You are currently viewing Joe Brincat – raġel eżemplari

Joe Brincat – raġel eżemplari

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar miet l-Avukat Joe Brincat li ddedika ħajtu biex iservi lill-poplu tagħna u lill-pajjiżna b’mod eżemplari.

F’Diċembru 1986 l-Avukat Joe Brincat kien attenda għall-funeral taż-żagħżugħ attivista Nazzjonalist Raymond Caruana li kien ġie maqtul b’tiri tan-nar waqt li kien qiegħed fil-Każin tal-PN tal-Gudja.

Ma kienx faċli tattendi funeral ta’ żagħżugħ tal-partit kontrik u meta nies mill-partit tiegħek kienu akkużati li qatluh.

Kien żmien ta’ firda u mibegħda tribali partiġġjana fil-kriżi tal-elezzjoni 1981 b’sistema elettorali li kienet tippermetti li l-PN ġab il-maġġoranza tal-voti u ma ggvernax.

Il-ġest li jmur għall-funeral juri l-valuri umani li Brincat għex u ħadem għalihom fis-snin twal li għamel iservi lill-pajjiżna bħala politiku Laburista fl-oqsma tad-djar, l-artijiet, ġustizzja, affarijiet parlamentari, ambjent u kultura nazzjonali.

Għal Joe Brincat il-politika ma kinetx gwerra bejn l-għedewwa.

Serva wkoll lill-poplu tagħna bħala reliġjuż, kittieb, għalliem, uffiċċjal fiċ-ċivil, avukat, editur u rappreżentant Malti fil-Kunsill tal-Ewropa.

Baqa’ dejjem jaħseb b’moħħu minkejja li kien f’partit politiku u f’kabinett.

Kien lest jieħu posizzjonijiet mhux popolari anki fir-realta’ partiġġjana u klijentelari lokali u minħabba f’hekk ġie li ma telax.

Joe Brincat qatt ma sar ilsir tal-poter jew tal-posizzjonijiet għolja u prestiġġjużi.

Uża l-intelliġenza fina tiegħu, il-ħila li jitkellem u jikteb b’mod effettiv, is-sens ta’ umoriżmu tiegħu għall-ġid tal-poplu tagħna u ta’ pajjiżna.

Wera li anki jekk tagħmel snin twal fil-politika tista’ tibqa’ onest u diċenti fejn tgħix il-politika bħala servizz għall-ġid komuni u mhux għall-interessi persunali tiegħek.

Papa Franġisku u l-politika

“Il-politika ma tantx tgawdi rispett. Imma l-politika, mhux il-logħob politiku, hija dik li tisma’ biex tipprova tifhem x’inhu għaddej … li qiegħda hemm biex isservi lill-fqar … u tieħu ħsieb lil dawk bla xogħol … jekk narawha hekk il-politika tkun iżjed nobbli milli tidher.” (Papa Franġisku).

Matul dan ix-xahar ta’ Awwissu Papa Franġisku jixtieq li jsir talb għall-politiċi: “Għal dawk il-politiċi li jservu lill-poplu tagħhom, li jaħdmu għall-iżvilupp sħiħ uman, li jieħdu ħsieb lil dawk li jitilfu x-xogħol u li jpoġġu l-ewwel lil dawk li huma l-iżjed fqar.”

Huwa qal li “għandna nitolbu għall-mexxejja politiċi u għandna nkunu grati lejn dawk il-politiċi li huma mpenjati li jservu, mhux għall-poter, iżda li jaħdmu kemm jifilħu għall-ġid komuni.”

Għaliex nitolbu għall-politiċi?

Il-Ġiżwita Frédéric Fornos li jmexxi l-Programm Internazzjonali Papali tat-Talb jistaqsi: “Għaliex għandna nitolbu għall-mexxejja politiċi? Il-politiċi huma kif nagħmluhom aħna. Minflok inxerdu l-istmerrija fi kliemna u fi ħsiebna dwarhom, għandna ngħinuhom isiru l-irġiel u n-nisa kif nixtiequhom. Ejja nitolbu għalihom kif jistedinna Papa Franġisku.”

Patri Fornos jgħid li waqt li hemm mexxejja politiċi mimlija regħba u b’kilba għall-poter, hemm ħafna li jaħdmu għall-ġid komuni.

Isaqsi: “Aħna x’qed nagħmlu? Kieku minflokhom x’nagħmlu? L-inqas li nistgħu nagħmlu hu li nitolbu għalihom.”

Rispett bil-fatti

Rat lill-kennies jiknes fit-triq tagħha taħt xemx tikwi.

Ħarġet fil-gallerija u staqsietu: “Tixtieq ftit frott u ilma frisk?”

Qalilha: “Iva, jekk jogħġbok.”

Daħlet ġewwa u reġgħet ħarġet u newlitlu l-frott u l-ilma.

“Grazzi ħafna qalilha.”

Qaltlu: “Grazzi li tiġi tnaddfilna.”

U reġgħet daħlet ‘il ġewwa.

Suppost imexxi

Kien suppost imexxi skola.

Flok surmast kien sar tapit.

L-istudenti u l-għalliema

Kulħadd jagħmel bih li jrid.

Mhux billi jkollok xi titlu.

Biex ma taqax għaż-żufjett.

Trid tkun taf tmexxi bil-għaqal

U hekk tirbaħ ir-rispett.

Skont it-tieqa

Wieħed qalli li hu bnazzi.

L-ieħor qalli li maltemp.

Dan hu qrunu, qalli ieħor.

Le, qal ieħor. Dan id-denb.

L-ieħor faħħar il-frott helu.

L-ieħor maqdru kemm hu qares.

Faċli tinsa illi tara

skont mil-liema tieqa tħares.

Torċa 25 Awwissu 2024