Sakemm se jibqa’ jkollna ċerti politiċi u l-partiti ewlenin fil-but tan-neguzjanti tal-bini, se jibqa’ jkollna bini ħażin li jaqa’ bħal ma waqa’ f’Paceville ftit jiem ilu.
Bħalma matul is-snin waqgħu binjiet f’ħafna postijiet differenti f’Malta u f’Għawdex u kien hemm fejn indifnu ħajjin residenti, ġirien, ħaddiema u nies oħra taħthom.
Ċerti neguzjanti tal-propjeta’ għandhom saħħa esaġerata f’pajjiżna. Bis-saħħa tal-flus għandhom saħħa politika li jużaw għall-interessi tagħhom.
Jheddu mhux biss il-ħajja tan-nies imma wkoll id-demokrazija tagħna għax għandhom piż u jinfluwenzaw x’jiġri fil-pajjiż aktar miċ-ċittadini u l-voti tagħhom.
Mhux biżżejjed nittamaw li jkollna titjib u jissaħħu l-liġijiet, ir-regolamenti u l-infurzar serju fl-industrija tal-bini sakemm ċerti politiċi u l-partiti ewlenin tagħna jibqgħu jiddependu fuq il-flus tan-neguzjanti tal-propjeta’.
Dawn in-neguzjanti tal-propjeta’ huma b’saħħithom iżjed mill-istat u jiddominaw is-soċjeta’ tagħna billi jilgħabuha ta’ benefatturi fil-festi, fl-isports, fil-baned, fil-midja, f’għaqdiet … imma sintendi l-akbar benefiċċju jieħduh huma stess, għall-interessi tagħhom.
Imaqdru lill-art twelidna
Kittieba barranija li tinsab fostna biex tikteb ktieb dwar Malta qaltli kif iltaqgħet ma’ Maltin li ħlief imaqdru lil Malta ma jagħmlux.
Qaltli li dawn il-Maltin jistmerru lill-Maltin u jqisuhom għadhom lura u injoranti.
Staqsietni: għaliex taħseb li huma hekk?
Għedtilha li fost l-effetti tal-kolonjaliżmu li jibqgħu jinħassu għal snin twal fost sezzjoni tal-poplu ta’ kolonja ssib:
– li jammiraw lill-barranin li jqisuhom superjuri,
– jistmerru lill-poplu tagħhom stess li jqisuh inferjuri,
– ma jafux xi tfisser tħobb lil pajjiżek,
– flok jaqbżu għal pajjiżhom, iżommu kontra pajjiżjom,
– ikunu patrijottiċi biss meta l-partit tagħhom ikun fil-gvern għax għalihom il-partit huwa akbar minn Malta,
– ma jafux l-istorja tal-poplu biex pajjiżhom ma jibqax kolonja,
– ma jirrispettawx u ma jħobbux l-ilsien u l-wirt kulturali tal-poplu tagħhom,
– jiddispjaċihom li twieldu Malta u jixtiequ li kieku twieldu fil-pajjiż li kien jaħkimhom jew f’xi pajjiż kbir li kien jew għadu jiddomina pajjiżi oħra.
Għedtilha: tista’ jkollok l-indipendenza, bandiera, innu u kap ta’ stat imma jekk moħħok u qalbek għadhom maħkuma jfisser li għadek ilsir u taħseb, tħoss u tara b’għajnejn barranin, mhux tiegħek.
Ħafna flus biex trabbi
Malta hija fost il-10 pajjiżi tad-dinja fejn l-inqas jitwieldu trabi: tarbija kull mara. Biex popolazzjoni tibqa’ stabbli u ma tonqosx suppost jitwieldu mill-inqas żewġt itrabi lil kull mara.
Għadu kemm ħareġ studju tan-Nazzjonijiet Magħquda “The real fertility crisis: The pursuit of reproductive agency in a changing world” li jgħid li miljuni ta’ nies mhux qed ikollhom tfal kemm jixtiequ mhux għax ma jridux isiru ġenituri bit-tfal iżda minħabba l-għoli tal-ħajja, tħassib li jitilfu x-xogħol u ma jlaħħqux mal-kera u l-prezzijiet tal-propjetà.
L-istudju li sar mad-dinja kollha f’pajjiżi b’sistemi politiċi u ekonomiċi differenti u b’diversita’ ta’ kulturi u reliġjonijiet isemmi l-istess raġunijiet l-għala qed jitwieldu inqas trabi fil-pajjiżi kollha tad-dinja ħlief fl-Afrika u xi pajjiżi oħra bi dħul baxx.
Minbarra l-għoli tal-ħajja, il-biża’ tal-qgħad u l-kera għolja, il-ġenituri jsemmu li saret spiża kbira li jkollok it-tfal. Isemmu wkoll li ħafna mix-xogħol tad-dar u mit-trobbija tat-tfal għadhom isiru min-nisa anki jekk qed ikollhom joħorġu jaħdmu biex ilaħħqu mal-ħajja.
Numru ta’ ġenituri ma jridux iġibu tfal fid-dinja minħabba li nkwetati li se jkunu qed jikkundannawhom għal dinja mħassra fejn il-klima qed tkompli tisħon, qed jiżdiedu l-gwerer u l-pandemiji.
Ir-rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda jsemmi li qed jitwieldu inqas trabi waqt li n-nies qed jgħixu fit-tul ifisser li se jkun hawn inqas ħaddiema u iżjed pensjonanti fis-snin li ġejjin u se jiżdied il-piż fuq il-ħaddiema biex iħallsu t-taxxi għall-pensjonijiet u l-kura tal-anzjani.
Ir-rapport isemmi li t-tnaqqis fit-twelid ilu ġej dawn l-aħħar 40 sena. Biex ikun hawn iżjed twelid iridu jittieħdu għadd ta’ miżuri politiċi, soċjali u ekonomiċi u jridu jibqgħu jitħaddmu fit-tul u mhux għal ftit snin biss. Miżuri bħal bonus lill-ġenituri biex ikollhom iżjed tfal ma jirnexxux.
Fost il-miżuri effettivi jissemmew dawk li jgħinu lill-koppji jeffordjaw dar fejn joqogħdu, ikollhom xogħol diċenti, ‘parental leave’ biex iż-żewġ ġenituri jieħdu ħsieb it-tfal u s-servizzi tas-saħħa li għandhom x’jaqsmu mal-fertilità, is-saħħa tal-omm u tat-trabi.
Torċa 29 Ġunju 2025