You are currently viewing “Il-qalb kollox”

“Il-qalb kollox”

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

“Il-qalb kollox”

Fostna hawn, u qed jiżdiedu, t-tfal li għal xi raġuni jew oħra mhux ta’ ġid għalihom li jgħixu mal-ġenituri u l-familji tagħhom jew għax ikunu twarrbu jew għax ġew abbużati b’xi mod jew ieħor.

‘Il-qalb kollox.’

Kelmtejn li jiġbru l-messaġġ ċar mil-laqgħa ta’ nofstanhar li saret f’nofs Jannar mis-Sależjani ta’ Don Bosco li ilhom fostna iżjed minn 120 sena.

Il-laqgħa kienet dwar kif l-aħjar għandna nieħdu ħsieb u nedukaw lit-tfal li jibdew il-ħajja b’diffikultajiet kbar u ma jistgħux jgħixu mal-ġenituri u l-familji tagħhom.

Dawn it-tfal hemm bżonn inħobbuhom. Nirrispettawhom. Nisimgħuhom. Nifhmuhom u ngħinuhom jikbru f’persuni b’ħajja sodisfaċenti u jistgħu joħolmu u jgħixu ħajja aħjar.

Jiswew il-kwalifiki, ir-risorsi, il-bini sabiħ … iżda mingħajr l-imħabba ma jiswew xejn.

Dawn it-tfal jafu u jifhmu min iħobbhom. Irridu nkunu lesti noħorġu mid-dinja komda tagħna u nġibu ruħna b’mod ma’ dawn it-tfal li junu jistgħu jafdawna, jiftħu qalbhom magħna biex flimkien noħolqu esperjenzi umani edukattivi u komunitarji fejn iħossuhom aċċettati u milqugħa.

Trid il-paċenzja, il-perseveranza u l-ħin għal dawn it-tfal, il-bqija jibqgħu magħluqin fid-dinja iebsa tagħhom.

Faċli nwarrbuhom

Meta kont niltaqa’ ma’ tfal bħal dawn u nitkellmu waħedna rasimbras, u jgħiduli minn xhiex għaddew jew għaddejjin, niftakarni nħoss li minkejja li spiss kont inkun xi 50 sena akbar minnhom, lanqas kont ġarrabt tikka mit-tbatijiet tagħhom għax kont twelidt f’familja li ħabbitni u ġenituri li għamlu sagrifiċċji biex tawni trobbija tajba.

Minn eta’ żgħira jkunu għaddew minn esperjenzi diffiċli li jwassluhom biex iġibu ruħhom b’modi li faċli għalina nikkundannawhom u flok nilqgħuhom, inwarrbuhom u naraw kif neħilsu minnhom.

Dawk li jkunu ma’ dawn it-tfal biex jieħdu ħsiebhom u jedukawhom, minbarra ħafna imħabba għandhom bżonn jiżviluppaw ħiliet professjonali.

Għandhom bżonn ukoll li jkollhom appoġġ u jkollhom għand min imorru biex jifthħu qalbhom u jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jsibu ħin jistrieħu u jiċċarġjaw il-batteriji, inkella jinħarqu u jinħlew.

Ċar ukoll li hemm bżonn jaħdnu flimkien l-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-ħarsien soċjali għax kull qasam, waħdu, ma jasalx.

Minħabba kif inbidlet is-soċjeta’ tagħna fid-dinja tal-lum u kif inbidlu l-familji u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw, żdiedu t-tfal li għandhom bżonn jgħixu f’ambjent ta’ imħabba ma’ nies li jħobbuhom.

Grazzi lil dawk il-familji li jżommu tfal bħal dawn għandhom u grazzi wkoll lill-ordinijiet reliġjużi ddedikati biex jieħdu ħsieb dawn it-tfal fid-djar li jmexxu.

Imma jidher li rridu nagħmlu iżjed.

Kulma jiġri jolqotna

Jinsab 3912 kilometru ‘l bogħod minna imma bħalissa, Bab el Mandab, qed jolqotna mill-qrib kif qed jolqot lid-dinja kollha.

Minnu jgħaddu 882 vapur tal-merkanzija, terz tal-flotta dinjija, u jġorru sa 15 fil-mija tal-kummerċ kollu tad-dinja. Jgħaddu wkoll il-vapuri li jġorru ż-żejt u l-gass.

Aħna li nixtru kważi kollox minn pajjiżi oħra u nbiegħhulhom dak li naħdmu fil-fabbriki tagħna bilfors nintlaqtu għax inġibu u nibgħatu kważi kollox bil-baħar.

Mindu nfetaħ il-Kanal tas-Swejz 155 sena ilu fl-Eġittu, l-importanza ta’ Malta f’nofs il-Mediterran żdiedet ħafna.

Infetħet rotta ġdida bejn il-Mediterran, l-Ewropa u pajjiżi Asjatiċi flok ir-rotta ħafna itwal li ddur mal-kosta tal-Afrika għax mill-Mediterran issa stajt tasal fil-Baħar l-Aħmar u fl-Oċejan Indjan. Jekk ma jkunx qed jintuża l-Kanal tas-Swejz il-portijiet tagħna jintlaqtu ħażin għax il-vapuri jaqbdu rotta ‘l bogħod minna.

Il-Baħar l-Aħmar fih żewġ bibien: wieħed il-Kanal tas-Swejz u l-ieħor Bab el Mandab li bl-Għarbi tfisser Bieb id-Dmugħ tant kemm hu perikoluż tbaħħar hemmhekk.

Wara l-Kanal Ingliż u l-Kanal ta’ Panama, Bab el Mandab, bejn il-Jemen u Djibouti jinsab fuq l-aktar rotta wżata fid-dinja.

Bħalissa mhux jintuża għax il-Houthi li ilhom jikkontrollaw di il-parti tal-Jemen fl-aħħar disa’ snin qed jattakkaw bid-droni vapuri jġorru l-merkanzija għall-Iżrael biex jagħmlu pressjoni fuq l-Iżrael biex iwaqqaf il-gwerra tiegħu fuq il-Palestinjani ta’ Gaża.

Aktar ħatab fuq in-nar

L-Istati Uniti, flok twaqqaf lill-Iżrael milli jkompli joqtol eluf ta’ Palestinjani, u tara li l-Palestinjani jingħataw l-istat tagħhom kif imwegħda 75 sena ilu, bagħtet il-vapuri tal-gwerra ma’ xi alleati tagħha bħar-Renju Unit u l-Olanda biex jattakkaw il-Houthi.

Minħabba l-ġlied militari, il-kumpanniji tal-vapuri tal-merkanzija mhux qed jgħaddu mill-Kanal tas-Swejz u minn Bab el Mandab u minflok qed iduru mal-ponta tal-Afrika t’Isfel magħrufa bħala l-Cape of Good Hope.

L-iqsar rotta mill-Asja sal-Mediterran u mill-Kanal tas-Swejz u Bab el Mandab. Ir-rotta ta’ madwar l-Afrika ttawwal il-vjaġġ b’mill-inqas 10 t’ijiem u żżid l-ispiża tal-vjaġġ u allura żżid il-prezzijiet ta’ kulma jġorru: fosthom ikel u ħwejjeġ, qmugħ mill-Asja u żejt mil-Lvant Nofsani.

Vjaġġ mill-Asja lejn il-Mediterran għola bi 118%, lejn l-Ewropa ta’ Fuq b’124%.

Din hija kriżi oħra li tgħolli l-ħajja kif għollewha fl-aħħar erba snin il-Covid 19 u mbagħad il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajina. Toħloq ukoll problema għall-fabbriki biex iġibu l-materjal li jridu jaħdmu u biex jibgħatu l-prodotti lejn pajjiżi oħra.

Il-prezz biex iġġorr kontejner ta’ 20 pied mill-Asja għall-Mediterran ittrippla minn €1,149.22 għal €3,392.51.

Mill-Mediterran għall-Ewropa ta’ Fuq, l-assikurazzjoni għal kontejner ta’ 40 pied għola minn €230 għal €735.

Fid-dinja tal-lum, iżjed minn qatt qabel, kollox huwa marbut flimkien u dak li jiġri xi mkien ieħor fid-dinja, b’xi mod jew ieħor jolqotna qisu qed jiġri f’pajjiżna stess.

Torċa 4 Frar 2024