You are currently viewing Ix-xita tal-ħamrija u n-nukleari

Ix-xita tal-ħamrija u n-nukleari

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Kemm iddejjaqna x-xita tal-ħamrija li tiġi minn fuq id-deżert tas-Saħara għax tħamġilna l-karozzi, it-twieqi tad-djarna u l-ħasla ta’ fuq il-bejt. Mhux biss. Iżda wkoll tagħmel ħsara lil dawk li jbatu mill-ażżma, problemi tan-nifs u mard tal-qalb.

Imma qatt ħsibna kemm dik ix-xita tal-ħamrija ġabet u għadha ġġib mewt u mard bil-kanċer tul dawn l-aħħar 64 sena fl-Alġerija u fil-pajjiżi ġirien Mediterranji (fosthom Malta), Afrikani u Ewropej?

Fil-parti Alġerina tad-deżert tas-Saħara Franza splodiet diversi bombi atomiċi fi 17-il test nukleari li għamlet bejn l-1960 u l-1966.

L-ewwel bomba atomika splodietha fl-għodwa tat-13 ta’ Frar 1960. Kienet tliet darbiet aktar b’saħħitha mill-bomba atomika li l-Istati Uniti tefgħet fuq il-belt ta’ Nagasaki fil-Ġappun fl-1945 li qerdet kollox f’distanza ta’ żewġ kilometri, qatlet 39,000 u korriet serjament 25,000 oħra. F’dawn l-aħħar 60 sena ħafna minn dawk li baqa’ ħajjin u wliedhom bdew jimirdu b’tipi differenti tal-kanċer tal-lewkemja, tat-tirojde, sider u pulmun.

Għall-ewwel il-pjan ta’ Franza kienet li t-testijiet nukleari tagħmilhom fil-gżira ta’ Korsika fil-minjiera tal-fidda Argentella Mastif li ma kinetx għadha tintuża. Imma l-poplu Korsikan ta’ kull fehma politika tant ipprotesta bil-qawwi li kellhom jabbandunaw il-pjan tat-testijiet f’Korsika u minflok iddeċidew li jagħmluhom fid-deżert tas-Saħara fl-Alġerija.

Ħabbru dawn il-pjani fl-1959. F’Malta kien hawn min wera tħassib serju kif dawn it-testijiet jolqtu s-saħħa tal-poplu tagħna.

Nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Ottubru 1959, il-General Workers’ Union għaddiet riżoluzzjoni tipprotesta kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Franċiż li jisplodi bombi atomiċi fid-deżert tas-Saħara li hu qrib Malta u ramel minnu jinġarr lejn Malta u jniġġes lill-poplu tagħna u lill-pajjiżna. Il-GWU talbet lill-Gvern Imperjali li dak iż-żmien kien imexxi lil Malta biex jipperswadi lill-Gvern Franċiż ma jagħmilx dawn it-testijiet.

Fil-konferenza stampa fid-29 ta’ Lulju 1959 meta mistoqsi fuq il-periklu għal Malta minn dawn it-testijiet, il-gvernatur Ingliż wieġeb li l-Gvern Franċiż qed jagħti garanzija ta’ 100% li s-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali mhux se tintlaqat ħażin.

Malta ma kellhiex tagħmir biex tkejjel it-tniġġis nukleari f’pajjiżna u lanqas nies jifhmu fil-qasam.

Il-Gvern Franċiż beda u baqa’ għaddej bit-testijiet nukleari u minn dak iż-żmien ‘l hawn huwa stmat li eluf sofrew l-effetti tar-radjoattivita’ nukleari mhux biss fl-Alġerija stess iżda anki fil-pajjiżi ġirien għax ir-riħ li jġorr ir-ramel kontaminat ta’ fejn saru t-testijet ma jagħtix każ tal-fruntieri.

Il-mard tal-kanċer żdiedu fil-pajjiżi ġirien mit-testijiet ‘l hawn. Fil-pajjiżi Afrikani qajmu kuxjenza qawwija u gvernijiet Afrikani bdew jagħmlu pressjoni biex dawn it-testijiet jieqfu. Waqfu fl-1966 u bdew isiru f’xi gżejjer fil-Paċifiku fejn ukoll mietu mardu ħafna nies tal-inħawi.

Iżda fis-snin 80 bdew jinħassu l-effetti tat-tniġġis fuq is-saħħa ta’ nies fl-inħawi fl-Alġerija u pajjiżi ġirien, fosthom il-Libja.

Fis-sena 2010 il-Parlament Franċiż għadda il-liġi Morin biex tikkumpensa lil dawk li batew minħabba t-testijiet nukleari fis-Saħara iżda l-liġi tapplika biss għal dawk li kienu jgħixu fl-inħawi u għal ċerti mard biss.

L-irvell tal-ilsiera

Fi Frar 1748 wasal f’Malta xini Ottoman wara li l-ilsiera Nsara fuqu, fosthom Maltin, kienu rvellaw u ħatfuh.

Minflok lejn Rodi baqgħu ġejjin bih Malta, bil-Baxa’ Mustafa (il-gvernatur Ottoman) ta’ Rodi fuqu.

Wara li daħlu fil-Port il-Kbir huma taw il-Baxa’ Mustafa’ f’idejn l-Ordni tal-Kavallieri li żammewh arrestat f’dar. 

Franza qabżet għalih għax kienet f’allejanza mal-Ottomani Torok. Ġiegħelet lill-Ordni biex teħilsu mill-arrest u żżommu Malta.

Huwa ġie meħlus u żżewweġ Maltija, sar Nisrani u baqa’ jgħix Malta.

Għaddiet ftit aktar minn sena mindu wasal Malta u matulha Mustafa’ firex ħafna l-influwenza tiegħu.

Ħafna mill-qaddejja tal-Ordni tal-Kavallieri kienu lsiera Misilmin Torok u Mustafa’, bil-wegħda li l-Ottomani se jibgħatu forzi biex jgħinuh beda jorganizza rvell tal-ilsiera Misilmin kontra l-Ordni. 

Stmat li kien hawn 9,000 lsiera Misilmin dak iż-żmien minn popolazzjoni lokali stmata li kienet 110,000.

Għall-imnarja

Ippjana li fl-Imnarja meta tkun għaddejja l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, l-ilsiera jivvelenew l-ikel tal-Kavallieri fl-ikla kbira li jorganizzaw u jirvellaw. Jeħilsu lill-ilsiera sħabhom u jieħdu f’idejhom lil Malta u mbagħad jgħadduha f’idejn l-Imperu Ottoman.

Imma fis-6 ta’ Ġunju tlieta minn dawk li kienu qed jorganizzaw l-irvell, kienu f’ħanut tal-kafe’ fit-triq li llum nafuha bħala Triq San Kristofru l-Belt, ippruvaw idaħħlu magħhom għassies tal-Gran Mastru Manuel Pinto de Fonseca ta’ dak iż-żmien. Inqalgħet ġlieda u sid il-ħanut, ċertu Ġużeppi Cohen, Lhudi li kkonverta u sar Nisrani, rrapporta lit-tlieta li ġew arrestati, ittorturati u kixfu l-komplott. 

38 mexxejja tal-komplott ġew arrestati u qatgħulhom rashom. 125 oħra ġew mgħallqa f’Misraħ San Ġorġ u tmienja oħra ġew ikkundannati jaqdfu fuq ix-xwieni għall-bqija ta’ ħajjithom.

Mustafa’ li organizza l-komplott ġie meħlus għax reġgħet qabżet għalih Franza biex iżżomm relazzjonijiet tajba mat-Torok.

Xini Franċiż ħadu lura Rodi.

Ktieb interessanti tal-istoriku William Zammit (‘Treason And Blood: The 1749 Plot Of The Slaves In Malta’) huwa mimli tagħrif dwar dan il-komplott tal-ilsiera b’dokumenti li sab tal-Inkwiżitur u tas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan ta’ dak iż-żmien. 

Jiddeskrivi il-kundizzjoni tal-ilsiera fir-realta’ soċjali, ekonomika u politika ta’ dak iż-żmien, is-sistema tal-qrati, l-użu tat-tortura u l-metodi ta’ qtil u r-reazzjoni tal-Maltin.

Torċa 3 Marzu 2024