You are currently viewing Il-Palestinjani bla art għal stat

Il-Palestinjani bla art għal stat

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Il-pjan tal-President Amerikan Donald Trump għal Gaża hu ta’ paċifikazzjoni mhux ta’ paċi, jiġifieri li ssikket u tmewwet kull ħidma tal-Palestinjani biex ikollhom stat tagħhom. Il-paċi, il-ġustizzja, id-dritt li l-Palestinjani jkollhom l-istat tagħhom jintrabtu flimkien. Il-pjan huwa wkoll biex dak li fadal minn Gaża jinbidel f’riserva fejn jinżammu l-Palestinjani bla stat sovran u bla ma jgħixu fid-dinjità ta’ poplu li jmexxi lilu nnifsu.

Il-pjan ta’ Trump huwa mibni fuq is-sistema ta’ riservi li kienu saru għall-poplu indiġenu fl-Istati Uniti fis-seklu 19. Il-boj li marru hemm mill-Ewropa kienu ħatfu l-art tan-nies tal-post, qatlu ħafna minnhom u l-bqija għalquhom f’riservi għalihom. Il-bojod ħadulhom l-art biex jisfruttaw il-ġid natura li kien hemm fiha.

Għall-ewwel kienu qalu li f’dawn ir-riservi se jpoġġu lin-nies tal-post biex maż-żmien jagħtuhom id-dritt imexxu lilhom infushom imbagħad ħadulhom l-art kollha li riedu ħadulhom kull sovranità u ġeiegħeluhom joqogħdu f’biċċiet żgħar ta’ art li ma kinux jagħmlu sens bħala nazzjon.

F’dawn l-aħħar 50 sena aktar minn 700,000 Iżraeljan ħatfu aktar art mingħand il-Palestinjan u keċċewhom mix-Xatt tal-Punent u mil-Lvant ta’ Ġerusalemm u bnew minn flokhom mill-inqas 250 bliet differenti tagħhom. Il-pjan kien li jieħdu aktar art biex il-Palestinjani ma jibqagħlhomx aktar art fejn ikollhom l-istat tagħhom.

Il-Palestina kienet 26,790 kilometru kwadru fl-1948. Gruppi ta’ Żijonisti użaw vjolenza kbira biex keċċew iżjed minn 750,000 minn djarhom u artijiethom u b’hekk ħatfu 78 fil-mija tal-art u ħallew 22 fil-mija għall-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u f’Gaża.

Illum l-Iżrael ħataf 95 fil-mija tal-art u l-Palestinjani fadlilhom biss 5 fil-mija tal-art. Din il-5 fil-mija hija mqatta’ f’ħafna biċċiet li ma jmissux ma’ xulxin u hekk il-Palestinjani ma jistgħux ikollhom l-istat tagħhom.

Mill-1948 sal-lum l-Istati Uniti u l-Ewropej ħallew lill-Iżrael jaħtaf iżjed u iżjed art u kienu jafu li mhux se jifdal art għall-Palestinjani. Kif jista’ jkollok stat jekk ma jkollokx art?

Li tirrikonoxxi lill-Palestinjani d-dritt li jkollhom stat iżda tkun ħallejt l-art tinsterqilhom kollha tkun qisek ħallejt xi ħadd imut u mbagħad tajtu midalja meta kien aħjar kieku ma ħallejtux jinqatel u ma tiħux sehem fil-qtil tiegħu kif ħadu sehem l-Istati Uniti u pajjiżi Ewropej bħar-Renju Unit u l-Ġermanja li baqgħu jibgħatu armi lill-Iżrael li bihom għamlu ġenoċidju fuq mijiet ta’ eluf ta’ Palestinjani f’Gaża.

Iżjed nies, iżjed tniggiż

L-Awtorità għandha rakkomandazzjoni biex taċċetta li jiżdiedu b’sitta u b’seba’ sulari ż-żewġ torrijiet tad-db telgħin fil-bajja ta’ San Ġorġ ta’ San Ġiljan fejn qabel kien hemm l-Istitut għall-Isudji Turistiċi. Jekk din iż-żieda tiġi approvata, it-torrijiet jitilgħu għal 23 u 25 sular kull wieħed u l-appartament jiżdiedu minn 179 għal 261.

Il-Professur Victor Axiak jgħid li m’għandux isir aktar bini fl-inħawi għax żgur se jolqot ħażin ħafna l-baħar li hu wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin l-għala turisti jiġu Malta.

Sadattant fl-inħawi hemm propost il-proġett ta’ Villa Rosa b’lukanda ta’ 247 kamra, 789 appartament residenzjali, uffiċini … li b’kollox se jfissru żieda ta’ 24,000 ruħ fl-inħawi.

Matul is-sena li ġejja l-kwalità tal-baħar fil-bajja ta’ San Ġorġ se tmur lura bħal tal-agħar bajja li għandna f’Malta għall-għawm: il-bajja tal-Balluta.

Żieda fil-popolazzjoni u fil-kontaminazzjoni

Ikkonkluda dan il-Professur Victor Axiak fi studju li ressaq fil-Konferenza Ewro-Mediterranja għall-Integrazzjoni Ambjentali li saret f’Reggio Calabria mit-23 sas-26 ta’ Ġunju 2025.

L-istudju tiegħu tqies bħala l-aħjar li sar fis-suġġett tal-konferenza li ħadu sehem fiha iżjed minn 500 studjuż minn iżjed minn 80 pajjiż differenti.

Il-Professur Axiak qal li fl-istudju tiegħu ra kif Malta għandha l-ogħla rata ta’ popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea b’1783 kull kilometru kwadru fl-aħħar tas-sena 2023.

Din ġiet miż-żieda ta’ 30% fil-popolazzjoni: waqt li l-ħaddiema barranin żdiedu b’27%, it-turisti rduppjaw.

Huwa studju kif din iż-żieda effettwat il-kwalità tal-baħar għax żdiedet il-kontaminazzjoni E.coli meta jfur id-drenaġġ fil-bajjiet.

Il-kontaminazzjoni żdiedet l-aktar fil-Bajja ta’ San Ġorġ.

Sas-sena 2013 il-Bajja ta’ San Ġorġ kienet fost l-aktar indaf u bi kwalità tajba ħafna ta’ baħar għal-għawm, imma issa qed issir l-agħar waħda se tkompli tmur lura jekk se jkompli tiela’ iżjed bini għal iżjed nies fl-inħawi.

Torċa 26 Ottubru 2025