Fl-1829 monsinjur ippropona li l-Malti għandu jibda jinkiteb bl-alfabet Għarbi għax aktar addattat mill-alfabet Latin għall-ħoss tal-Malti. Din il-proposta tinsab f’manuskritt jismu ‘Avvertimenti per la ristorazione della lingua Maltese’. Huwa miktub bi tliet ilsna: bil-Malti miktub bl-alfabet Għarbi, bl-Għarbi u bit-Taljan.
Fil-qoxra hemm miktub li d-dokument huwa xogħol tal-aħwa Josepu u Louis Bellanti. Imma l-istudjuż tal-Malti Joe Felice Pace jgħidilna li skont artikli fit-‘Times of Malta’ tat-28 u 30 ta’ Marzu 1951, miktub minn Dunstan G. Bellanti, li jiġi mill-istess familja, ix-xogħol huwa tal-Monsinjur John Joseph Bellanti li twieled fl-1793 u wara li sar qassis iddedika ħajtu jistudja l-ilsna Orjentali u Semitiċi. Tgħid il-monsinjur ma ssugrax jiffirma b’ismu din il-proposta kontroversjali?
Is-suġġeriment ta’ Monsinjur Bellanti li l-Malti jibda jinkiteb bl-alfabet Għarbi flok l-alfabet Latin ma ġiex segwit, għax anki dak iż-żmien, ukoll għal raġunijiet reliġjużi u kulturali, kien hemm ħafna preġudizzji kontra l-Għarbi u l-Iżlam.
Fl-1824 Francesco Vella u Montebello Pulis ħarġu il-‘Chtieb-il Kari Yau Dahla ﻉ al ilsien Malti’ kienu għamlu suġġerimenti simili u ġralhom bħal Bellanti. L-alfabet Malti ħa s-sekli biex ikun hemm qbil fuqu kif jinkitbu l-ittri għall-ħoss Għarbi. Maż-żmien daħlu ittri li ma jinstabux fil-Latin: Bħaċ-ċ, ż, ġ, għ u ħ.
Pont bejn l-Għarab u l-Ewropej
Fis-seklu 19 l-Għarbi kien jiġi studjat fl-Università ta’ Malta. Imma l-aktar li jistudjawh kienu persuni li riedu jmorru missjunarji f’pajjiżi Misilmin tal-Afrika ta’ Fuq. Fl-1795 Papa Piju VI kien ordna lill-Gran Mastru De Rohan li l-Għarbi jibda jiġi mgħallem fl-Università. Fl-1637 diġà kien hawn l-Iskola tal-Għarbi f’Malta miftuħa mis-Sagra Congregazione de Propaganda Fide u mmexxija mill-Patrijiet Franġiskani.
L-istudjuż tal-Malti Joseph M Brincat jgħidilna li l-ilsien tagħna ġie fl-1048 Ma’ dawk li ġew minn Sqallija u kienu jitkellmu Għarbi tal-Magħreb. Kien żviluppa fi Sqallija madwar is-sena 1000 u baqgħu jitkellmuh anki meta bdiet il-ħakma tan-Normanni.
Meta n-Normanni ġew jaħkmuna fl-1090 l-Għarbi li konna nitkellmu aħna beda jitħallat mal-ilsna Latini ġejjin mill-Ewropa imma l-influwenza tagħhom daħlet bil-mod.
Meta Federiku II keċċa lill-Misilmin Maltin minn Malta fl-1223 u fl-1246 id-djalett Għarbi tagħna tilef il-kuntatt ħġaj mal-Għarbi Klassiku u mad-djaletti l-Għarab l-oħra tal-ġirien tagħna.
Il-Malti baqa’ jiżviluppa waħdu u beda jitħallat ma’ kliem Sqalli u aktar tard Taljan skont kif żviluppaw ir-rleazzjonijiet tagħna mal-Italja.
Id-dokument ta’ Monsinjur Bellanti fih 38 paġna u jargumenta favur li l-Malti jinkiteb bl-alfabet Għarbi għax il-Malti huwa ilsien Għarbi. Jgħid li l-Malti qed jitħaddem ħażin kemm miktub kif ukoll mitkellem. Jgħid li għandu jintuża l-alfabet Għarbi u żewġ ittri mill-alfabet Persjan li jinstemgħu bħall-Malti.
Bellanti kien jemmen li l-Malti għandu jmur lura għall-għeruq Għarab tiegħu u jkun safi u ma jistħassarx bi kliem minn ilsna oħra. Huwa jiddispjaċih kemm kien baxx il-livell edukattiv ta’ kull klassi tal-poplu Malti u jgħid li l-Maltin għandhom jitgħallmu japprezzaw il-wirt kulturali Għarbi li minnu twieled l-ilsien Malti.
Bellanti jgħid li jekk il-Malti jibda jinkiteb bl-alfabet Għarbi dan jiftaħ opportunitajiet kbar u ġodda fl-Afrika u fl-Asja fejn jużaw l-Għarbi u jagħmel kuntatt ħaj ukoll mal-Ebrajk li kien jitkellem Ġesù Kristu.
Bellanti huwa ċert li Malta bħala ġawrha f’nofs il-Mediterran tista’ sservi ta’ pont bejn id-dinja Għarbija u l-Ewropa u dan iġib ħafna benefiċċji u vantaġġi għall-industriji Maltin.
Torċa 13 April 2025