You are currently viewing Il-wirt tal-għerien tagħna

Il-wirt tal-għerien tagħna

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Bħal ħafna oħrajn kont naħseb li l-għar u casa li għandna fuq l-għolja ta’ San Pawl kienet xi għar u dar speċjali u rari sakemm bdejt insir naf li ħafna minna f’dawn il-gżejjer konna ngħixu fi djar-għerien.

Jien stess għamilt xi snin ngħix f’dar-għar man-nanna ħdejn is-Santwarju. Fl-istess triq ewlenija fil-Mellieħa hemm ħafna djar-għerien oħra li -unika parti mibnija li għandhom hija n-naħa ta’ barra. Il-kmamar ta’ ġewwa huma għerien, parti naturali kif kienu u parti mħaffrin.

Meta għex fostna mill-1530 sal-1536 Jean Quintin, qassis Franċiż mal-Ordni tal-Kavallieri kien ra l-Maltin jgħixu fl-għerien 500 sena ilu. Fil-ktieb tiegħu dwar Malta kien kiteb: “Hemm ħafna trogloditi f’Malta. Iħaffru l-għerien u jgħixu fihom.”

Dawk li jgħixu fl-għerien jissejħu trogloditi (mill-Grieg ‘trogle’: toqba). Fis-sitt snin li għamel fostna, Quintin seta jara li ħafna Maltin kienu jgħixu fl-għerien jew fl-għarajjex. Fil-ktieb tiegħu dwar Malta qal li sa meta waslu l-Kavallieri, bini tal-ġebel ftit kien għad hawn.

Nafu b’mill-inqas 20 post differenti f’Malta: mir-Rabat, Ħad-Dingli, Wied it-Rum, l-Imtaħleb, il-Baħrija, Għajn Tuffieħa sal-Mellieħa fejn kellna għerien li fihom niesna għexu huma stess, rabbew l-annimali u anki kellhom knejjes fejn talbu.

Fost il-knejjes-għar, minbarra s-Santwarju u l-Madonna tal-Għar fil-Mellieha nsibu dik ta’ Santa Maria Maddalena, il-Madonna tal-Għar.Santa Marija tal-Virtu’ u San Anard ta’ Wied Liemi kollha fir-Rabat. Knejjes-għar oħra huma tat-Twelid tal-Madonna fil-Kastel Sant Anġlu, tal-Mensija f’San Ġwann u tal-Kunċizzjoni fl-Imsida.

F’Misraħ Suffara, wara Ħad-Dingli, kellna anki lil Baldu juża’ għar fejn il-vjaġġaturi setgħu jieqfu jistrieħu, jieklu u jixorbu xi ħaġa u jserrħu lill-annimali tagħhom. Ħdejn ir-Rabat kellna l-Għar il-Kbir jgħixu 27 familja fih bħala komunita’ reliġjuża ta’ veġetarjani fih. Fl-Assedju tal-1565 kien hargu jiġbruhom biex idaħħluhom l-Imdina. In-nies baqgħu jgħixu fih sal-1835.

Fil-ġirien tagħna fil-Mediterran: minn Spanja sat-Turkija, minn Sqallija sat-Tuneżija nsibu wkoll ħafna għerien fejn kienu jgħixu n-nies.

F’Għar Dalam u fl-għerien ta’ ‘il-Mixta’ f’Għawdex kellna nies jgħixu mill-inqas 7000 sena ilu.

Niesna baqgħu jgħixu fl-għerien għal sekli sħaħ. Niftakar anki sa 40 sena ilu kellna familja tgħix f’għar l-Imtaħleb.

L-għar naturali kienu jibnulu ħajt tas-sejjieħ bħala faċċata u ħitan diviżorji minn ġewwa biex jifirdu l-ispazji differenti: fejn jitolbu u jqimu lil xi qaddis, fejn irabbu l-annimali, fejn iżommu l-għodda tal-biedja u fejn jgħixu bħala familja.

Il-ġebla tal-franka li nsibu fil-widien tagħna kienu jsibuha ratba biżżejjed biex iħaffruha biex ikabbru l-għerien.

Fejn fil-wied kienu jsibu l-ilma ġieri kienu jaħdmu l-għelieqi u jgħixu qribhom fl-għerien.

F’San Niklaw fil-Mellieħa għandna wieħed mll-postijiet ewlenin ffejn hemm ġabra ta’ għerien li kienu jgħixu fihom il-bdiewa li kienu jaħdmu l-għelieqi tal-wied. F’qiegħ l-irdum fejn hemm l-għerien hemm nixxiegħa ta’ ilma ġieri li għal sekli sħaħ saqqiet l-uċuħ tar-raba maħdum.

Fl-għar kbir ta’ San Niklaw insibu knisja ta’ San Niklaw fejn il-blat tal-għar kellhom il-pitturi fuqhom li issa għebu. Din il-knisja tissemma bħala Beneficio di S Nicolao delta Mellecha fir-rapport ta’ Monsinjur Pietru Dusina li ntbaħat minn Ruma jżur Malta fl-1575 biex jara x’inhi l-qagħda tar-reliġjon Kattolika fil-gżejjer tagħna.

Fl-istess għar fejn hemm il-knisja ta’ San Niklaw hemm ħajt tas-sejjieħ jifred il-post fejn kienu jrabbu l-annimali u ħajt iehor idawwar il-post fl-istess għar fejn kienu joqogħdu n-nies.

L-għerien li għandna fil-Mellieħa u fi nħawi oħra tal-gżejjer tagħna u li fihom kienu jgħixu n-nies huma parti mill-wirt storiku tagħna daqs l-aqwa bereġ, kastelli u torrijiet li għandna. Imissna nindokrawhom iżjed.

S’issa ftit għadna napprezzaw dan il-wirt ta’ ġensna u matul is-snin ħafna minnu ġie vandalizzat u meqrud għax ma kienx meqjus wirt storiku bħall-bini tal-Kavallieri u taż-żmien li konna kolonja tal-Imperu Brittaniku.

Mela l-għerien ma nagħtux kashom għax ma kinux jgħixu rjus kbar fihom? Mhux niesna għexu hemm fi żminijiet iebsa?

Mellieħa Marzu 2024