You are currently viewing Il-parabbola tal-laħam

Il-parabbola tal-laħam

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Darba kien hemm belt li kellha fiha numru ta’ ħwienet tal-laħam, ta’ fran u bejjiegħa oħra. Bejjiegħ tal-laħam li kellu ħafna enerġija ried li jagħmel ħafna iżjed qligħ billi jfalli lill-ħwienet l-oħra tal-laħam u jibqa’ hu biss ibigħ il-laħam.

Beda jbigħ bl-irħis u falla lill-bejjiegħa l-oħra imma tant beda jitlef flus li spiċċa b’dejn kbir.

Fl-istess ħin wieħed li jagħmel u jbigħ il-ħobż kellu l-istess idea u rnexxielu jagħmel l-istess, falla lill-oħrajn kollha bħalu u baqa’ hu biss ibigħ il-ħobż.

Kull ħanut li kien ibigħ xi ħaġa lill-konsumaturi għamel l-istess.

Kull ħanut li kiseb monopolju għax baqa’ hu biss ibigħ fil-qasam tiegħu stenna li jagħmel iżjed u iżjed flus, imma sfortunatament l-bejjiegħa rvinati tal-laħam ma kellhomx aktar flus biex jixtru l-ħobż u l-furnara rvinati tal-ħobż ma kellhomx aktar biex jixtru l-laħam.

Kellhom jagħtu s-sensja lill-ħaddiema tagħhom u dawn marru jaħdmu xi mkien ieħor.

Li kien ġara kien li għalkemm tal-laħam u tal-ħobż spiċċaw b’monopolju. Biegħu inqas milli biegħu fil-passat.

Kienu nsew li waqt li kompetitur ieħor fin-negozju jista’ jweġġgħek, aktar kemm ikollok min jixtri aktar tmur aħjar u aktar ma jkun hawn ġid u flus fl-idejn aktar ikun hawn min jixtri.

L-għira u r-regħba għamewhom u raw biss lill-kompetituri tagħhom fin-negozju u nsew għal kollox il-ġid li aktar ma jkun hawn minnu aktar ikun hawn min jixtri.

Gwerra kummerċjali dinjija

Il-ħassieb Bertrand Russell kiteb din il-parabbola fl-1946. Qal: Illum id-dinja saret bħal dik il-belt tal-parabbola fejn kull pajjiż jaħseb li l-interessi ekonomiċi nazzjonali tiegħu huma kontra ta’ kull pajjiż ieħor u li tagħmel ħafna iżjed flus jekk tfaqqar u tkisser pajjiżi oħra.

Tajjeb naqraw u nippruvaw nifhmu sew din il-parabbola meta l-President Amerikan Donald Trump jemmen li biex l-Istati Uniti Terġa Ssir Kbira, irid iċekken lid-dinja kollha u jdawwar lid-dinja kollha f’żona ta’ gwerra kummerċjali fejn l-armamenti huma t-tariffi u s-sanzjonijiet.

Kważi 80 sena ilu Russell wissa’: “In-nazzjonaliżmu ekonomiku hu mibni fuq it-twemmin falz li l-interess ekonomiku ta’ pajjiż hu bilfors kontra dak ta’ pajjiż ieħor. Hu dan it-twemmin falz li jġib il-mibegħda internazzjonali u l-gwerra …”

Twissija f’waqtha

Fl-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-18) nqatlu iżjed minn 21 miljun, l-akbar numru li qatt inqatlu fi gwerra. Tant kienu mwaħħxin b’kemm inqatlu li ħafna bdew jgħidu li din kienet l-aħħar gwerra u ma kinetx se ssir gwerra oħra għax it-tekonoloġija tal-armamenti kienet avvanzat ħafna u kapaċi teqred iżjed minn qatt qabel.

Imma 30 sena wara, faqqgħet gwerra dinjija ġdida (1939-45) wara li kull pajjiż kien l-ewwel infexx fi gwerra kummerċjali kontra kull pajjiż ieħor.

Russell kien inkwetat li terġa’ tfaqqa’ gwerra dinjija li tkun aktar qerrieda minn dik li kien għadha kemm spiċċat u li fiha nqatlu 75 miljun u li fiha l-Istati Uniti tefgħet il-bombi atomiċi fuq Ħiroxima u Nagasaki. Ħafna bliet kienu spiċċaw ħerba. Kull pajjiż, ħlief l-Istati Uniti, ħareġ mill-gwerra meqrud u mħarbat.

Biex ma jkollniex gwerra dinjija oħra, Russell ikkonkluda: “Hemm bżonn nifhmu li aħna lkoll familja waħda u l-kuntentizza ta’ din il-familja ma tistax tinbena billi xi ħadd tal-familja jibni lilu nnifsu billi jeqred lil xi ħadd ieħor tal-istess familja.”

It-twissija ta’ Russell, f’dinja fejn illum ħawn iżjed pajjiżi b’12,119 bombi atomiċi u bombi sofistikati ta’ kull tip ippuntati lejn xulxin, tgħodd ferm iżjed minn qatt qabel.

Torċa 27 April