You are currently viewing Itektek l-arloġġ tal-aħħar tad-dinja

Itektek l-arloġġ tal-aħħar tad-dinja

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Ninsabu fil-periklu kbir ta’ gwerra nukleari li teqridna lkoll.

Aktarx li ftit ikun hawn min jieħu dan il-kliem bis-serjeta’. Aktarx ħafna jaħsbu li dawn esaġerazzjonijiet u jekk jiġru wara kollox jiġru xi mkien ieħor ‘il bogħod minna.

Imma la huma esaġerazzjonijiet u lanqas ‘il bogħod minna.

F’dawn l-aħħar jiem ir-Russja qalet li jekk l-armamenti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jintużaw biex jolqtu ġewwa r-Russja u li dawn il-pajjiżi jigħatu t-truppi tagħhom fl-Ukrajina, tkun lesta tuża’ l-armi nukleari.

Jekk tasal għal dan il-pass, aktarx li għall-ewwel tuża’ arma nukleari ta’ daqs żgħir fl-Ukrajina stess.

Imma meta jiġri hekk jikber il-periklu li l-gwerra taħrab minn kull kontroll, tinfirex u tikber u ssir gwerra dinjija li tolqot kullimkien.

Jeżisti arloġġ li jissejjaħ ‘L-Arloġġ tal-Aħħar tad-Dinja’ mmexxi mix-xjenzati atomiċi biex iwissu lid-dinja mill-qerda li ġġib gwerra nukleari. 

Ħarġu bl-idea li jagħmlu arloġġ u jmexxu l-idejn tiegħu skont kemm inkunu qrib jew bogħod li neqirdu lilna nfusna bi gwerra nukleari

Sitt xhur ilu qalulna li ninsabu 90 sekonda biss ‘il bogħod milli neqirdu lilna nfusna. Din hija l-eqreb li qatt konna f’dawn il-200,000 sena li ilna ngħixu fid-dinja bħala speċi moderna tal-bniedem.

L-eqreb li konna lejn gwerra nukleari kien 61 sena ilu. L-Unjoni Sovjetika kienet bil-moħbi bdiet tibni bażi f’Kuba biex fiha tpoġġi bombi nukleari li bihom tista’ teqred bliet Amerikani u toqtol miljuni ta’ Amerikani. L-Istati Uniti wissiet lill-Unjoni Sovjetika biex iżżarma l-bażi u ma tpoġġix bombi nukleari tant qrib il-fruntieri tagħha. Fuq iż-żewġ naħat kien hemm min ried li jżomm iebes u ma jfittix xi ftehim flok gwerra. Għallinqas iż-żewġ naħat baqgħu jitkellmu ma’ xulxin u fl-aħħar bdew jaraw u jifhmu aktar lil xulxin: l-Istati Uniti inkwetata bil-bażi Sovjetika f’Kuba u l-Ujoni Sovjetika nkwetata bil-bażi Amerikana fit-Turkija.

Fl-aħħar ftehmu li jitneħħew il-bażijiet li t-tnejn kienu qed iħossuhom mhedda bihom. Il-periklu għaddha. Ftit wara ffirmaw ftehim biex inaqqsu l-bombi atomiċi. Imma issa bil-maqlub.

Li hu nkwetanti llum hu li mhemmx kuntatt bejn ir-Russja u l-Istati Uniti biex jippruvaw jifhmu lil xulxin u jevitaw gwerra li tista’ tiġi għax hemm min iridha jew ikun hemm xi inċident u jinftiehem ħażin li hu bidu ta’ gwerra.

Fl-aħħar snin spiċċat id-diplomazija bejn ir-Russja u l-Istati Uniti fejn iż-żewġ naħat jippruvaw jifhmu lil xulxin u jaraw kif jistgħu jiksbu l-ġid komuni.

It-triq tal-konfrontazzjoni

Fis-snin 80 il-mexxej Sovjetiku Mikhail Gorbachev kien ippropona li nibnu dar komuni Ewropea mill-Portugall sa Vladivostok fejn l-ebda pajjiż fl-Ewropa ma jhedded u jħossu mhedded mill-ġirien. Meta ntemmet l-Unjoni Sovjetika u ġie xolt il-Patt ta’ Varsavja li kien twieled biex jeħodha kontra n-NATO li kienet twaqqfet biex l-Unjoni Sovjetika ma tkomplix tieħu pajjiżi oħra fl-Ewropa, kien il-mument li jiġu xolti l-alleanzi militari kollha u l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u Sigurta’ tal-Ewropa tibni sistema ta’ sigurta’ fejn il-ġirien kollha fil-kontinent Ewropew iħossuhom imħarsa u bla nkwiet ta’ gwerer.

Qam dibattitu qawwi fl-Istati Uniti bdejn dawk li riedu jaqbdu din it-triq ta’ koperazzjoni u dawk li riedu jaqbdu t-triq ta’ konfrontazzjoni, jżommu n-NATO u jkabbruh billi jdaħħlu fih dawk li qabel kienu fil-Patt ta’ Varsavja mar-Russja fl-Unjoni Sovjetika. Ir-Russja ta’ Gorbachev, ta’ Yeltsin u ta’ Putin wissiet li tħossha mhedda u hija kontra li n-NATO jasal fuq il-fruntieri tagħha, l-aktar permezz tal-Ukrajina, kif kienet waslet l-Unjoni Sovjetika fuq il-fruntiera Amerikana b’Kuba.

Rebħu dawk li riedu l-konfrontazzjoni minkejja li kien hemm minn sħabhom li wissiehom li dan kien se jwassal għall-gwerra mar-Russja. Iżda min ried jumilja lir-Russja, ra l-opportunita’ meta kienet dgħajfa u fi kriżi u ma għenux lil Gorbachev biex ir-Russi jkunu jistgħu jaraw li l-pass storiku tiegħu li jtemm l-Unjoni Sovjetika kien ‘il quddiem u għall-ġid tagħhom flok pass lura.

Biex issa ninsabu fejn ninsabu, fil-periklu ta’ gwerra nukleari bejn ir-Russja u l-Istati Uniti. Għax issa r-Russja m’għadhiex dgħajfa kif kienet fis-snin 90 meta l-istess Putin xtaq idaħħal lir-Russja fin-NATO u qalulu le.

Ix-xjenzati atomiċi jgħidulna li fl-ewwel ftit sigħat ta’ gwerra nukleari bejn it-Russja u l-Istati Uniti jmutu iżjed minn 34 miljun ruħ u 57 miljun oħra jkorru serjament.

Jekk l-Istati Uniti u r-Russja jużaw iżjed bombi nukleari kontra xulxin, imutu 360 miljun ruħ.

Jekk imbagħad jidħlu fil-gwerra, li żgur jiġri li l-alleati ta’ dawn il-pajjiżi jużaw ukoll l-armi nukleari li għandhom u l-pajjiżi kollha f’kull continent jintlaqtu jew direttament jew l-effetti kbar ta’ qerda li jħallu mad-dinja kollha.

Fi gwerra nukleari, ħadd ma joħroġ rebbieħ. Jekk mhux se jkun hemm waqfien ta’ ġlied fl-Ukrajina u jibdew jitkellmu ir-Russi u l-Ukreni għall-ftehim fi sforz appoġġjat anki mill-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina, l-idejn tal-Arloġġ tal-Aħħar tad-Dinja se jiċċaqalqu u nkunu eqreb bi ftit sekondi biex neqirdu lkoll lilna nfusna.

Torċa 16 Ġunju 2024