You are currently viewing Jerġa’ jsir lussu li ntiru?

Jerġa’ jsir lussu li ntiru?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem biex tgħolli ħafna l-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru biex in-nies jivvjaġġaw bit-tren flok bl-ajruplan.

Għall-gżejjer bħal tagħna li ħafna minna u mit-turisti li jżuruna nivvjaġġaw bl-ajru għax żgur li l-ebda tren ma tgħaqqadna ma’ xi pajjiż ieħor, deċiżjoni bħal din tolqotna ħażin ħafna.

Peress li l-ajruplani jniġġsu ħafna hemm il-ħsieb li l-ivvjaġġar bl-ajru jitnaqqas bin-nofs fis-snin li ġejjin u jiżdied ħafna l-ivvjaġġar bit-tren.

Il-Ġermanja, Franza u l-Awstrija diġa’ qed jieħdu passi biex iħajru  ċ-ċittadini jivvjaġġaw bit-tren.

Fis-snin li ġejjin qed jiġu ppjanat rotot ġodda li jgħaqqdu lil Berlin, Brussel, Ruma u Barċellona.

Qed jingħad li l-ivvjaġġar bl-ajru se jerġa jsir privileġġ għan-nies tal-flus u li għall-ħafna mill-poplu se jerġa’ jsir lussu li ma jaffordjahx.

Tajjeb li nieħdu ħsieb minn issa biex naħdmu flimien: gvern, Parlament Malti, Membri Maltin tal-Parlament Ewropew, operaturi tal-ivvjaġġar u turistiċi … biex ma nintlaqtux ħażin b’miżuri li jgħollu l-ivvjaġġar bl-ajru kif diġa’ ntlaqatna ħażin bit-trasport bil-baħar.

Għall-gżejjer bħal tagħna trid issir eċċezzjoni. Il-miżuri li jittieħdu rridu naraw li l-ivvjaġġar bl-ajru bejn Malta u l-bqija tad-dinja jibqa’ possibbli kemm għalina bħala ċittadini u kif ukoll għat-turisti li jżuruna.

X’se jibqa’?

X’se jibqa’ minn dan il-wied

– waħda mill-isbaħ dehriet?

X’se jibqa’ minn dan il-palm

jitgħaxxaq kuljum bil-baħar,

daqqa mqalleb, daqqa kalm?

X’se jibqa’ minn dan il-wied

la jinbnew it-torrijiet?

L-aqwa s-sid nagħmluh kuntent 

f’din l-art ħelwa tas-siment.

Malta teħles minn kull gwaj

‘kk issir kollha bħal Dubaj.

F’tarf il-wied li jieħu għall-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan se jinbnew żewġ torrijiet ta’ 27 u 34 sular, b’789 appartament kif ukoll lukanda b’247 kamra u 16,000 metru kwadru ta’ uffiċini.

Danilo Dolci

Fit-28 ta’ Ġunju 1924 twieled Danilo Dolci fil-provinċja ta’ Trieste. 

Ftit qabel miet, 27 sena ilu, ħabib tiegħi Sqalli qalli kif Danilo talbu jieħdu jara d-diga li kien irnexxielu jibni fuq ix-xmara Jato biex il-bdiewa jkollhom biex isaqqu u ma jibqgħux ikkontrollati mill-Mafja.

Ra demgħa ta’ ferħ nieżla ma’ ħaddejh jara dak l-ilma kollu miġbur għall-biedja fejn qabel kien hemm nixfa u l-Mafja tikkontrolla li min tagħti l-ilma biex isaqqi.

Aktarx dan kien il-progett li l-aktar irnexxielu u li l-ġid tiegħu għadu jinħass sal-lum. Id-diga tat ħajja ġdida lill-inħawi kif ukoll lill-eluf ta’ familji li qabel kienu jgħixu fil-miżerja.

Bħal ħafna żgħażagħ oħra minn kull naħa tad-dinja kelli x-xorti nagħmel sentejn naħdem miegħu madwar 50 sena ilu.

Kont naħdem fiċ-Ċentru Edukattiv Ġdid li fetah f’Partinico b’esperjenza edukattiva tistimola lit-tfal jiskopru d-dinja ta’ madwarhom.

Kien laqqagħni miegħu Patri Dijonisju Mintoff meta kien żar Malta fis-snin 70 f’attivita` tal-Laboratorju tal-Paċi.

Danilo Dolci għamel 45 sena jaħdem qalb l-Isqallin fejn kien mar fl-1952 b’hafna rhula mimlijin miżerja u mard, bla xogħol, bla djar diċenti, bla toroq, bla ilma, bla dawl u bla drenagg u bla fosos. Mijiet ta’ eluf kellhom jemigraw għax ma kienx hemm futur għalihom f’pajjiżhom.

Noħolmu u naħdmu għal dinja aħjar

Intbagħat il-ħabs meta l-istat kien jipproteġi lill-Mafjużi flok lill-vittmi tagħhom u meta kien hemm nies fil-Knisja u fil-Partit Demokristjan b’rabtiet qawwijin mal-kapijiet Mafjużi.

Organizza protesti non-vjolenti, strajkijiet tal-ġuħ uħafna laqgħat biex iqajjem kuxjenza dwar il-miżerja fi Sqallija, l-effetti ħżiena tal-kontroll Mafjuż fuq il-ħajja tal-Isqallin u toqtol kull żvilupp ekonomiku u soċjali li ma tgawdix minnu. Wassal l-ilħna tal-bdiewa, sajjieda, romol u nies bla xogħol.

Kien jemmen li s-soluzzjonijiet għall-problemi ma jaqgħux waħedhom mis-sema jew minn xi ras kbira iżda b’ħidma, ħsieb u enerġija ma’ dawk kollha milquta. Kien ixammar il-kmiem u jaħdem flok jippriedka lill-ħaddieħor x’għandu jagħmel.

Tul ħajtu rabat flimkien il-ġustizzja soċjali, il-paċi, l-edukazzjoni, il-mużika, il-poeżija, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-ambjent.

Danilo Dolci kellu n-nuqqasijiet tiegħu bħal kull wieħed u waħda minna. Meta fl-1968 terremot qawwi ħarbat il-ħajja ta’ eluf ta’ familji fil-Valle del Belice, mexxa kampanja qawwija biex jinbnew irħula ġodda u ppjanati tajjeb u l-istat ma jabbandunax lin-nies milquta.

Kien raġel kbir. Ħolom u ħadem għal edukazzjoni ġdida li tpoġġi lit-tfal l-ewwel, żvilupp ekonomiku li jistma lin-nies ta’ bnedmin u jirrispetta n-natura, favur politika ħielsa mill- kriminalita`, favur Sqallija bla bażijiet militari u dinja bla gwerra.

Għadu sal-lum jispirana biex nibqgħu noħolmu dinja aħjar u naħdmu għaliha b’mod prattiku kuljum.

Torċa 14 Lulju 2024