You are currently viewing Ir-raħal tal-melħ

Ir-raħal tal-melħ

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

L-isem tar-raħal tagħna ‘Il-Mellieħa’ jfisser dak li jagħmel il-melħ jew dak li jbiegħ il-melħ. F’postijiet oħra fejn kienu jagħmlu l-melħ mill-ilma baħar insibu wkoll il-Ponta tal-Mellieħa qrib il-port tal-Imġarr f’Għawdex, Tal-Mellieħ f’Ħal-Kbir f’Burmarrad, u l-Mellieħa ta’ Ben Għisa, il-Mellieħa ta’ Ras il-Ħobż u l-Mellieħa taż-Żonqor.

L-istoriku Godfrey Wettinger jgħidilna li ftit li xejn nafu fuq is-salini tal-Mellieħa. Li nafu hu li qabel il-wasla tal-Ordni tal-Kavallieri fl-1530, is-salini tal-Mellieħa ġie li ngħataw bħala fewdu lil dawk li kienu jikru lil Malta mingħand ir-re. Il-melħ tant kien meqjus essenzjali li kien jinżamm taħt il-kontroll tal-kuruna biex tiddeċiedi hi kif jinħadem u jinġabar u jinbiegħ.

L-Ordni tal-Kavallieri wkoll tat importanza lill-produzzjoni tal-melħ. Għamlet diversi xogħolijiet mal-kosta tal-gżejjer tagħna biex ikun hawn biżżejjed produzzjoni tal-melħ u ma jkunx hemm bżonn li jiġi mpurtat minn artijiet oħra. Mal-kosta taż-żewġ naħat tal-Mediterran insibu ħafna salini jipproduċu l-melħ mill-evaporazzjoni tal-ilma baħar mix-xemx.

F’mappa ta’ Malta tal-1551 is-salini tal-Mellieħa nsibuhom imniżżlin bħala ‘saline’maġenb l-Għadira. Is-salini kienu fejn illum hemm ir-Riserva Naturali. F’mappa tal-1631 jissejħu ‘Le Saline Vecchie’ (Is-Salini l-Antiki) biex juru li huma differenti u iżjed qodma minn dawk aktar “riċenti” ta’ Benwarrad, illum nafuh bħala Burmarrad. Pittura dwar l-Assedju tal-1565 li saret bejn l-1575 u l-1580 ta’ Mattia Perez d’Aleccio turi li diġa’ kien hemm ‘Saline Nove’ fl-1565 f’Burmarrad.

Wirt li għandna napprezzawh

Wettinger jaħseb li l-abbandun tagħhom u tal-industrija tal-melħ tal-Mellieħa kien marbut ma’ meta r-raħal beda jmur lura minħabba li fis-seklu 15 in-nies telqu mill-inħawi beżagħna mill-attakki tal-pirati li kienu jinżlu l-art biex jaħtfuhom biex jieħduhom bħal ilsiera u magħhom jieħdu kulma jistgħu jġorru. Wettinger jaħseb li anki fl-aqwa tagħhom is-salini kienu jħaddmu ftit nies. In-nies tal-Mellieħa l-aktar li kienu jgħix kien bix-xogħol fl-għelieqi, aktar milli bis-sajd.

Imma li hu żgur hu li fi Frar 1694, kien hemm produzzjoni tal-melħ il-Mellieħa għax ħareġ bandu li fih jingħad li dawk li jaħdmu fil-melħ fis-salini tal-Mellieħa u ta’ Burmarrad kienu qed jisirqu l-melħ ta’ xulxin. Ġie deċiż li minn dak ix-xahar ‘il quddiem biex taħdem fil-melħ irid ikollok liċenzja.

Paul P. Borg jgħidilna li f’Mejju 1706 dawk li jipproduċu l-melħ kellhom jaraw li jkun tal-aqwa kwalita’ u li l-prezz kellu jkun dak kif iffissat mill-gvern tal-Ordni tal-Kavallieri. Min kien jinqabad ibiegħi bi prezz ogħla minn dak stabbilit, kien jintbagħat jaħdem fuq ix-xwieni tal-Ordni għal tliet snin.

Minbarra s-salini antiki tal-Għadira, mal-kosta tal-Mellieħa kien hemm ukoll salini ta’ ħofor naturali u oħrajn mqatta’ fil-blat f’postijiet bħaċ-Ċirkewwa, il-Marfa, il-Qammiegħ u tal-Imġiebaħ f’Selmun. Imma anki fil-qiegħ ta’ Għajn Żejtuna u fil-blat tal-Armier mal-baħar, fejn kien hemm ħofor fondi, kien jinġabar il-melħ, għalkemm dawn il-ħofor ma nsibuhom mmarkati fl-ebda mappa. F’postijiet bħal dawn u oħrajn il-familji kienu jiġbru l-melħ għall-bżonnijiet tagħhom, aktar milli biex ibiegħuh.

Fl-1937 tħaffru s-salini ta’ Selmun, aktarx l-aħħar salini li tqattgħu fil-blat f’pajjiżna bħala tkabbir ma’ dawk li kienu jeżistu diġa’. Kienu nkrew minn John Calafato li ried jipproduċi hu stess il-melħ li kellu bżonn għall-fabbrika tal-ġild li kellu l-Marsa. Ġew abbandunati wara li sarulhom ħsarat kbar b’maltemp qawwi li għamel fi tmiem is-snin 90.

Tajjeb kieku nitgħallmu napprezzaw ħafna iżjed dan il-wirt li għadna nsibu mal-kosta tagħna tal-produzzjoni tal-melħ li jagħti isem lir-raħal tagħna.