You are currently viewing Il-mażunerija fostna

Il-mażunerija fostna

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

Ftit ilu ħabib tiegħi qalli li gie avviċinat biex jidhol fil-mażunerija. Patri ħabib tiegħu qallu biex ma jidħolx għax sħubija fil-mażunerija tmur kontra t-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Ħabib ieħor qalli kif il-Gran Loġġa Magħquda tal-Ingilterra kienet bagħtet uffiċċjal għoli tagħha f’Malta biex jinvestiga l-ħidma tal-mażunerija f’pajjiżna u kien inkwetat ħafna “għax sab ħafna tuffieħ imħassar”. Sab ukoll li diffiċli tagħraf jekk ċerti loġoġ lokali humiex aktar leali lejn loġoġ fl-Italja u fi Sqallija milli lejn il-loġoġ fir-Renju Unit.

Organizzazzjonijiet kriminali bħall-Mafja u l-Ndrangheta jippenetraw il-loġoġ tal-mażuni ghax huma effettivi biex jifirxu u jsaħħu l-influwenza u l-poter moħbi tagħhom fl-istat, fl-ekonomija u fis-soċjeta`.

Għandna ħafna Maltin li huma mażuni, tant li jingħad li rasimbras għandna l-akbar numru ta’ mażuni fid-dinja. Il-mażunerija ilha fostna tant li kważi 300 sena ilu l-Inkwiżizzjoni kienet diġa’ qed tieħu passi kontra l-mażunerija f’Malta, partikularment il-Loġġa ta’ San Ġwann tas-Segretezza u l-Armonija. Fl-1775 l-Inkwiżizzjoni ħadet passi kontra Kavallieri Franċiżi ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann għax kienu mażuni. F’dan il-każ tressqu provi li l-mażunerija kienet diġa’ attiva fostna sa mill-inqas mis-sena 1741. Fost dawk akkużati li kienu mażuni fl-1794 insibu lill-kompożitur Malti Nicolo’ Isouard.

Marsamxett u Villa Blye

Ftit wara li bdiet il-ħakma Britannika fuq Malta fl-1800, bdew jiftħu loġoġ Ingliżi fostna. Loġġa minnhom iltaqgħet l-ewwel darba fit-12 ta’ April 1815 u kienet tiltaqa’ fid-Dverna Tama, fi Triq Nofsinhar il-Belt Valletta. Minn dak iż-żmien ‘l hawn baqgħu fostna ż-żewġ xejriet tal-mażunerija fostna: dik Britannika u dik kontinentali u ġie li l-ġlied bejniethom joħroġ fil-beraħ. Għandna diversi loġoġ u ċentri massoniċi. Iż-żewġ binjiet ewlenin huma f’Marsamxett il-Belt Valletta u f’Villa Blye f’Raħal Ġdid.

F’Marsamxett tiltaqa’ l-Gran Loġġa Sovrana ta’ Malta (iffurmata fl-2004) li taqa’ taħt il-Gran Loġġa Magħquda ta’ l-Ingilterra li tqis “irregulari” lil dawk il-mażuni li telqu minn Marsamxett.

Fl-2009 dawn iffurmaw il-Gran Loġġa ta’ Malta li tiltaqa’ f’Villa Blye b’loġoġ imsemmija ‘Feniċi’ u ‘Mikiel Anton Vassalli’ u hija rikonoxxuta mill-Mażunerija Franċiża u Taljana.

Il-Mażuni ma jaqblux li huma soċjetajiet sigrieti ta’ nies influwenti u li jaqbżu għal xulxin u jiffavorixxu lil xulxin meta jkollhom bżonn anki llegalment u b’mod korrott. Jgħidu li huma nies ta’ valuri tajbin u jagħmlu ħafna ġid u mhumiex żgur periklu għal xi reliġjon jew xi stat. 

Meta konna tfal kienu jgħidulna li min ma jmurx knisja huwa mażun.

Maż-żmien sirt naf li mażun tfisser bennej għax fil-mażunerija jieħdu ħafna kliem u simboli mis-sengħa tal-bini, fosthom l-iskwerra. Kien hemm żmien li dawn is-simboli kienu prominenti fil-ftuħ fl-1962 tal-istazzjoni televiżiv lokali TVM immexxi minn mażuni Ingliżi. Fl-aħħar 60 sena dejjem raw kif ikollhom persuna ta’ fiduċja qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Theddida għad-demokrazija

Madwar 33 sena ilu kont qajjimt kontroversja f’Malta meta, bħala ġurnalista, staqsejt lill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami hux sew li membri tal-mażunerija jkunu f’ħatriet pubbliċi importanti, fosthom fil-ġudikatura. Kien qalli: le. Privatament għedtlu għal liema maġistrat kont qed ngħid, persuna li għamlet żmien f’ħatra elettorali fil-PN. Minn loġġa minnhom ġie wieħed b’simpatiji Laburista jaqbeż għall-maġistrat u jheddidni biex ma nkomplix nitkellem u nikteb dwar il-mażunerija.

Loġġa oħra bagħtet żewġ uffiċjali d-dar biex jispjegawli li l-mażunerija ma tagħmel xejn ħażin.

Ħallewli kotba dwarhom, wieħed anki bl-ismijiet ta’ uffiċjali tagħhom lokali. Stednuni biex nieħu sehem f’xi attivita` soċjali tagħhom. Qatt ma mort. Naf li la jixorbu demm tat-trabi u lanqas ma jissagrifikaw nisa verġni jew jaduraw lix-xitan.

U naf daqxejn storja taghhom. Hemm pajjiżi fejn il-mażuni ħadmu għall-ħelsien ta’ pajjiżhom u għall-progress tas-soċjeta`.

Hemm fejn waqqgħu gvernijiet demokratiċi.

Jagħmlu atti ta’ karita`. Hemm fejn fl-istess loġġa kien hemm maġistrat, pulizija, avukat u kriminal u għenu lil xulxin biex id-delitt jitgħatta u l-ħati ma jinqabadx.

Żgur ma nemminx li kulma jiġri ħażin fid-dinja hu tort tal-mażuni.

Lanqas ma nemmen li m’huma xejn ħlief adulti rġiel jieħdu gost jilgħabu b’ritwali bil-fardal u qalza mxammra.

Jibqa’ jinkwetani l-fatt li nies b’saħħithom mill-oqsma tal-ġudikatura, avukatura, politika, negozju, tobba, pulizija, edukaturi, bankiera … ikunu msieħba fl-istess għaqda sigrieta, isejħu lilhom infushom aħwa u jwiegħdu li jaqbżu għal xulxin.

Illum nitolbu bir-raġun trasparenza sħiħa mill-gvern u l-awtoritajiet pubbliċi biex nifhmu aħjar x’deċiżjonijiet jittieħdu u għala.

Li fl-istess ħin f’din is-soċjeta` demokratika u miftuħa jkollok għaqdiet magħluqa u sigrieti ta’ nies b’saħħithom jinfluwenzaw dak li jiġri fostna ma naħsibx li hu tajjeb.

Għax jekk fl-istess loġġa jkollok mażuni jiddeċiedu dwar mażuni ħuthom meta jkun qed jinvestigaw delitt, jaqtgħu sentenzi, jagħtu kuntratti pubbliċi, joħorġu xi self mill-bank, jagħtu promozzjoni … liema jirbħu: l-liġijiet u r-regoli fejn kulħadd huwa ndaqs jew jirbħu r-regoli tal-mażunerija li jagħtu vantaġġ lill-aħwa?

Iħarsu n-naħa l-oħra

Il-partiti politiċi ewlenin tagħna u l-Knisja Kattolika jafu bil-mażunerija fostna imma jħarsu n-naħa l-oħra. Naħseb li ma jieħdux bis-serjeta` din il-kwistjoni. Ma naqbel mal-ebda persekuzzjoni jew kruċjata iżda nħallu wisq kollox għaddej bla ma nagħtu każ il-kwalita` tal-moralita` pubblika, tad-demokrazija u tal-governanza tajba f’pajjiżna.

Fil-Filippini, pajjiż ieħor Kattoliku, wkoll għandu ħafna membri fil-mażunerija u hemm iżjed li qed ikomplu jidħlu. L-Isqfijiet tal-Filippini talbu lill-Vatikan jgħidilhom x’għandhom jagħmlu.

Fit-13 ta’ Novembru 2023, il-Vatikan wieġeb lill-Isqfijiet tal-Filippini u reġa’ għamilha ċara li l-Kattoliċi ma jistgħux ikunu fil-mażunerija. F’dokument tad-Dikasteru tad-Duttrina tal-Fidi ffirmat anki minn Papa Franġisku jikkonferma li għadu jgħodd dak li kien qal il-Kardinal Joseph Ratzinger f’dokument ta’ 40 sena ilu li min hu Kattoliku ma jistax ikun f’xi Loġġa Massonika u ma jistax jitqarben. Fl-1738 Papa Klement XIII kien ikkundanna l-Mażunerija, sejħilha perversa u skomunika lill-Kattoliċi li kienu membri.

Il-Knisja Kattolika ssostni li t-twemmin tal-mażuni fl-Arkitett il-Kbir tal-Univers imur kontra t-twemmin f’Alla. Il-Knisja Kattolika tqis il-mażunerija bħala reliġjon oħra u rivali għall-Vanġelu. Hija reliġjon bit-tempji, bl-altari, bit-talb, bil-kodiċi morali, bil-kult, bil-ħwejjeġ, bil-festi, bil-wegħda ta’ premju jew kastig wara l-mewt, bil-ġerarkija u bir-riti ta’ kif tidħol u fid-dfin.

Storikament il-Knisja Kattolika tara li għan ewlieni tal-mażunerija, f’ċerti pajjiżi bħal Franza u l-Italja, kien il-qerda tal-Knisja Kattolika. F’pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti, aktar meqjusa speċi ta’ klabb soċjali għall-irġiel imma li xorta tħaddan reliġjon naturalistika li tmur kontra l-Kristjaneżmu.

Il-Vatikan ħeġġeġ lill-Isqfijiet Filippini biex jitkellmu fil-miftuħ dwar il-mażunerija u għala l-Kattoliċi m’għandhomx jissieħbu fiha. U f’pajjiżna?

Lehen Jannar 2024