You are currently viewing Kemm batew ta’ qabilna

Kemm batew ta’ qabilna

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Anki qabel l-1419, in-nies kienu abbandunaw il-Mellieħa u madwar 29 raħal ieħor. Aktarx li dawn l-irħula ġew abbandunati wara li fl-1350 il-pirati ta’ Barbarija żviluppaw bażi f’Bougie fl-Afrika ta’ Fuq. Bdew jorganizzaw l-attakki tagħhom, fosthom anki kontra Malta, ta’ spiss u aktar qawwijin minn qabel.

Il-piraterija kienet ilha għaddejja fil-Mediterran. Il-Maltin stess kien ilhom mill-inqas mis-seklu 12 jieħdu sehem fil-piraterija li kienu jagħmlu l-ibliet ta’ Ġenova, Pisa u Venezja. Kien perikoluż ħafna tgħix f’raħal daqshekk qrib il-baħar bħall-Mellieħa, b’bajjiet li faċilment setgħu jinżlu fihom il-pirati, jaħtfu kulma jistgħu jġorru u jieħdu bħala lsiera lin-nies li jsibu. Il-Mellieħa kienet ukoll wisq qrib ta’ Kemmuna fejn kienu jistkennu l-pirati u minn hemm jattakkaw ix-xwieni li jkunu qed jaqsmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex.

L-istoriku Godfrey Wettinger li studja ħafna ż-Żmien Nofsani jgħidilna li l-baħar kien perikoluż mhux għall-Mellieħa biss. Għall-ħafna sekli f’Malta ma nsibux irħula jew bliet qrib il-baħar mal-kosta, ħlief il-Birgu għax kien hemm il-Kastell ta’ Sant Anġlu jiddefendih. Il-Maltin ma kinux jissugraw joħoġu jistadu biex ikollhom x’jieklu minkejja l-baħar kbir li kien idawwarhom b’abbundanza ta’ ħut. Anki s-salini tal-Mellieħa li aktarx ġew abbandunati meta n-nies telqu mir-raħal, ftit kienu jħaddmu nies meta kien għadhom jintużaw.

Minflok mill-baħar, in-nies kienu jaħdmu l-għelieqi fi gżejjer fejn l-ilma dejjem kien skars bin-nuqqas ta’ xita. Tant li dejjem kellna nġibu l-qamħ minn Sqallija għax anki meta kellna popolazzjoni ta’ 10,000 biss ma konniex inkabbru qamħ biżżejjed għalina.

Minbarra l-attakki miż-żewġ naħat tal-Mediterran, in-nies tal-għelieqi ġie li kellhom isofru ‘invażjonijiet’ mill-familji nobbli Maltin li riedu jaħtfu l-art għalihom. Fl-1449 il-familja Desguanes riedet tieħu parti mill-art komuni ta’ Miżieb ir-Riħ. Fl-1479 ta’ Desguanes riedu jaħtfu iżjed art komuni u jgħaqqduha mal-art li kellhom Għajn Żejtuna. Għalkemm ir-raħal kien ġie abbandunat xi nies baqgħu jgħixu f’xi għerien bil-merħliet tagħhom li setgħu jirgħu fl-art komuni tal-inħawi għax kienu art ta’ kulħadd. Imma n-nobbli rieduhom għalihom.

Ftit għandna dokumenti storiċi li jgħinuna nifhmu x’ġara f’dawk iż-żminijiet ta’ attakki tal-pirati, mard, faqar u ħakma korrotta minn Spanjoli li kienu jħallsu biex jingħataw lil Malta u jiġbru ħafna taxxi biex jieħdu lura flushom li ħallsu lir-re biex jieħdu Malta.

Kellhom jgħaddu erba’ sekli biex in-nies reġgħu bdew jersqu lejn 1-inhawi tal-Mellieha u jissugraw jgħixu hawn meta għadda 1-periklu tal-invazjonijiet tal-pirati u r-raħal sar parroċċa fis-sena 1844. Jagħtina ħjiel kif kienet il-Mellieħa fl-ewwel snin tagħha George French Angas li żar ir-raħal fil-ħarifa tal-1841.

Wasal bil-baħar wara li kien mar bid-dgħajsa mill-Belt Valletta għal San Ġiljan għal San Pawl il-Baħar. Id-dgħajsa daħlitu l-Għadira. Baqa’ mpressjonat kemm kien baxx il-baħar u kemm kien abjad u sabiħ ir-ramel tal-bajja. Intefa’ jgħum. Peress li r-riħ tqawwa ma riedx imur lura l-Belt Valletta bid-dgħajsa għax qies il-baħar perikoluż wisq. Qal lil tad-dgħajsa li hu se jitla’ r-raħal tal-Mellieħa u jara kif imur lura bil-kaless jew bil-karrettun. 

Hu u tiela’ lejn ir-raħal ra l-għajn tal-Mellieħa bl-ilma ġieri ħiereġ mill-blat, b’ħafna ħaxix u fjuri sbieħ u l-werżieq jinstema’ mis-siġar tal-ħarrub u tat-tin. Ra l-friefet u l-gremxul. Ra wkoll tfajliet sbieh b’għajnejhom skuri jieħdu l-ilma mill-għajn u jġorruh f’ġarar fuq rashom “bħan-nisa Għarab u Indjani.”

Xħin daħal fil-bitħa tas-Santwarju ra siġar taż-żebbuġ u statwi. Sab raġel oħxon u xiħ li ħasbu l-ħaddied tar-raħal iżda mbagħad sab li kien minn xi mkien qrib il-Belt Valletta. Bi ftit Ingliż imfarrak dan ir-raġel ipprova jgħidlu dwar l-istorja tas-santwarju, imma ftit li xejn fehmu. Xtaq jara x-xbieha mpittra tal-Madonna iżda ma rnexxilux. Minflok dawruh ma’ fejn kien hemm imdendla pitturi dwar baħħara li talbu l-għajnuna tal-Madonna biex ma jegherqux u forom ta’ partijiet tal-ġisem ta’ nies li talbu lill-Madonna għall-fejqan. 

Mar lura lejn il-Belt b’karrettun.

Il-Mellieħa April 2024