You are currently viewing Il-Malti se jibqa’ jgħix?

Il-Malti se jibqa’ jgħix?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

Bħal kull ilsien ieħor ħaj il-Malti nbidel u se jkompli jinbidel.

Jekk għal xi raġuni jew oħra, nużawh ħafna inqas għax għandna ħafna barranin fostna u ma ntuhx aktar ħajja fid-dinja diġitali tal-lum u għada se nkunu qed nheddu l-ħajja tiegħu, ferm aktar minn kull periklu li ffaċċja fl-elf sena li ilu jgħix. 

Tiskopri storja ta’ lsien jekk tiskopri storja ta’ poplu u ma’ liema popli b’liema ilsna ġie f’kuntatt. 

Il-kliem u l-ilsna jivvjaġġaw u jinfirxu permezz tal-popli li jużawhom skont ir-realtajiet li jgħixu tul iż-żminijiet u skont b’liema mod jiltaqgħu ma’ popli oħra u kif jinfluwenzaw lil xulxin. 

Stajna tlifna l-ilsien tagħna għal kollox 458 sena ilu. Għandna l-ilsien tagħna, il-Malti, għax fl-1530, ir-Re Karlu V ta l-gżejjer tagħna lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. 

Kieku bqajna parti mis-saltna tiegħu konna nitilfu l-Malti għax kien ikollna nitgħallmu l-Ispanjol bilfors u ma stajniex nużaw iżjed ilsienna.

Fis-17 ta’ Novembru 1566, ibnu, ir-Re Filippu II ordna li fl-imperu tiegħu ħadd iżjed ma seta’ juża l-Għarbi li kienu jitkellmu dawk li kienu ġejjin minn familji li qabel kienu Misilmin u saru Nsara biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-Andalusija. 

Issa ma kienx biżżejjed ikunu Nsara, riedu wkoll jabbandunaw l-Għarbi Andalus tagħhom u jitkellmu l-Ispanjol. 

In-nies tal-Andalusija li riedu jkomplu jitkellmu bi lsienhom, ipprotestaw. 

Fl-1566 jew 1567 studjuż jismu Francisco Nunez Muley kiteb li mhux sew li l-Maltin kienu qed jitħallew jużaw l-ilsien Għarbi tagħhom u n-nies tal-Andalusija le. 

Huwa kiteb li l-Maltin, kemm tal-irħula kif ukoll il-kbarat tal-Imdina, kienu jużaw l-ilsien tagħhom, inkluż biex jitolbu u għaċ-ċerimonji reliġjużi tagħhom. L-Għarbi tagħhom kienu wkoll jiktbuh. Qal li l-Maltin kienu ġġieldu qalbiena fl-1565 u l-Għarbi tagħhom ma kienx żammhom milli jkunu mal-Kavallieri kontra l-Ottomani Torok. Ried jifred l-ilsien mir-reliġjon: tista’ tħaddem l-Għarbi u tħaddan it-twemmin Nisrani fl-istess ħin. L-ilsien Għarbi ma kellux ifisser bilfors Iżlam. 

Francisco Nunez Muley qal li dak li tħallew jagħmlu l-Maltin, għalkemm taħt l-Ordni xorta kienu taħt ir-Re Filippu II, kellhom ukoll jitħallew in-nies tal-Andalusija li kienu jużaw biss l-Għarbi tagħhom u ma kienu jafu l-ebda lsien ieħor. 

Ir-Re Filippu II ma biddilx id-deċiżjoni tiegħu għan-nies tal-Andalusija. L-ilsien Għarbi Andalusi ġie projbit u maqtul. 

Kien inkwetat li dawk li kienu jitkellmu bl-Għarbi tagħhom setgħu jispjunaw għall-Ottomani Torok li fl-1565 ippruvaw jirbħu lil Malta bħala parti mill-pjan tagħhom biex jirbħu portijiet fl-Andalusija u portijiet oħra fil-punent tal-Mediterran. 

Ir-Re Filippu II ma ndaħalx lill-Ordni xi lsien għandhom iħaddmu l-Maltin. L-Ordni ma ratx ilsien il-Maltin bħala theddida.

L-Ordni tal-Kavallieri ħalliet lill-Maltin jużaw l-Għarbi tagħhom li fis-sekli ta’ wara żviluppa fl-ilsien uniku tagħna l-Malti. 

Kliem jixxiebah

Kliem bħal ‘bażwa’ u ‘muqarib’ ġew fil-Malti dritt mill-Għarbi li kienu jużaw fl-Andalusija bejn 711 u 1610. 

Kliem bħal ‘damdam’, ‘raħal’ u ġillawż’ ġew fil-Malti mill-Għarbi tat-Tuneżija u ta’ Sqallija meta kienu jużawh bejn 827 u 1282.

Waqt li l-Għarbi tal-Andalusija miet fis-seklu 17, l-Għarbi ta’ Sqallija miet fis-seklu 13.

Il-Malti għadu ħaj sal-lum wara li twieled elf sena ilu mill-Għarbi li ġabu magħhom in-nies li ġew jgħixu Malta mit-Tuneżija u Sqallija fl-1048. Il-Malti ħa wkoll mill-Għarbi tan-nies li ġew jgħixu fostna mill-Andalusija. 

Fl-aħħar 700 sena l-Malti żviluppa f’kuntatt dirett mal-Ewropa u mal-Kattoliċeżmu u għalhekk żviluppa differenti mill-Għarbi tal-pajjiżi u djaletti differenti tad-dinja Iżlamika tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani. 

Martin R Zammit għandu studju interessanti fuq l-Għarbi Andalusjan u l-Malti (Folia Orientalia Vol 45/46 2009-2010).

Huwa jgħid li hemm bżonn ta’ iżjed studji fuq kif żviluppa l-Malti u kif ġie nfluwenzat mill-ilsna tal-pajjiżi f’kuntatt ħaj ma’ Malta tul iż-żminijiet. 

Ilsienna u l-Portugiż

Alccol, alkoħol, al-kuħul. 

Alface, il-ħass, al-ħass.

Almofada, l-imħadda, al-mukhadda. 

Arroz, ir-ross, ar-rużż.

Laranja, larinġa, narandja. 

Azeite, iż-żejt, alzeite. 

Almeida, il-mejda, almeida. 

Dawn huma ftit mill-kliem bil-Portugiż li jixbaħ ħafna l-kliem bil-Malti għax iż-żewġ ilsna huma nfluwenzati ħafna, anki jekk b’mod differenti, mill-Għarbi. 

Ftit huma l-kliem li jirnexxieli nifhem meta nisma’ l-Portugiżi jitkellmu fil-jiem li żort dan il-pajjiż sabiħ li sintendi wkoll għandu l-problemi serji tiegħu. 

Minħabba kif jippronunzjaw il-kliem, aktar faċli tifhmu meta taqrah għax fih ħafna Latin li ġabu r-Rumani u li aħna l-Maltin iltqajna l-aktar miegħu mill-kuntatti tagħna mat-Taljani u t-Taljan. 

L-influwenza Għarbija

L-Għarab tal-Marokk u l-Alġerija tal-Punent invadew il-Portugall fis-sena 711 u baqgħu sas-seklu 15.

Influwenzaw lill-Portugall f’ħafna oqsma, fost l-oħrajn tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-arkitettura u l-madum, tal-biedja, tat-tbaħħir, tal-amministrazzjoni, tal-gwerra u tal-kultura u l-mużika u l-kant. 

Hemm mill-inqas 19,000 kelma Portugiża ġejjin mill-Għarbi. 

Imma bħal fil-każ ta’ Malta, ftit hu magħruf u apprezzat il-wirt Għarbi fil-Portugall. 

Wara li l-ħakma tal-Misilmin inbidlet ma’ dik Kattolika fiż-żewġ pajjiżi u l-Misilmin ġew imġiegħla jsiru Kattoliċi bilfors jew tkeċċew mill-pajjiżi, l-istorja fil-Portugall u f’Malta nkitbet b’mod li l-Għarab jew qishom ma kinux jeżistu jew tqiesu għedewwa feroċi u kattivi. 

Fl-iskejjel ma jiġix mgħallem kif nies iħaddnu t-tliet reliġjonijiet: Iżlam, Kattoliċeżimu u Ġudajiżmu sabu modi kif jgħixu flimkien bla jeqirdu lil xulxin. 

L-istorja għadha spiss tiġi rakkuntata qisu l-ilsien, il-kultura, ir-reliġjon, il-ħiliet u l-identita’ tal-pajjiż dejjem żviluppaw fi gwerra kontinwa ma’ pajjiżi differenti fejn l-oħrajn huma għadu. 

It-taħlit ma’ popli oħra ma jissemmiex fejn kien u hu ta’ ġid imma jiġi penġut bħala theddid, tniġġis u ta’ ħsara. 

Jenfasizzaw il-kunflitti u l-moħqrija flok il-koperazzjoni u l-paċi. 

L-istorja mhix sewda jew bajda biss: aħna l-bnedmin ngħixu flimkien fl-istess dinja u ninfluwenzaw lil xulxin, naħdmu flimkien, niġġieldu flimkien, ngħinu lil xulxin, naħqru lil xulxin … nisġa sħiħa kumplessa u kkumplikata. 

Leħen Awwissu 2024 Portugall Spanja Malta