Evarist Bartolo qal li jekk in-newtralità ta’ Malta qed tinkwieta lill-Ewropa għax trid tibni armata għaliha, għandna niddikjaraw li aħna ma nużawx il-veto tagħna biex inwaqqfu din milli ssir u li n-newtralità mhix se tfixkel dan l-iżvilupp
“Il-Prim Ministru (Robert Abela) kien qalli li l-grey listing ta’ pajjiżna huwa minħabba l-fatt li aħna pajjiż newtrali.” Dan qalu l-Eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, meta kien qed jitkellem ma’ din il-gazzetta.
Evarist Bartolo serva bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin taħt Robert Abela u hu kien magħruf li ried iżomm relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi kollha, inkluż maċ-Ċina u mat-Turkija.
“Ma naqbilx li l-grey listing ġie għax aħna konna newtrali. Nemmen li xi ħadd daħħal fellus f’moħħ il-Gvern li din kienet ir-raġuni.” Bartolo qal li n-newtralità ħadmet għal pajjiżna matul is-snin u qatt ma fixklet il-miġja u l-pożizzjoni ta’ pajjiżna fl-isfera internazzjonali.
Aħna sirna membri tal-Unjoni Ewropea u niddependu fuq id-difiża mill-UE. Min-naħa l-oħra bqajna newtrali. Konna rrispettati għal din ir-raġuni.
“Hu stqarr li meta kien Ministru kien hemm pressjoni kbira mill-Amerikani biex inkunu aktar viċin il-mod kif jaħsbuha. Waħda mill-affarijiet hi li Malta tkun aktar viċin in-NATO. Tant hu hekk li l-Amerikani kienu lesti joħorġu miljuni biex Malta tkun aktar amministrattivament viċin in-NATO. Diġà konna qed nieħdu parti f’xi inizjattivi tan-NATO.”
Bartolo qal li, fl-opinjoni tiegħu, il-Gvern ma fehemx li l-amministrazzjoni ta’ Trump hi ferm differenti minn dik ta’ Biden u Blinken. Trump ma jħarisx lejn in-NATO bl-istess mod u m’għandux l-istess interess fin-NATO bħalma kellu Biden. “Li kont il-Gvern kont nistenna sakemm nifhem eżatt xi jrid Trump qabel ma nfajjar xi deċiżjoni.” Dan qalu filwaqt li rrikonoxxa li l-Gvern ta’ Abela hu viċin ħafna l-Amerka!
“In-newtralità tfisser ħafna għall-grass roots tal-Partit Laburista. Ma nippruvawx naħsbu li mhux importanti għal-Laburisti ta’ ċerta età. Ma ninsewx li dawn huma s-sinsla tal-Partit,” qal Bartolo.
Jien ma nistax nifhem u qal: “Why break something when it has worked fine?”
Bartolo qal li jekk in-newtralità ta’ Malta qed tinkwieta lill-Ewropa għax trid tibni armata għaliha, għandna niddikjaraw li aħna ma nużawx il-veto tagħna biex inwaqqfu din milli ssir u li n-newtralità mhix se tfixkel dan l-iżvilupp. “Fid-dawl tal-politika ta’ Trump, nifhem għalfejn l-Ewropa trid li jkollha armata f’isem il-pajjiżi kollha.”
Dwar ir-rikonoxximent tal-Palestina, Bartolo kien dirett: “Aħna konna tajna l-kelma lil xi pajjiżi Ewropej li ħa nirrikonoxxu lill-Palestina. Imma anke fi żmieni, Iżrael għamlet pressjoni kbira fuq pajjiżna biex ma nagħmlux hekk. U dawn komplew wara li tlaqt. Irnexxielhom ibeżżgħuna. Il-Palestina ħaqqha rikonoxximent!”
Intervista mill-’Illum’ 9 Frar 2025