In-nies mhumiex numri

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Għadda xahar mill-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2024. Ma jidhirx li matul dan ix-xahar iż-żewġ partiti ewlenin irriflettew bis-serjeta’ dwar ir-riżultat. Iż-żewġ partiti għandhom biex jinkwetaw bir-riżultat għax qed tikber l-isfiduċja fihom mill-elettorat.

Il-votanti li tbiegħedu mill-Partit Laburista mhumiex awtomatikament imorru għand il-Partit Nazzjonalista. Għallinqas s’issa.

X’kienu r-raġunijiet għala l-istħarriġ ta’ qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mar żmerċ fid-distakk bejn il-partiti meta mqabbel mar-riżultat?

Waħda mir-raġunijiet kienet li dawk li għamlu l-istħarriġ għamlu l-iżball li stmaw lin-nies bħala numri u mhux bħala nies tad-demm u l-laħam.

Flok fehmu kif se jivvotaw in-nies fit-8 ta’ Ġunju 2024 u staqsew lin-nies infushom x’qed jolqothom fil-ħajja ta’ kuljum, fejn iħossu li l-affarijiet sejrin tajjeb u fejn sejrin ħażin u jekk hux lesti jivvotaw differenti minn qabel, qagħdu fuq in-numri u fuq mistoqsijiet tal-wiċċ b’telefonata qasira flok għodsu fil-fond biex jifhmu lin-nies kif se jivvotaw.

Imma iżjed importanti mill-istħarriġ hemm il-kuntatt ħaj bejn il-politiċi u ċ-ċittadini.

Jim Messina, konsulent politiku f’ħafna pajjiżi differenti jgħid: “Il-politiċi għandhom jitkellmu inqas u jisimgħu ħafna iżjed.”

Il-kuntatt uman huwa kollox fil-politika biex tifhem tassew x’qed iħossu u jaħsbu sezzjonijiet differenti ta’ nies fil-pajjiż. 

Messina jgħid: toqgħodx fuq x’taħseb int. Isma’ bis-serjeta’ u mhux biss lil min jgħidlek x’tixtieq tisma’.

Skont Messina jekk tingħalaq fik innifsek ma tifhimx x’qed jiġri u tibda titkellem b’mod li n-nies jindunaw li ma tafx x’qed iħossu u x’qed iġarrbu.

Isma’ u aġixxi

Il-politiċi hemm bżonn jisimgħu lil nies differenti tal-pajjiż, mhux biss lil dawk li jivvotawlhom anki jekk idendluhom rashom ‘l isfel. Iridu jisimgħu anki lil dawk li jiddubitaw minnhom, jikkritikawhom u lesti ma jivvotawx jew jivvotaw lil ta’ kontra għax huma mweġġgħin u mdejqin b’li qed jagħmel il-gvern.

Imma mbagħad mhux biżżejjed li l-politiku jismagħhom, irid jagħti każ x’qed jgħidu u jindirizza bis-serjeta’ l-weġgħat tagħhom, mhux billi jagħmlilhom xi pjaċir persunali iżda jara x’mhux qed jaħdem fil-pajjiż u jipprova jirranġah għal dawk li ltaqa’ magħhom u għal ħafna iżjed li ma kellux kuntatt dirett magħhom. 

Mhux billi tqabbeż lil xi ħadd fil-kju twil għal xi servizz pubbliku fil-pajjiż iżda billi tara għala hemm kju twil u tara kif tnaqqsu għal kulħadd u mhux għal tad-distrett biss jew għall-votanti persunali tiegħek.

Trid tara li l-pajjiż jaħdem sew bi tmexxija tajba u ġusta ma’ kulħadd u mhux billi tgħawweġ is-sistemi biex taqdi lil min jiġi għandek imma titfa’ lura lil min għandu l-istess dritt imma ma ġiex għandek. 

Biex tirbaħ il-gvern

Jekk inti fl-opposizzjoni u trid tirbaħ il-gvern trid turi li għandek ideat u nies li kapaċi jmexxu aħjar mill-gvern preżenti. 

Trid tkun kapaċi tipperswadi kemm tiflaħ nies jitilqu mill-preżent li jafu għal alternattiva tiegħek li ma jafux. 

In-nies ikunu jafu n-nuqqasijiet tal-lum, li jrid jisimgħu minn għandek hu kif se tirranġahom.

Il-konsulent politiku Jim Messina jgħid ukoll li jekk ikollok ingredjenti ħżiena ma tistax tagħmel kejk tajjeb. 

Trid tmexxija tajba, kompetenti u li tispira, programm politiku li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tan-nies u direzzjoni ċara fejn se jmur il-pajjiż.

U kejk, tajjeb kemm hu tajjeb, jitlef it-togħba u t-tjubija tiegħu jekk ma tagħmilx wieħed frisk li bit-taħlita tiegħu jogħġob lill-akbar numru ta’ nies fil-pajjiż.

Tweġibiet għall-problemi tal-lum

Jim Messina jgħid li partiti fil-gvern li joqogħdu jiddefendu dak li għamlu s’issa u jiftaħru bih flok jgħidu x’se jaghmlu bil-fatti dwar kif se jtejbu l-ħajja tan-nies, jispiċċaw idawru l-elezzjoni f’referendum dwarhom infushom u jitilfu l-voti.

Ħafna votanti jispiċċaw jivvotaw biex jeħilsu mill-gvern tal-ġurnata jekk jarawh li mhux jiġġedded biex jieħu ħsieb itejjeb il-ħajja tagħhom.

Jgħid Messina: tgħallem mill-kampanji elettorali ta’ suċċess, imma jekk sempliċiment se tirrepetiehom, se titlef il-voti għax in-nies ikunu nbidlu, ir-realta’ fil-pajjiż tkun tbiddlet u n-nies iridu risposti għall-problemi tal-lum u mhux għal dawk li rnexxielek issolvi fis-snin ta’ qabel.

Trid turi li għandek risposti għall-problemi tal-lum li n-nies differenti u l-familji tagħhom jiltaqgħu magħhom f’oqsma differenti fil-ħajja ta’ kuljum.

Trid turi li r-risposti tiegħek huma aħjar minn ta’ dawk li qed jikkompetu miegħek għall-appoġġ taċ-ċittadini.

Il-votanti jitbiegħdu minnek għax tkun tbiegħedt minnhom int u ma tkunx taf kif se ssolvi l-problemi tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum.

Torċa 7 Lulju 2024