You are currently viewing It-tniġġiz biż-żejt fil-Mediterran

It-tniġġiz biż-żejt fil-Mediterran

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Kien f’ Awwissu ta’ 1994 meta l-Professur Victor Axiak ta’ l-Università ta’ Malta beda proġett mal-Universita’ ta’ Katanja biex jużaw is-satellita Amerikana LANDSAT 5 biex jirriċerkaw dwar il-kwalità tal-baħar Mediterran madwar Malta.

Jgħid Victor Axiak: “Kien fis-26 ta’ Jannar 1995, meta wettaqna dan l-ewwel esperiment għal Malta. Konna jien, u xi assistenti u studenti tiegħi mill-Università. Dak inhar is-satellita kellha tgħaddi minn fuq Malta għal xil-11 ta’ fil-għodu. Aħna kellna noħorġu b’żewġt dinghies ħfief u veloċi sabiex niġbru t-tagħrif waqt dan il-ħin. Konna morna f’Marsamxett, il-Port il-Kbir u nżilna matul ix-xtajta tax-Xgħajra sal-Ponta taż-Żonqor. Kienet biċċa xogħol li ħallietna bla nifs u li kienet tirrikjedi ħafna pjanar u loġistika. Iżda kollox kien mar tajjeb. Biex tgħaxxaqha kien maltemp u l-baħar kien ried jibla’ l-art.”

Il-Professur Axiak u n-nies tiegħu kkonċentraw fuq il-medda baħar bejn il-ponta’ taz-Zonqor u l-Port il-Kbir. 80 fil-mija mid-drenaġġ ta’ Malta kien jmur direttament fil-baħar tax-Xagħjra (Wied Għammieq) fejn illum insibu Smart City. Peress li kienet ix-xitwa, il-baħar kien kiesaħ imma d-drenaġġ kellu temperatura ftit aktar għolja.

Axiak jgħid: “Minħabba f’hekk stajna nilmħu fejn u kemm kien qiegħed jinfirex dan id-drenaġġ. Id-drenaġġ li kien ħiereġ minn Wied Għammieq kien l-aktar ikkonċentrat f’dawk l-inħawi. Imma b’għaġeb kbir għalina fdalijiet ta’ dan it-tniġġiz kien qiegħed jasal anke sal-Punta taz-Zonqor. B’xorti tajba wkoll dan id-drenaġġ issa hu msoffi minn impjant apposta li inbena f’tal-Barkat, qabel ma jintefa’ il-baħar.”

Ir-riċerka komplet fis-snin ta’ wara, anki bi proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropeja bl-isem AMED, permezz tas-satellita ERS-2 SAR dwar it-tniġġiz tal-ibħra.  Skont il-Professur Axiak: “Dak iż-żmien il-problema tat-tniġġiz tal-ibħra biz-zejt (mhux maħdum) kienet kbira, speċjalment fil-Mediterran. Permezz ta’ din is-satellita stajna nilmħu rqajja ta’ dan iż-żejt fl-ibħra tagħna, minħabba li fejn ikun hemm iż-żejt fil-wiċċ, l-ilma jkun aktar lixx.

“Fit-2 ta’ Awwissu 1999 sibna li l-gżejjer tagħna kienu mdawrin b’xejn anqas minn erba’ rqajja ta’ żejt kbar sew li kienu tefgħu llegalment vapuri li kienu għaddejjin minn ħdejna. Roqgħa ta’ żejt minnhom kienet kwazi daqs nofs Għawdex. Immaġinaw kemm kienet issir ħsara ekonomika u ambjentali li kieku dan iż-żejt spiċċa fuq il-kosta tal-gżejjer tagħna. Roqgħa ta’ żejt oħra kienet viċin id-dħul għal Port il-Kbir.

It-tielet roqgħa ta’ żejt tagħna kienet twila diversi kilometri daqs il-wisgħa ta’ Malta. Jidher li kienet ukoll mitfugħa illegalment minn vapur li kien ġej minn xi port fuq l-Afrika ta’ fuq (Libja?) u li kien dieħel fil-Port il-Kbir.

Il-periklu għadu hemm

Il-Profesur Axiak jispjega li l-Mediterran huwa baħar ċkejken ħdejn oċejani oħra. Għandu biss 0.8% tal-wiċċ tal-ibħra tal-pjaneta tagħna. Imma huwa ikkalkulat li fih insibu daqs 20-30 % tal-ġarr globali  taż-żejt mhux maħdum. Għalhekk huwa kkunsidrat bħala żona f’riskju mit-tniġġiz biż-żejt.
“Ħafna mit-tniġġiz biż-żejt fl-ibħra tagħna ġej minn vapuri (mhux biss minn tankers taż-żejt) li jkunu qed ibaħħru f’dan il-baħar. Dan iseħħ minħabba diversi raġunijiet li ma hemmx ċans nispjegaw hawn. Huwa stmat  li minn 2020 sal 2024, kwazi 760 rqajja ta zejt kbar intefgħu illegalment f’dan il-baħar, li flimkien setgħu jiksu kwazi 60 darba d-daqs ta’ Malta. Statistika li twaħħax.”

Skont Victor Axiak ħafna minn dawn l-irqajja taż-żejt instabu fl-inħawi tal-Greċja, fl-ibħra tal-Italja imma wkoll fil-kanal ta’ baħar bejn Malta u Sqallija fejn jgħaddu ħafna vapuri.  It-tieni stampa li qed inġibu turi  id-densita’ ta rqajja u tniġġiz biz-zejt kif instab bis-satelliti matul il-perjodu 1999-2004. Jidher sew li dan il-problema kienet kbira fit-tramuntana ta’ Malta. Dan iż-żejt kien intrema b’mod illegali mill-vapuri.

Victor Axiak jgħid: “Fdalijiet minnu  kienu jaslu fuq ix-xtut tagħna bħala blalen u biċċiet  ta’ żift. Id-dannu għal bijodiversita tax-xtut tal-Mediterran kien kbir. Fortunatament ma kellniex inċidenti kbar minn tankers taż-żejt viċin tagħna. Li kieku kellna, kien ikun diżastru ambjentali u ekonomiku katastrofiku għalina.

Huwa jwissi: “Minn dak iż-żmien jidher li l-affarijiet marru għall-aħjar, grazzi għal ċentri reġjonali fosthom ir-REMPEC li insibu f’Malta. U grazzi wkoll għal monitoraġġ bis-satelliti li minn dak iż-żmien kienu u  għadhom jgħassu għal tfiegħh llegali ta’ dan iż-żejt. Iżda il-periklu għadu hemm.”

Torċa 9 Novembru 2025