You are currently viewing It-traġedja ta’ tifel ta’ sitt snin

It-traġedja ta’ tifel ta’ sitt snin

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Kienu wara t-tlieta ta’ wara nofsinhar ta’ nhar is-Sibt, 19 ta’ Mejju 1860, li baqra ħarbet tiġri wara li ħarġilha ħanżir quddiemha, u kaxkret warajha lit-tifel ta’ sitt snin li kien sejjer biha Ħondoq ir-Rummien fil-Qala biex tirgħa.

It-tifel kien jismu Wiġi Mizzi u zitu Marija kienet tħobbu ħafna. Ftit qabel kienet tagħtu f’idejh il-ħabel marbut ma’ għonq il-baqra s-sewda u kienu mexjin flimkien lejn Ħondoq ir-Rummien.

Omm Wiġi xtaqitu jmur ma’ ħuħ Pietru li bagħtitu jirgħa l-mogħoż u n-nagħaġ li kellhom. Imma Wiġi ried imur ma’ zitu Marija li kien iħobbha ħafna.

Il-ħabel 

Iz-zija Marija u z-ziju Carlo ftit qabel kienu xtraw żewġ baqar minn Ħal Qormi: waħda ħamra (kannella) u l-oħra sewda. Ma kienx għadhom għoġġiela imma lanqas ma kienu kibru ħafna.

Iz-zija Marija xtaqet lil Wiġi joħroġ il-baqra l-ħamra biex jirgħa. Imma hu għażel is-sewda. Iz-zija ppruvat tbiddillu fehemtu imma fl-aħħar ċediet u għaddiet tiegħu.

Rabtet ħabel ma’ għonq il-baqra s-sewda u tagħtu l-ħabel f’idu. Rabtitlu l-ħabel mal-polz ta’ idejh? Ma nafux sal-lum. Meta ttellgħu x-xhieda biex jgħidu jekk rawx il-ħabel marbut ma’ id it-tifel, kien hemm min qal iva u kien hemm min qal le u kien hemm min qal li ma rax sewwa jekk il-ħabel kien f’id it-tifel jew marbut ma’ id it-tifel.

Kien hemm min ħaseb li l-baqra maħruba kienet tkaxkar warajha qatta’ silla mhux tifel ta’ sitt snin.

Meta l-baqra bdiet tiġri maħruba u tkaxkar lil Wiġi warajha, iz-zija Marija bdiet tgħajat għall-għajnuna. 

Grupp ta’ nisa li kienu qrib ppruvaw iwaqqfu l-baqra billi joqogħdu quddiemha iżda hi sabet kif tibqa’ għaddejja tiġri tkaxkar lil Wiġi warajha.

It-triq kienet imħarbta u mimlija ġebel u t-tifel sar kollu demm u mibrux minn fuq s’isfel b’rasu taqla’ d-daqqiet xħin taħbat mal-ġebel.

Katavru mimli demm

Fl-aħħar Ġużeppi Tabone li kien bil-bagħal abjad tiegħu li ra l-baqra ġejja lejh, għalqilha t-triq bil-karrettun u l-bagħal u hi kellha tidħol f’mogħdija fil-ġenb, il-ħabel tagħhha nqabad mal-ġebel u kellha tieqaf.

Omm Wiġi jisimha Fortunata (isimha ma tantx joqgħod ma’ li ġralha) ġiet tiġbru katavru mimli demm u ħaditu lejn id-dar.

Marija tressqet il-qorti biex jaraw kienx tort tagħha dak li ġara.

Mill-provi li tressqu u mix-xiehda li ngħatat, il-Qorti ma sabithiex ħatja b’sentenza mogħtija fl-1 ta’ Ġunju 1860 u qieset il-mewt ta’ Wiġi bħala inċident u mhux qtil involontarju.

L-istoriku Għawdxi Michael Refalo jirrakkonta din l-istorja minn doumenti li sab il-qorti.

Waqt li hemm storiċi li jiktbu dwar rejiet, gran mastri u rjus kbar u gwerer, Refalo jikteb l-iżjed dwar il-ħajja ta’ kuljum tan-nies komuni.

Din il-ġrajja jikteb dwarha fil-ktieb tiegħu ‘At the Margins’ (pubblikazzjoni Kite Group) li ħareġ is-sena li għaddiet.

Jagħtina iżjed tagħrif dwar kif kienet il-ħajja fir-raħal tal-Qala (dak iż-żmien biċċa min-Nadur) 164 sena ilu.

Ħajja iebsa

In-nies tal-Qala kienu jgħixu mix-xogħol fl-għelieqi u t-trobbija tal-annimali u mis-sajd.

Min ried jimxi ‘l quddiem jew fl-edukazzjoni jew fil-kummerċ, kien ikollu jitlaq mill-Qala u minn Għawdex u jmur jgħix Malta.

F’Għawdex dak iż-żmien kien hemm 6,250 tfal, li minnhom 398 biss (7 fil-mija) kienu jattendu xi skola.

Min-Nadur/Qala tlieta biss kienu jafu bl-Ingliż u madwar 21 bit-Taljan. Aktarx li fil-Qala ma kien hemm ħadd jaf jikteb u jaqra.

Ħafna tfal kienu jmutu għax dejjem jiġru barra fit-toroq u fl-għelieqi. Minn meta jagħlqu ħames snin kienu jistennewhom li jagħtu daqqa t’id fix-xogħol tad-dar u fix-xogħol tal-għelieqi u tas-sajd.

Tfal żgħar kienu jmutu għax jaqgħu minn fuq il-bejt. Jegħerqu f’xi bir miftuħ fl-għelieqi. Iweġġgħu fit-triq jew waqt li jkunu jistadu.

Kienet ħajja iebsa ħafna, anki għat-tfal.

Torċa 28 Lulju 2024