You are currently viewing Jimpurtana minn ta’ warajna?

Jimpurtana minn ta’ warajna?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

“M’għamilx ilma dis-sena. U mbagħad ġie r-riħ u ħaraqli l-ful kollu. Lanqas se niżra u nħawwel xejn iżjed dis-sena għax għalxejn. Ikolli nixtri l-ħaxix li s’issa dejjem ħadt gost nieħu mill-ftit raba li għandi. Xi trid tagħmel? In-natura!”

Kont qed nitkellem ma’ raġel li għamel ħafna minn ħajtu jaħdem ir-raba. 

Kont qed ngħidlu kemm qed jagħmel temp sabiħ. Qabel miegħi imma qalli li l-bdiewa qed jibku bin-nuqqas ta’ xita.

Xahar ilu l-Aġenzija tal-Ambjent Ewropea ħarġet rapport li l-Unjoni Ewropea mhix ippreparata għar-riskji serji ħafna li qed toħloq u se tohloq dejjem iżjed il-bidla fil-klima b’temp estrem ta’ mewġiet ta’ sħana, ta’ nixfa u għargħar f’salt.

Il-klima ilha tinbidel miljuni ta’ snin. Kieku ma nbidlitx Malta ma teżistix għax kien hemm żmien li l-Mediterran ma kienx jeżisti u dawn l-inħawi fejn ninsabu ma setax jgħix il-bniedem fihom.

Id-differenza issa li l-klima qed tinbidel ħafna iżjed malajr u qed tagħmel inħawi sħaħ impossibbli biex il-bnedmin jibqgħu jgħixu fihom. Diġa’ għandna miljuni li qed jaħarbu mnejn twieldu minħabba n-nixfa u ma jistgħux ikabbru iżjed ikel għalihom u għall-bhejjem tagħhom.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem li l-klima qed tinbidel mhux minħabba n-natura nnifisha iżda minħabba kif ħassar l-ambjent il-bniedem stess bit-tkabbir ekonomiku selvaġġ fl-aħħar 300 sena li fih iddikjara gwerra lin-natura flok żviluppa fil-paċi magħha.

L-Aġenzija għall-Ambjent Ewropea tgħid li se jsiru iżjed spiss il-mewġiet ta’ sħana li diġa’ kellna bħalhom is-sajf li għadda. Se jmutu mijiet ta’ eluf ta’ nies u bil-baħar jogħla u jgħarraq meded sħaħ qrib ix-xtut se jinqerdu partijiet sħaħ tal-ekonomija li jfissru telf kbir ta’ flus.

“Jekk mhux se jittieħdu passi urġenti issa l-bidla fil-klima se tolqot ħażin ħafna s-sistemi tas-saħħa, il-biedja, l-infrastruttura … hemm bżonn li kull qasam jipprepara u jwettaq pjan kif se jilqa’ għall-isfidi, inkella dawk li llum huma tfal u trabi se jintlaqtu ħażin ħafna meta jikbru.” Jgħid ir-rapport.

Dak iż-żmien jasal ukoll.Aktar preċiżi jekk ngħidu li beda.

Ir-rapport isemmi li l-agħar li qed jintlaqtu huma l-pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa, propju fejn ninsabu aħna.

Is-sajf li għadda sofrejna mewġa ta’ sħana qawwija. Kellna l-qtugħ tad-dawl. Kien hemm jiem ta’ sħana li ma tistax tissapporti. Min ikabbar id-dwieli għall-inbid kien inkwetat li se jinqeridlu.

Ġeografikament se nibqgħu fil-Mediterran iżda bħall-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran qed nitilfu l-klima u temp tal-Mediterran u qed insiru aktar bħall-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. 

Dan qed iġib u se jġib iżjed bidliet f’kull qasam ta’ ħajjitna.

Jekk ma nieħdux ħsieb minn issa se nbatu u se jbatu iżjed dawk li twieldu diġa u se jkunu qed jgħixu fil-bqija tas-seklu 21.

L-għaqal jitlob li nieħdu ħsiebhom ukoll. Mhux nirraġunaw li “Imbagħad jaraw huma” kif hawn politiċi li jgħidu fil-magħluq (għax fil-pubbliku jgħidu li għandhom viżjoni għall-futur!)

Meta konna taħt il-Biżantini

Ordna li jaqtgħulhom imneħirhom u idejhom. Lil Teodoru eżiljah f’Għawdex u ordna lill-mexxej Biżantin ta’ Malta biex xħin jasal jaqtagħlu sieq.

Ftit li xejn nafu dwar niesna li kienu jgħixu f’dawn il-gżejjer meta konna taħt il-Biżantini. Minn dawk in-nies kemm baqgħu jgħixu hawn fis-sekli ta’ wara? F’dawk iż-żminijiet kemm ġew nies jgħixu hawn jaħarbu minn artijiet oħra kif ġie li niesna kellhom jaħarbu lejn artijiet oħra?

Xi lsien kienu jitkellmu? Kemm kien hawn nies? Kif kienu jgħixu? Fejn kienu jgħixu fil-gżejjer? Fhiex kienu jemmnu? Kien hawn reliġjonijiet differenti? Kif kienu mmexxijin Malta u Għawdex fil-qasam politiku, militari u reliġjuż?

Ħafna mistoqsijiet u ftit tweġibiet li bdew jitwieġbu dan l-aħħar għax qabel konna nqidu li dak iż-żmien konna xi ftit jew wisq bħal Sqallija li wkoll kienet f’idejn il-Biżantini.

It-tweġibiet aktar milli f’xi dokumenti jistgħu jgħinuna nwieġbu ftit minnhom is-sejbiet ta’ fuħħar, fdalijiet ta’ bini u katakombi minn dak iż-żmien. 

Jidher li kien hawn ħajja magħġuna mar-rejaltajiet tal-gżejjer tagħna u mhux tixbah f’kollox lil Sqallija.

Instabu xi muniti fejn kien hemm bażilika Biżantina f’Tas-Silġ f’Marsaxlokk.

Kien hemm komunitajiet ta’ Nsara tal-Lvant f’postijiet bħar-Rabat u s-Salina.

Kellna wkoll komunita’ Lhudija.

Jidher li l-portijiet tagħna madwar il-gżejjer kienu jintużaw ħafna għall-kuntatt maż-żewġ naħat tal-Mediterran.

Il-Biżantini kisbu dawn il-gżejjer fl-istess żmien li rebħu artijiet fl-Afrika ta’ Fuq (533) u Sqallija (535).

L-imperu Biżantin kien jikkontrolla kważi l-artijiet kollha ta’ madwar il-baħar Mediterran fosthom l-Italja, Greċja u t-Turkija, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.

Il-kapitali kienet Kostantinopoli (illum Istanbul).

Ħaduna għal 300 sena li matulhom użawna bħala bażi militari u navali. Kellna wkoll kummerċ ħaj ma’ Sqallija u l-Afrika ta’ Fuq.

Ħafna mill-ftit li nafu fuq il-perjodu Biżantin fil-gżejjer tagħna nafuh frott ix-xogħol tal-istoriċi TS Brown u Charles Dalli u tal-arkejologi B Bruno u Nathaniel Cutajar.

Torċa 7 April 2024