You are currently viewing Ir-repubblika indipendenti u newtrali

Ir-repubblika indipendenti u newtrali

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

F’din is-sena li għadha kemm tibda se nkunu qed niċċelebraw s-60 sena mindu ksibna l-indipendenza nazzjonali ta’ pajjiżna. Jaħbat ukoll l-50 anniversarju mindu sirna repubblika. Se jkunu għaddew 45 sena mindu neħħejna għal kollox il-bażijiet militari barranin li għal sekli sħaħ f’kellna fil-gżejjer tagħna. Din is-sena hija wkoll 20 sena mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea.

Dawn mhumiex dati sempliċi fil-kalendarju li biżżejjed nagħmlu xi ċerimonji u festini biex infakkruhom bħala parti mill-folklor politiku nazzjonali.

Għandna nieħdu l-okkażjoni minn kull data minnhom biex nirriflettu sew fejn sejrin bħala poplu u pajjiż. Għalkemm inbidlu ċ-ċirkustanzi storiċi li fihom pajjiżna għadda mill-esperjenzi ta’ dawn id-dati nazzjonali, xorta rridu naraw x’sens jagħmlu dawk il-passi fiż-żminijiet tal-lum u tas-snin li ġejjin.

Żgur li għadu fl-interess tal-poplu tagħna li kemm nistgħu jibqa’ jkollna spazju nazzjonali fejn nistgħu nimmanuvraw għall-ġid tagħna, anki jekk fil-qafas tal-obbligi tagħna bħala pajjiż membru tan-Nazzjonijiet Magħquda, tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali li ffirmajna u li ntrabatna bihom u tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Għalhekk tajjeb nirriflettu u nġeddu t-tifsira u l-valuri ta’ dawn id-dati. 60, 50, 45 u 20 … forsi jidhru ħafna snin f’ħajja ta’ bniedem wieħed. Izda f’ħajja ta’ nazzjon huma ftit ħafna. Il-ħajja tagħna l-bnedmin f’dawn il-gżejjer ilha xi 8,000 sena. Il-ħajja taghna bħala poplu jibda jmexxi lilu nnifsu ilha biss 10 minuti kieku nieħdu dawk it-8,000 sena bħala jum ta’ 24 siegħa.

Tajjeb li naraw kif infejqu, inġeddu u nsaħħu r-repubblika tagħna.

“Repubblika” tfisser ukoll li flimkien għandna ninteressaw irwieħna u nieħdu sehem sħiħ fil-ħajja pubblika ta’ pajjiżna.

Imma anki f’pajjiżna qed jiżdiedu dawk li għandhom sfiduċja fil-politiċi u fil-politika.

Mhux sinjal tajjeb li naqsu dawk li jridu joħorġu kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta’ Ġunju li ġej.

Aktarx ukoll li se jiżdiedu dawk li ma jivvotawx fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-Parlament Ewropew li se jkunu wkoll f’Ġunju li gej.

Għaliex u x’għandu jsir u jinbidel biex nibnu fiduċja u nżidu sehemna fil-ħajja pubblika ta’ pajjiżna?  X’qed ibiegħed in-nies mill-politika? Waqt li bin-nuqqasijiet kollha tagħna bħala Maltin, żgur li l-poplu tagħna mexa’ ‘l quddiem fl-aħħar 60 sena, żgur li għandna fejn intejbu l-governanza tagħna u ma nħallux il-korruzzjoni u l-klijenteliżmu jherruna.

Se tiżdied il-pressjoni fuqna biex nidħlu fl-alleanza militari tan-NATO mmexxija mill-Istati Uniti, jew mill-bieb, jew mit-tieqa, permezz tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea. M’għandniex nitilfu n-newtralita` tagħna. M’għandniex inħallu bażijiet militari, navali u tal-ajru barranin fostna u għandna naħdmu ghall-paċi.

Fl-Unjoni Ewropea se tiżdied il-pressjoni biex tkompli tonqos is-saħħa tal-pajjiżi ż-żgħar u medji. Għandna ningħaqdu ma’ ħafna pajjiżi oħra fl-UE li huma kontra li l-UE tinbidel fi stat federali fejn il-gvernijiet nazzjonali jkunu bla saħħa sostanzjali.

Għandna niddiskutu fil-miftuħ u bis-serjeta` l-valuri u t-tifsira ta’ dawn id-dati nazzjonali mhux b’xi nostalġija lejn il-passat iżda biex niffaċċjaw l-isfidi tal-futur.

M’għandniex nibqgħu għaddejjin taparsi kollox sew jekk veru nħobbu r-repubblika indipendenti u newtrali tagħna.

Qed nivvjaġġaw bis-sens?

Nizzel id-dgħajsa fl-ilma, iftaħ il-qlugħ u tbiegħed mix-xatt u baħħar fil-baħar miftuħ.

Iżżommx id-dgħajsa fuq l-art għax tibża’ tissogra. X’jiswew id-dgħajjes miżmumin fuq il-blat?

Baħħar fuq vjaġġ li jaghmel sens. Il-ħajja vjaġġ, mhux wasla, mhix destinazzjoni.

Uza l-ħiliet u t-talenti tiegħek għall-ġid komuni.

Tfittixx l-interessi persunali u s-success tiegħek biss. Emmen f’kawża akbar minnek u servi lill-oħrajn għall-ġid.

Kif jgħidilna Viktor Frankl: “Id-dinja tinsab ħażin, imma kollox imur għall-agħar jekk ma nagħmlux l-aħjar li nistgħu għall-ġid.”

L-imħabba matura


Qalli ħabib: “M’għandix minn xhiex ingerger imma l-ħajja dejjem sfida.

Marti issa għandha d-dimenzja u jien qed nieħu ħsiebha l-ħin kollu.

Ma nista’ nmur imkien iżjed.

Paċenzja. Wara kollox ħadet ħsiebi u kienet hemm għalija għal iżjed minn 40 sena.

Issa jmiss lili nieħu ħsiebha.”

Sabiha l-imħabba matura ta’ koppja xjuħ.

Bhal siġra li rat ħafna staġuni differenti. Mgħawġa u għandha wkoll friegħi mqaċċtin, frott marid, weraq nexfin u bejtiet abbandunati fiha.

Imma salvat u għadha tgħix.

U hawn romol li jħossu l-uġigħ għall-parti li mietet bħal meta jaqtgħulek sieqek u xorta tibqa’ tħoss l-uġigħ fiha.

Torca 7 Jannar 2024