You are currently viewing Irridu nkunu poplu u pajjiż  serju?

Irridu nkunu poplu u pajjiż  serju?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Biex inkunu pajjiż serju rridu nkunu poplu serju minn fuq s’isfel. Ma nistgħux inkunu serji jekk inqisu l-liġijiet, ir-regolamenti u l-istandards, fuq kollox it-tħaddim tagħhom, bħala sikkatura żejda u xkiel għan-negozju u telf ta’ voti. 

Ma nkunux serji jekk u fejn it-telf ta’ flus u t-telf tal-voti jkunu aktar importanti mit-telf tal-ħajjiet. 

Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu, imma billi jibda minnu nnifsu u mhux billi nwaħħlu f’kulħadd barra milli fina nfusna. 

Żgur li ma nkunux pajjiż u poplu serju jekk inħallu kollox għaddej.

L-aqwa passi li għamilna ‘l quddiem bħala poplu kienu u huma dawk fejn u meta nagħmlu l-affarijiet bis-serjeta’ u mhux kif ġie ġie. 

U l-aqwa eżempji jiġu bil-fatti u mhux bil-paroli: min jagħmel l-affarijiet bis-serjeta’ jiġi appoġġjat jew ikkastigat u mwarrab?

“Il-liġijiet waħedhom mhux se jwaqqfu l-mewt u l-korrimenti fuq il-post tax-xogħol .

Kull liġi li ssir tkun dejjem tiddependi fuq l-ispirtu, ir-rieda u d-determinazzjoni ta’ dawk kollha responsabbli li jħaddmuha – kemm ta’ dawk li jmexxu kif ukoll tal-ħaddiema. 

Huwa hekk biss li miżuri ta’ saħħa u sigurta’ ma jispiċċawx biss kliem fuq biċċa karta. 

Illum għandna għarfien ġdid fuq il-bżonn li nnaqqsu n-niket, l-uġigħ u t-tbatija li jġibu l-inċidenti u l-mard tax-xogħol. 

L-aħjar mod li niksbu dan hu b’ħidma flimkien bejn dawk li jmexxu u l-ħaddiema. 

Il-mewt, il-korriment u l-mard m’għandhomx ikunu parti normali minn kif taqla’ x’tiekol. 

Isiru biss parti mid-dell tal-imgħoddi jekk ikun hemm sforz flimkien biex jiġu mbuttati hemm.”

B’dan il-kliem tal-Ministru Laburista Ingliż Harold Walker 45 sena ilu jintemm ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia midfun mgħaffeġ ħaj taħt bini tiela’ ġdid fit-3 ta’ Diċembru 2022. Ir-rapport wera kemm kien importanti li ssir l-inkjesta pubblika u mhux dik maġisterjali biss li dmirha titfa’ dawl fuq każ wieħed waqt li l-inkjesta pubblika daħlet fuq il-qasam tal-kostruzzjoni kif kien hemm bżonn.

Fl-istess jiem li ħareġ ir-rapport miet raġel ieħor fuq il-post tax-xogħol, ta’ 43 sena, meta waqa’ żewġ sulari. 

Il-mewt tiegħu għaddiet qisu ma ġara xejn. Drajna?

Il-ġilda tagħna u l-kuxjenza xrafu wisq biex nieħdu l-passi meħtieġa biex infejqu l-mard ikreħ tal-qasam tal-kostruzzjoni f’pajjiżna?

Mis-sena 2010 mietu 50 u mis-sena 2018 korrew iżjed minn 895 ħaddiem fil-kostruzzjoni. 

Għaliex narmu t-talent lokali?

Għandna Maltin bravi u kapaċi u li jifhmu fil-qasam tagħhom.

Nagħmlu sew jekk nużaw l-għerf u l-esperjenza tagħhom u nġibu biss esperti barranin jekk ma nistgħux nagħmlu mod ieħor. 

Meta nġibu barranin meta għandna nies kapaċi tagħna nkunu qed narmu t-talent lokali. Meta ma nużawx talent lokali tajjeb inkunu wkoll qed inċaħħdu lin-nies kapaċi tagħna mill-opportunita’ li jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom. 

Inkunu qed infaqqru lill-pajjiżna meta għandna nagħmlu kulma nistgħu biex inkabbru u niżviluppaw l-aqwa ġid tagħna: it-talenti u l-ħiliet ta’ niesna. 

Il-kolonjaliżmu f’ruħna

Il-passati tal-popli mħabblin – wirja mpressjonanti dwar kif il-passati tagħna huma mħabblin f’xulxin: kolonjaliżmu, kummerċ tal-ilsiera u l-ġlieda biex kull persuna tiġi stmata ta’ persuna b’dinjita’ ndaqs u mhux skont il-kulur tal-ġilda u r-razza. 

Żort wirja f’Londra mill-Akkademja Rjali dwar kif il-kolonjaliżmu nfluwenza wkoll l-arti u kif il-pitturi u skulturi Brittaniċi kienu juru lill-popli tal-kolonji bħala bnedmin inqas u li jridu jobdu lil dawk li jaħkmuhom u jemmnu li huma superjuri għalihom f’kollox. 

Żort ukoll Marlborough House biex niltaqa’ ma’ ħbieb fis-Segretarjat tal-Commonwealth. 

Dejjem inħossni kommoss inżur il-bini fejn il-mexxejja tagħna l-kolonji tħabtu biex niġu stmati aħjar u ntemmu l-ħakma kolonjali Brittanika tal-pajjiżi tagħna u nibdew inmexxu lilna nfusna. 

Illum nistgħu naraw li l-imperi nbidlu imma ma ntemmux hekk kif il-kolonjaliżmu ħa forom u ismijiet oħra. 

Il-ħelsien nazzjonali, is-sovranita’, l-indipendenza … aktar milli fil-bnadar, innijiet u fil-kostituzzjonijiet iridu jkunu f’moħħna, f’ruħna u f’ħidmietna biex niddeċiedu l-aħjar għall-poplu tagħna flok nobdu b’għajnejna (la magħluqa u lanqas miftuħa) dak li jridu pajjiżi kbar li xorta jridu jtawwlu l-ħakma tagħhom, imperjali b’isem ieħor. 

Torċa 17 Marzu 2024