You are currently viewing Invadewna minn fuq u minn isfel

Invadewna minn fuq u minn isfel

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

459 sena ilu ntemm l-Assedju l-Kbir tal-1565 li dam kważi erba’ xhur meta l-Ottomani Torok irtiraw telliefa wara li kienu nvadew lil Malta fit-18 ta’ Mejju.

Minbarra li dak iż-żmien il-gżejjer tagħna kienu fuq il-fruntiera fil-gwerra kontinwa bejn l-Ewropej Insara u l-Għarab Misilmin tal-Afrika ta’ Fuq, inqabdu wkoll fil-gwerer bejn il-qawwiet Ewropej Insara stess li kienu jikkompetu bejniethom għall-poter u kummerċ fil-Mediterran.

Fl-aħħar 4000 sena kellna mill-inqas 22 invażjoni militari min-naħa ta’ fuq u min-naħa tżisfel tal-Mediterran. Sitta minnhom biss ġew mill-Afrika ta’ Fuq jew il-Lvant Mislem tal-Mediterran. Il-bqija l-invażjonijiet kollha kienu mill-Ewropa.

Imma matul iż-żmien insiġna l-istorja tagħna bħala li konna fin-nofs tal-ġlieda “qaddisa” bejn l-Insara u l-Misilmin, meta fil-fatt minħabba l-qagħda strateġika tal-gżejjer tagħna konna fil-qalba tal-gwerer bejn dawk li riedu jikkontrollaw il-Mediterran. Għadna mimlijin preġudizzji kontra l-Għarab, it-Torok u l-Iżlam.

Bnejna memorja storika li fiha l-attakki kontrina dejjem saru mill-Misilmin Għarab/Torok Ottomani biex jaħkmuna u jaħqruna u l-Insara Ewropej li kienu jaslu biex jeħilsuna bl-għajnuna tal-qaddisin u jiċċivilizzawna.

It-tmiem tal-Ordni f’Malta

Fl-1797 kien sar “Il-Marċ tal-Imġewħin” meta ġemgħa ta’ nisa miż-Żurrieq u minn Ħaż-Żebbuġ imxew lejn il-Belt fi protesta kontra l-faqar u l-ġuħ li kienu qed ibatu huma u wliedhom.

Inġabru fil-pjazza quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru u bdew jgħajtu li jridu l-ħobż u x-xogħol.

Jingħad li l-Gran Mastru qalilhom li ma kellux flus fil-kaxxa mnejn jgħinhom.

Tant ma kellhomx x’jieklu dak iż-żmien li kellhom jitrejqu bis-silla li kienu jkabbru biex jagħlfu l-annimali.

Jirrakkonta din il-ġrajja l-Monsinjur Fortunat Panzavecchia fi ktieb li ħareġ fl-1835 dwar l-aħħar snin tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Sena wara din il-protesta l-Ordni kellha titlaq minn Malta wara l-invażjoni mill-Franċiż Napuljun b’40,000 suldat waqt li l-Ordni kellha 332 Kavallier, 200 minnhom Franċiżi u 50 minnhom xjuħ wisq biex jiġġieldu.

Din il-ġrajja turina li n-nisa Maltin ħadu sehem attiv ukoll fl-istorja ta’ pajjiżna u hemm bżonn infittxu iżjed biex nifhmu u napprezzaw dan is-sehem.

Wara l-1792 l-Ordni tal-Kavallieri ma setgħetx tirpilja mid-deċiżjoni tal-mexxejja tar-rivoluzzjoni Franċiża li jaħtfulha l-ġid li kellha fi Franza li kien ifisser li l-Ordni tilfet nofs id-dħul tagħha li kien ikollha mill-kontinent.

Mat-telf ta’ dan id-dħul kien hemm ukoll inqas dħul mit-tkabbir tal-qoton u mill-piraterija.

Żminijiet sbieħ u koroh

Il-poplu Malti kien għex żminijiet aħjar taħt l-Ordni meta tqis li bejn l-1680 sa 1788 kważi rduppjat il-popolazzjoni minn 49,000 għal 91,273.

Fl-aħjar żminijiet tal-Ordni l-poplu tagħna kellu livell tal-għixien ogħla mill-pajjiżi ġirien. Malta, l-aktar madwar il-Port il-Kbir, kienet ċentru ta’ attivita’ qawwija navali, kummerċjali u kulturali, b’ħafna taħlit ta’ nies minn artijiet differenti.

L-aktar li kienu jbatu kienu dawk li jgħixu ‘l bogħod mill-Port il-Kbir: in-nies ta’ Għawdex u tal-irħula, l-aktar dawk bla art tagħhom x’jaħdmu, jiġġerrew ħafjin u bi ftit ilbies, jagħmlu kull xogħol li jsibu, jekk isibu.

Imma fl-aħħar snin tal-Ordni bdew iduru kontrieha kważi l-klassijiet soċjali kollha, mhux bilfors għax tbaxxa l-livell tal-għixien iżda għax il-ħakma tal-Ordni saret iżjed dittatorjali fi żmien meta fost il-Maltin bdew jinxterdu u jissaħħu ideat li bdew jaslu minn Franza u mill-Italja dwar li l-poplu – mhux in-nobbli – għandu dritt imexxi lill-pajjiżu.

Xorta għamlulna d-differenza kollha l-kważi 300 sena tal-Ordni hawn. Matulhom konna mhux ftit blatiet bla riżorsi fit-tarf tal-imperu tagħhom iżda l-qalba tas-saltna tagħhom.

Kienu jqisuna nferjuri għalihom iżda kienu l-uniċi ħakkiema tagħna li mexxewna minn fostna mhux minn xi belt ‘il bogħod. Għalhekk bnew il-Belt, il-bereġ, il-knejjes, l-isptar, it-teatru, l-akwedott, is-swar … u l-istituzzjonijiet tal-istat, l-universita’, is-sengħa tal-bini, it-tarznar … u ġabu fostna fost l-aħjar inġiniera, artisti u xjenzati ta’ dak iż-żmien. Maltin bdew jidħlu fi professjonijiet u f’xogħol ta’ negozju ġdid.

Anki jekk għamlu dan kollu qabel xejn għalihom infushom, maż-żmien gawdejna u għadna ngawdu minnhom sal-lum.

Anki jekk ċaħħduna minn sehem fit-tmexxija, qabbduna t-triq tal-iżvilupp nazzjonali tagħna. Il-bqija konna nibqgħu lura u bla nsiru nazzjon bħall-gżejjer kollha fil-Mediterran. ħlief Ċipru.

Torċa 8 ta’ Settembru 2024