk fl-ispirtu ta’ Kristu jrid iħobb u jgħin bla preferenzi għal dawk ta’ ħdejk u bħalek għax tqishom persuni li għandek tgħin u dawk differenti u ‘l bogħod minnek għandek tqishom barranin u għedewwa u ma tgħinhomx.

Fi Frar li għadda f’ittra lill-Isqfijiet Amerikani, Papa Franġisku, kien kiteb: “L-imħabba Nisranija mhux sensiela ta’ ċrieki li bil-mod il-mod tinfirex lejn persuni oħra u gruppi. Fi kliem ieħor: il-persuna umana mhux sempliċi individwu, li joħrġu u jinfirxu minnu ftit sentimenti ta’ karità!”

Żied jgħid” il-veru ‘ordo amoris’ il-vera imħabba li għandha tiġi mheġġa hija dik li nfittxu u nsibu fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb … billi nirriflettu fuq l-imħabba li tqisu lil kulħadd aħwa fejn l-imħabba fraterna tagħna tkun miftuħa biex tħaddan lil kulħadd, mingħajr eċċezzjoni.”

Papa Franġisku mhux biss kien qed jikkritika kif il-Presidenza Trump qed titratta b’mod krudil ħafna lir-refuġjati u lill-immigranti, imma lil dawk li jinqdew bir-reliġjon biex juru li imħabba lejn pajjiżhom u l-poplu tagħhom għandha tfisser mibegħda għall-pajjiżi u popli oħra.

Mellieħa Ġunju 2025