Meta rridu nirreferu għal xi ħadd stupidu, imġebbed minn imnieħru, jibla’ kollox u ma jitgħallem xejn, anki bħala votant, ngħidu li hu ‘Ġaħan”.
Il-Ġaħan tagħna huwa differenti mill-Ġaħan li jeżisti f’mill-inqas 35 pajjiż ieħor, magħġun skont il-kultura tal-post. Ġaħan tagħna wasal ma’ dawk li ġew jgħixu fil-gżejjer tagħna fl-1049 minn Sqallija. Għax mill-Ġaħnijiet l-oħra kollha, tagħna l-aktar li jixbaħ lill-Ġaħan l-Isqalli: tifel bla ras, li ommu tqabbdu jagħmlilha xi ħaġa u jħarbatha.
Il-Ġaħan fil-ġirien Għarab tagħna jissejjaħ Ġuħa. Magħruf b’ismijiet oħra fit-Turkija, fil-Persja, fl-Indja u fiċ-Ċina. Huwa “ibleh-għaref”, huwa makakk, ribell, ottimista, ċajtier, huwa raġel tal-poplu maħqur u miżmum taħt saqajn l-għonja u s-setgħana. Ġaħan jirreżistihom billi jilgħabha tal-ibleh. F’pajjiżna Ġaħan huwa figura taż-żufjett. Fl-Użbekistan u fiċ-Ċina, fost pajjiżi oħra, għamlulu monument.
Imma anki dwar il-Ġaħan Malti, il-folklorista George Mifsud Chircop jiftħilna għajnejna: “Ġaħan huwa ibleh għaref … fih l-essenza tal-għerf u umoriżmu Malti … kapaċi jidħak bih innifsu u jwaqqa’ b’tisbita fl-art lil min jaħseb li hu xi ħaġa kbira fil-għoli …”
Ġuħa spiss jidħol f’xi biċċa nkwiet, iżda jirnexxielu joħroġ b’wiċċ il-ġid u jitgħallem minn dak li ġralu. F’ħafna stejjer jilgħabha taċ-ċuċ biex ma jħallasx dwana. Jagħmel dak li spiss ikollu jagħmel il-poplu biex iħares lilu nnifsu mill-moħqrija tas-sinjuri u l-ħakkiema.
Ġuħa kien jeżisti jew ivvintawh in-nies u fih ġabru dak li tgħallmu mill-esperjenza tal-ħajja biex jippruvaw isalvaw f’dinja kattiva li fiha, imqar fl-immaġinazzjoni tagħhom biss, kultant jirnexxielhom jaħarbu min ħajja mimlija miżerja?
Hemm min jgħid li Ġuħa kien ta’ veru u kien jismu Abu al-Ghushni ibn Thabit al-Dujayni Fazaari (680-777).
Hemm min jgħid li hu Nashruddin Ħodġa u twieled fl-1208 fl-Anatolja Ċentrali, illum fit-Turkija. Ħodġa tfisser għalliem. Kien studjuż u serva ta’ imħallef Mislem (qadi) sakemm miet fl-1284. Kien filosfu, raġel intelliġenti u għaref b’sens kbir ta’ umoriżmu. Ir-reputazzjoni tiegħu nxterdet fil-Persja, fl-Għarabja, fl-Afrika u fit-Triq tal-Ħarir saċ-Ċina, l-Indja u l-Ewropa.
Kull sena bejn l-4 u l-10 ta’ Lulju, il-belt Torka ta’ Akşehir’, fejn għex Nasreddin Ħodġa tfakkar il-memorja tiegħu b’kunċerti u attivitajiet oħra kulturali u soċjali.
L-istudjużi llum jaħsbu li meta l-Ottomani fis-seklu 16 bdew jaħkmu lill-pajjiżi Għarab ħadu lil Ġuħa li kien ilu jissemma mis-seklu 8, u għamluh Ħodġa.
Tliet rakkonti dwaru:
1. “X’tagħmel meta taħt blata kerha issib borża deheb u f’daqqa waħda ssir sinjur kbir? Jekk inti Ġuħa (Ġaħan bl-Għarbi), iżżomm kaxxa żgħira sabiħa mimlija demel, u kuljum tiftaħha biex tfakkrek kif kont meta ma kellek xejn.”
2. “Ħodġa kien qed iġorr akkademiku fuq spallejh u kienu qed jaqsmu xmara mqallba. Qal xi ħaġa lill-akkedmiku li ma kinetx grammatikalment korretta. L-akkademiku staqsih: Qatt ma studjajt grammatika? Wieġeb Ħodġa: Le.
Mela nofs ħajtek moħlija qallu l-akkademiku.
Ftit minuti wara Ħodġa qal lill-akkdemiku: Int qatt tgħallimt tgħum?
Le wieġeb l-akkademiku. Għala?
Qallu Ħodġa. Mela ħajtek moħlija kollha. Qed negħerqu.”
3. “Darba waħda Ġuħa kien riekb fuq il-ħmar sejjer is-suq.
Fi triqtu ltaqa’ ma’ xi ħbieb li jridu jwaqqgħuh għaż-żufjett.
Wieħed minnhom qallu: “ Ġuħa. Għaraft lill-ħmar imma lilek m’għaraftekx!”
Ġuħa wieġbu: Ħaġa normali. Il-ħmir is-soltu jagħrfu lil xulxin.”
Il-qerda tal-Palestina
Suppost li mill-1948 sal-lum il-Palestinjani u l-Iżraeljani kellhom jgħixu ħdejn xulxin f’żewġ stati, 55% għall-Iżrael u 45% għall-Palestina.
Imma l-Iżrael illum jikkontrolla iżjed minn 90% tal-art li kellha tinqasam bejniethom u l-Palestinjani. Aktar minn 9 miljun Palestinjan jgħixu bħala rifuġjati f’pajjiżi differenti tad-dinja waqt li dawk li għadhom fl-Iżrael u fl-artijiet okkupati minnu jgħixu f’sitwazzjoni ta’ apartheid, fejn mhumiex stmati ta’ bnedmin.
Wieħed mill-ewwel mexxeja tal-Iżrael David Ben-Gurion qal lil Nahum Goldmann, il-president tal-World Jewish Congress li jirrakuntaha fil-ktieb tiegħu ‘Le Paraddoxe Juif’, ‘Il-Paradoss Lhudi’:
“Kienu jien kont mexxej Għarbi qatt ma nasal biex niftiehem mal-Iżrael Ħaġa naturali, aħna ħadnilhom pajjiżhom … aħna ġejjin mill-Iżrael, imma elfejn sena ilu, xi jfisser għalihom? Kellna ħafna anti-semitiżmu, in-Nazi, Hitler, Auschwitz, imma dak tort tagħhom? Huma jaraw ħaġa waħda biss: ġejna hawn u sraqnilhom pajjiżhom. Għax għandhom jaċċettaw dan?”
F’Mejju 1948 tkeċċew 800,000 Palestinjani (80%) minn arthom 77 sena ilu. Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-Iżrael kompla jaħtaf iżjed art u jkeċċi u joqtol iżjed Palestinjani kif qed ikompli jagħmel f’Gaża, fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm.
Iż-Żijoniżmu jemmen u jaħdem li l-Palestinjani għandhom jinqerdu għax mhumiex bnedmin u ħajjithom hi bla ebda valur. L-Iżrael qered eluf ta’ djar f’Gaża kif ukoll sptarijiet u skejjel kif ukoll is-servizzi tad-dawl u tal-ilma, għelieqi u postijiet tax-xogħol biex il-Palestinjani ma jkunux jistgħu jgħixu iżjed f’din l-art.
Awwissu nukleari
Id-direttur tan-‘National Intelligence’ Tulsi Gabbard qed twissi li d-dinja qed tersaq dejjem izjed minn qatt qabel lejn gwerra nukleari li ġġib ħafna mwiet u qerda.
Dan l-aħħar hija żaret il-belt Ġappuniża ta’ Ħiroxima fejn f’Awwissu tal-1945 l-Istati Uniti tefgħet bomba nukleari li qatlet 140,000 u feriet ħafna eluf oħra u l-kanċer żdied u baqa’ joqtol eluf oħra fl-aħħar 80 sena u t-tniġġis nukleari għadu jinħass sal-lum. L-Istati Uniti kienet tefgħet bomba nukleari oħra fuq il-belt ta’ Nagasaki u qatlet 74,000 oħra.
Tulsi Gabbard qalet li llum l-armi nukleari moderni huma aktar b’saħħithom minn dawk tal-1945 u “arma nukleari waħda kapaċi toqtol miljuni fi ftit minuti.”
Ngħollu leħinna
Qalet ukoll: “Illum ninsabu eqreb lejn gwerra nukleari u l-elit tal-politiċi u dawk li jridu l-gwerra qegħdin bl-addoċċ jitfgħu iżjed ħatab fuq in-nar biex ixerdu biża’ u tensjoni bejn il-qawwiet nukleari.” Hija qalet li dawn l-elite nukleari jaħsbu li jistgħu jfittxu kenn f’xelters nukleari u ma jbartux il-konsegwenzi tal-isplużjonijiet nukleari.
Tulsi Gabbard qalet: “Irridu nkunu aħna, il-poplu li ngħollu leħinna u ngħidu li dan il-ġenn għandu jieqaf. M’għandniex inkomplu mexjin f’din ir-rotta li se twassalna għal gwerra nukleari, u naħdmu biex fid-dinja ħadd ma jibża li tasal qerda kbira nukleari.”
Leħen Awwissu 2025