You are currently viewing Kif inġeddu s-7 Ġunju 1919

Kif inġeddu s-7 Ġunju 1919

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Għadna kemm fakkarna l-105 anniversarju tas-7 ta’ Ġunju 1919, mument storiku importanti fil-qawmien tal-poplu Malti biex jgħix ħajja diċenti, joħroġ mill-miżerja soċjali u ekonomika li jinsab fiha u jibda jikseb dinjita’ politika u jieħu sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżu. Kien tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. Konna maħkuma mill-Imperu Britanniku. Il-poplu kien jgħix fil-faqar, nuqqas ta’ ikel, prezzijiet għoljin u neguzjanti jabbużaw biex jagħmlu ħafna qligħ.

Ir-rabja kontra l-prezzijiet għoljin tal-ħobż tħallat mas-sentiment patrijottiku u s-sitwazzjoni splodiet meta ntbagħtu s-suldati biex jikkontrollaw il-folla li bdiet tattakka bini li kienu marbuta mal-ħakma kolonjali u man-neguzjanti.

Is-suldati sparaw fuq il-folla. Qatlu u ferew nies mhux armati.

L-eroj u l-martri tas-7 ta’ Ġunju 1919 urew li l-Maltin kienu lesti jqumu kontra l-faqar u l-miżerja li tħallew fiha. Kienu lesti jqumu biex jiksebu sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżhom. Bdew l-ewwel passi biex niksbu l-ħelsien nazzjonali.

Imma l-kisba ta’ demokazija ta’ vot għal kulħadd kienet għadha ‘l bogħod. It-tbatija u s-sagrifiċċji li jagħmlu ta’ qabilna mhumiex sempliċi folklor politiku jew dati f’kalendarju. Għandna ngħożżu l-wirt tagħhom u nġedduh u nsaħħuh jekk ma rridux nitilfuh.

Illum id-demokrazija hija mhedda minna stess.

Is-saħħa tal-flus

In-nies tal-flus li jiffinanzjaw lill-partiti u lill-kandidati għall-elezzjonijiet imexxu huma minn wara l-kwinti anki jekk fuq il-palk jidhru l-politiċi.

Fejn jiġri hekk, flok tistaqsi x’inhu l-programm elettorali tal-partit, trid tistaqsi: min huma dawk li jiffinanzjaw lill-partit u xi jridu huma? Għax isir dak li jridu huma u mhux dak li hemm fil-programm elettorali.

Fejn il-politiċi huma fil-but tan-nies tal-flus, flok tistaqsi x’jemmnu l-politiċi, trid tistaqsi xi jridu n-nies tal-flus? Għax fejn jid]lu l-interessi tag]hom isir dak li jridu huma, jgħidu xi jgħidu x’jemmnu l-politiċi.

Fejn jiġri hekk ma jkunx hemm passi serji kontra l-korruzzjoni politika. Għalhekk illum d-demokrazija tinsab fi kriżi serja f’ħafna pajjiżi differenti, inkluż fostna, għax titħalla titherra minn ġewwa.

Eisenhower iwissi

63 sena ilu il-President Amerikan Dwight Eisenhower fl-aħħar diskors tiegħu wissa dwar l-influwenza kbira li l-kumpanniji li jipproduċi l-armi bdew ikollhom fuq id-deċiżjonijiet tal-gvern.

Wissa li l-poter tagħhom dejjem jiżdied fuq il-politiċi kien se jkollu effetti diżastrużi.

Eisenhower kien jaf x’qed jgħid. Kien ġeneral tal-gwerra. Qabel daħal fil-politika kien ħa sehem fit-Tieni Gwerra Dinjija. Kien jaf kemm imwiet, tbatija u qerda ġġib il-gwerra.

Iżda għall-kumpanniji li jipproduċi l-armi, il-gwerra tfisser qligħ kbir u iżjed ma jkun hemm gwerer aktar jikber is-suq tal-armi u l-bejgħ tagħhom.

Fl-aħħar 63 sena l-affarijiet marru għall-agħar. Il-kumpanniji tal-armi mhux biss jixtru partiti u politiċi imma wkoll xibka sħiħa li biha jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika permezz tal-films, midja, ġurnali u studji ta’ akkademiċi dwar relazzjonijiet internazzjonali. Hemm politiċi ewlenin li għandhom ishma fil-kumpanniji tal-armi, mhux fl-Istati Uniti biss.

Fis-sena 2021 il-Qorti Suprema Amerikana ddeċidiet li l-kumpanniji u n-nies tan-negozju jistgħu jonfqu kemm iridu biex jiffinanzjaw il-kampanja elettorali tal-partiti u tal-kandidati.

Il-flus qabel iċ-ċittadini

Kriżi tad-demokrazija

Anki f’pajjiżi bħal tagħna, fejn m’hawnx kumpanniji li jipproduċi l-armi, in-nies tal-flus jiksbu saħħa kbira meta jiffinanzjaw il-kampanji tal-partiti u tal-kandidati. Suppost għandna liġijiet li jirregolaw il-kampanji elettorali u d-donazzjonijiet tal-flus iżda ma jitħaddmux bis-serjeta’.

Rapport serju tal-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika dwar il-finanzjament tal-kampanji fl-aħħar elezzjoni tpoġġa fuq l-ixkaffa u ntesa bla ebda passi dwar x’jirrikkmanda.

Jinfluwenzaw xi jsir u ma jsirx, x’liġijiet jgħaddu u kif jiġu nfurzati u jpoġġu l-interessi persunali tagħhom qabel iċ-ċittadini.

Spiss jinqdew bil-karita’, għotjiet lill-knejjes, każini tal-baned u tal-futbol biex jidhru benefatturi kbar.

1800 sena ilu l-poeta Ruman Juvenal kien jikteb dwar kif in-nies tal-flus u tal-politika jipprovdu daqxejn ħobż u l-ispettaklu taċ-ċirku biex jikkuntentaw lill-poplu u jżommuh milli jqum kontra tagħhom.

Ħafna aħjar li l-partiti u l-kandidati jkollhom kampanji ffinanzjati mit-taxxi li jħallsu ċ-ċittadini. Il-bqija d-demokrazija ssir plutokrazija: flok tmexxija skont ir-rieda taċ-ċittadini ssir tmexxija min-nies tal-flus.

Noqtlu d-demokrazija fejn il-politiċi jkunu fil-but ta’ nies li għandhom is-saħħa tal-flus.

Torċa 9 Ġunju 2024