Jekk inqallbu l-paġni tal-ġurnal IL-ĦMAR li kien joħroġ madwar seklu ilu, insibu ħafna tagħrif u anki rqaqat fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies li kienu jgħixu madwar il-Port il-Kbir fil-Belt u fil-Kottonera.
Iżda waqt li nsibu ħafna tagħrif fuq dawn l-inħawi ftit li xejn insibu tagħrif fuq l-irħula l-oħra ta’ Malta bħall-Mellieħa u fuq il-ħajja fil-gżira ta’ Għawdex li kien qishom dinja oħra ‘l bogħod. Biex insiru nafu fuq in-nies tar-raħal tagħna irid ikun hemm persuni ddedikati bħal Jimmy Muscat li għal snin sħaħ u bil-paċenzja u bl-imħabba għall-komunita’ tagħhom jiġbru tagħrif fuq kif kienu jgħixu dawk ta’ qabilna.
Fil-ktieb tiegħu ‘L-istorja tal-Mellieħa – Dati storiċi’, Jimmy Muscat jirrakuntalna kif nhar il-25 ta’ Mejju 1900, persuna li nqdiet bl-isem ta’ M.A. Borg kitbet lill-Ġeneral tal-Armata tilmenta bl-imġieba ħażina sakranazza tas-suldati tal-Battalju tal-Lancashire Fusiliers (ma nafux jekk hux mill-kamp tal-Għadira jew ta’ Għajn Tuffieħa) meta jitilgħu l-Mellieħa biex jixorbu fil-ħwienet tax-xorb imsejħa ‘grog shops’. Borg jitlob li l-ħwienet tax-xorb jibdew jagħlqu fid-9.00 flok fl-10.00 ta’ bil-lejl.
Borg jgħid li s-suldati kienu jiskru u jagħmlu ħafna storbju u jinsulentaw lin-nies u lill-pulizija li jippruvaw isikktuhom. Jitlob li l-Mellieħa jintbagħtu l-pulizija militari bħalma kien hemm il-Furjana, il-Belt u tas-Sliema biex irażżnu l-imġieba ħażina tas-suldati. Dan l-ilment ittieħed bis-serjeta’ u s-suldati tar-Riġment Lancashire Fusiliers ma tħallewx jitilgħu iżjed jixorbu l-Mellieħa.
Muscat jgħidilna li dak iż-żmien fil-Mellieħa kien hawn 20 grog shops ibiegħu inbid u spirti u affarijiet tal-merċa. Fil-ġurnali ta’ dak iż-żmien naqraw li l-pitrolju l-ewwel kien skars, iżda mbagħad x’ħin għola fil-prezz, reġa’ sar abbundanti.
Naqraw li ħafna tfal kienu jbiegħu s-sigaretti lil tat-tarzna fis-7.00 ta’ fil-għodu.
Minħabba li ħafna fqar kienu jmutu u l-familji tagħhom ma setghux jagħmlulhom tebut diċenti, il-katavri tal-fqar kienu jinġarru f’kaxxa miftuħa. Qarrej kiteb isaqsi: “Il-għaliex il-pulizija ma tobbligax lil tat-twiebet jgħaddu minn xi triq imwarrba jew iġorruhom mgħottija?
Ta’ fuq u ta’ isfel
Fil-bidu tas-sena 1918 xi ħadd kiteb: “Ma setgħetx saret taxxa fuq il-kapitalista. Min għandu eluf u eluf ta’ liri imrekkna għax għandu jħallas daqs min ma għandux ħajja ta’ lejla? U fuq is-salarji? Min għandu 200, 300, 400, 500, 600, 1,000 lira (lira= €2.3) fis-sena għax għandu jħallas l-istess bħal min ma għandux għaxar ħabbiet kuljum?”
Kitba ta’ 107 sena ilu tgħid hekk: “Il-bieraħ kif beda jidlam kont qed nistenna lil tal-ħalib u bdejt nara purċissjoni sħiħa ta’ xebbiet minn 14-il sena ‘l fuq għaddejjin tnejn tnejn, raġel u waħda minnhom… imorru fl-irkejjen tas-swar … Jekk nibqgħu sejrin hekk Malta tispiċċa ssir bħal ċerti toroq f’Napli, Sirakuża u Katanja …”
Fl-istess ġurnal IL-ĦMAR tas-sena 1917 naqraw dan li ġej: “Jidhrilna aħna li llum biex bniedem jgħix biss, bla tfal, mhux possibbli li jgħix b’inqas minn ħames xelini ( €1.30) kuljum, u meta ngħid ħames xelini nkunu qegħdin ngħidu xelin u nofs jew nitfa iżjed milli konna ngħidu qabel il-gwerra. Jaħseb ftit għalhekk min għandu l-poter f’idejh kemm hawn nies tas-snajja mgħobbijin bit-tfal li wisq rari li jaqilgħu l-ħames xelini li semmejna. Kif mela jistgħu jgħixu l-oħrajn li jaqilgħu inqas u wisq inqas?”
Igawdu mill-gwerra
Min kien imexxi u jikteb il-ġurnal IL-ĦMAR kien ta’ spiss jilmenta li f’dan l-għaks kollu l-Gvern Imperjali Britanniku ma kienx jieħu miżuri serji biex jikkontrolla lil dawk in-neguzjanti li
ħsiebhom kien biss biex jagħmlu l-flus u jiġu jaqgħu u jqumu mit-tbatija tal-poplu:
“Il-biċċa l-kbira tan-neguzjanti jixtiequ li l-gwerra ddum xi għoxrin sena oħra biex ikunu jistgħu jkomplu jqaxxru l-poplu billi jaqilgħu l-mitejn fil-mija u speċjalment mill-affarijiet ta’ l-ikel.
Il-għala min jaħqar l-annimali jħarrkuh u jeħel u min jaħqar lil
poplu jsir stmat, meta ma jagħtuhx ukoll xi dekorazzjoni!!!”
Mellieħa Novembru 2024