You are currently viewing Il-parabbola ta’ miġnun?

Il-parabbola ta’ miġnun?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Fl-aħħar ta’ ħajtu l-filosfu Għarbi-Lhudi-Franċiż Jacques Derrida (1930 – 2004) kien ateu li jemmen. Kien jitlob kuljum. Fost dawk li kienu jsegwuh u jammirawh, kien hemm min ħassu ttradut. X’kien ġralu Derrida? bdew jistaqsu. Beda jibża mill-mewt? Qabditu d-dimenzja? Derrida għamilha ċara li hu ma kienx jitlob lil xi alla ta’ reliġjon istituzzjonalizzata. Għalih il-kelma ‘alla’ kellha wisq moffa tradizzjonali u ma riedx jużaha. Kien jgħid li jitlob lil dak li mhux magħruf, misteru, dak li ma jistax jingħad x’inhu.

L-esperjenza ta’ Derrida għandha ġġiegħelna nirriflettu, lilna li ċħadna r-reliġjon li trabbejna fiha għax ma ridnix ngħixu klixe’. Irmejna wisq kollox meta warrabna t-trobbija reliġjuża li ħadna fejn ma stajnix niddubitaw, nistaqsu, nikkritikaw imma nemmnu b’għajnejna magħluqa? Jew hemm ‘religio’ li għandna nfittxu? Billi norbtu lilna nfusna mal-misteru tal-ħajja, ma’ xulxin bħala persuni differenti iżda ndaqs, man-natura, mal-mistoqsijiet il-kbar dwar il-ħajja u l-mewt. Bla ma naħarbu għall-kenn tal-faraġ komdu tar-reliġjon imħaddma bħala polza tal-assigurazzjoni fejn biżżejjed nikkunsmaw is-sagramenti u nattendu r-ritwal biex nikkuntentaw lill-Alla billi nissodisfaw l-obbligi tar-reliġjon bħall-ħarsien tar-regolamenti ta’ klabb.

Mircea Eliade f’‘It-tfittxija: l-istorja u t-tifsira tar-reliġjon’ (1969) jgħidilna li s-sagru mhux sempliċiment xi stadju fl-iżvilupp tal-kuxjenza iżda l-kisba ta’ profondita’ kif naraw il-ħajja u ngħixuha, mhux fuq il-qoxra biss. Il-ħajja hi iżjed mill-interessi persunali tagħna. Iżjed mill-Prodott Gross Domestiku u minn kemm għandna ġid materjali u flus il-bank. Il-qima lejn il-ħajja hija realta’ profonda u titlob minna ferm iżjed minn sempliċiment attendenza u sehem f’funzjonijiet reliġjużi fil-postijiet li nsejħulhom sagri.

Ix-xjenza u t-teknoloġija fl-aħħar sekli, użajnihom b’arroganza sfruttatriċi u manipulattiva li tatna l-illużjoni li qima lejn il-ħajja materjali-sagra hi drawwa antika kontra l-modernita’. Li għandna nwarrbu u narmu dak li ma nistgħux nifhmu. La ‘Alla’ mhux ir-raġel xiħ tal-baffi bojod li webbluna bih fi tfulitna, mhux se noqogħdu nitilfu l-ħin infittxu min hu. Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum għandna ħafna x’nagħmlu, l-aktar biex nagħmlu l-flus. Mhux se noqogħdu naħlu l-ħin fuq drawwiet antikwati. Jekk insegwuhom nagħmlu hekk bħala parti mill-folklor tal-ħajja ta’ kuljum.

Fl-1882, il-filosfu Ġermaniż Friedrich Nietzsche (1844 – 1900) qalilna li ‘Alla miet’. Sal-lum hawn min ma jifhimx lil Nietzsche u jikkundannah bħala li qatel lil ‘Alla’. Imma fl-istess nifs, Nietzsche jgħid li ‘Alla’ ma mietx waħdu. ‘Alla’ qtilnieh aħna. Idejna jqattru bid-demm tiegħu. Qtilnih meta qtilna s-sens tas-sagru misterjuż tal-ħajja, konvinti li nistgħu ngħixu biss bil-ħobż. Qtilnih b’kif ħassarna lid-dinja għax qisnieha li qiegħda hemm biss biex nagħmlu l-flus minnha. Qtilnih b’kif ħassarna r-rabta tagħna ma’ xulxin fejn irridu niddominaw lil dawk li nqisu iżjed dgħajfa minna, flok ngħixu flimkien nieħdu ħsieb xulxin, anki dawk differenti minna. Sadattant aktar ma skoprejna affarijiet ġodda u avvanzajna fil-ħajja u qed ngħixu iżjed komdi minn qatt qabel, aktar inħossuna vojti minn ġewwa. Intlifna, ma nafux fejn qegħdin. Aktar ma għandna kollox aktar inħossu x-xejn f’ħajjitna.

Jgħid Nietzsche fil-‘Parabbola tal-Miġnun’ dwar raġel kulħadd jiddieħak bih għax fid-dawl qawwi tal-ġurnata ħareġ ifittex lil Alla. Xħin jistaqsuh għala qed ifittex lil Alla, iwieġeb:

‘Ma tħossux li aħna mitlufin fix-xejn infinit? Ma tħossux l-ispazju vojt li ninsabu fih? … Aktar ma jgħaddi ż-żmien mhux aktar qed jitwalu l-iljieli, wieħed wara l-ieħor? Mhux qed ikollna nixegħlu l-fanali filgħodu? … Alla mejjet. Alla jibqa’ mejjet. U aħna qtilnih. X’se nagħmlu, aħna l-akbar qattiela, biex infarġu lilna nfusna? Dak li kien l-aktar qaddis u qawwi li qatt kellha d-dinja kollha żvina għall-mewt taħt id-daqqiet tas-skieken tagħna. Min se jneħħilna d-demm li aħna mċappsin bih? B’liema ilma se nnaddfu lilna nfusna?’

Nietzsche jkompli: ‘Jingħad li fl-istess jum il-miġnun daħal f’diversi knejjes u kanta r-requiem. Kull darba kienu joħorġuh u jikkwitawh, u hu kull darba kien iwieġeb: ‘x’inhuma dawn il-knejjes issa jekk mhux l-oqbra u s-sepulkri ta’ Alla?’

Biex nimlew ħajja vojta

Żgur mhux se nimlew il-vojt u x-xejn f’ħajjitna llum billi noħolmu li nistgħu nmorru lura lejn xi żmien tad-deheb li qatt ma eżista. M’għandniex triq oħra ħlief li nippruvaw niskopru fir-realta’ tal-lum is-sens ta’ misteru, tas-sagru, tal-ispiritwali, tal-qima lejn il-ħajja. Billi nibnu rabta ġdida ta’ qima lejn xulxin u lejn in-natura u billi ma noħolqux tbatija, vjolenza, inġustizzji u gwerra fuq l-oħrajn.

Inkella nibqghu maqbudin bejn ħajja materjalistika komda mimlija vojt u reliġjon sempliċiment tradizzjonali li hija qabar u ma timlix dak il-vojt. Żgur mhux se nsibu triqatna billi nifirdu s-sagru mis-sekulari. Billi ngħixu mumenti superfiċjali waqt ċerimonji reliġjużi fil-postijiet li nsejħulhom sagri fejn bi kliemna ngħidu li nemmnu fil-valuri tas-solidarjeta’ u tal-qima lejn il-ħajja iżda mbagħad xħin noħorġu barra fid-dinja tal-ħajja sekulari ta’ kuljum ngħixu ħajja fejn infittxu l-interessi persunali tagħna biss, naghmlu kemm nagħmlu ħsara lill-ħajja umana u naturali ta’ madwarna.

Is-sagru u l-ispiritwali jagħmel sens jekk nagħrfu li huma fid-dinja b’mod profond, mhux kontra d-dinja, imma tad-dinja u ġod-dinja u nimxu ‘l quddiem bihom mad-dinja. Inkella l-ispirtu ma nħalluhx isir ġisem u jgħammar fostna. U minflok, noqtluh. Mhux se nfejqu l-feriti fondi eżistenzjali li għandna f’ħajjitna jekk nibqgħu nifirdu n-naturali mis-sopranaturali, il-materja mill-ispirtu, is-sagru mis-sekulari.

Il-filosfu Kanadiż Charles Taylor li twieled fl-1931 u għadu ħaj, fil-ktieb tiegħu ‘A secular age’ josserva kif waqt ir-reliġjonijiet tradizzjonali qed imutu, hemm sforzi biex niksbu sens ġdid ta’ spiritwalita fejn is-sagru huwa profondament naturali u materjali. Għamilna ħafna ħsara lilna nfusna fl-aħħar sekli bħala bnedmin meta ħsibna li x-xjenza u t-teknolġija għandna nħaddmuhom b’mod li nkeċċu s-sagru lejn is-smewwiet ‘il bogħod u nħallu d-dinja fejn ma baqa’ xejn sagru.

Qisna l-pjaneta tagħna bħala materja prima biss u bħala biċċa negozju biex minnha nagħmlu l-flus. Għamilna gwerer kontra n-natura li biex nisfruttawha għamilna ħafna gwerer ukoll kontra l-bnedmin bħalna. Spiċċajna ħassarna d-dinja bir-rabta tagħna man-natura u mal-bnedmin bħalna u jekk mhux se nfejquha se neqirdu lilna nfusna.

Mhemmx differenza bejn l-ispirtu u l-materja. Kif jgħidilna Teilhard de Chardin, studjuż tal-blat u tar-rabta tal-bnedmin ma’ xulxin u ma’ Alla, l-ispirtu u l-materja, mhux biss mhumiex kontra xulxin izda talli huma biss aspetti differenti tal-istess realta’ kożmika, tal-univers sħiħ.

Fl-‘Innu lill-Materja’ jbierek lin-natura li minnha ħareġ u jerġa’ lura fiha: “Erfagħni ‘l fuq, materja, lejn dawk il-qċaċet, biex permezz tat-taqbida, tal-firda u tal-mewt; erfagħni ‘l fuq, biex fl-aħħar, inkun nista’ nħaddan miegħi l-univers.”

Il-Leħen 11 Frar 2024