You are currently viewing Il-kappillani jaqbżu għall-poplu

Il-kappillani jaqbżu għall-poplu

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Seklu ilu l-popolazzjoni tal-gżejjer tagħna laħqet madwar 250,000. Kienet telgħet minn madwar150,000 fl-1875 wara li ċ-ċensiment tal-1842 kien wera 113,364 jgħixu hawn. Sas-sena 1921 kwart tal-popolazzjoni tagħna kienu jgħixu madwar il-Port il-Kbir: Il-belt Valletta u l-Furjana u xħin taqsam il-baħar fl-ibliet ta’ Bormla, il-Birgu u l-Isla.

Mis-sena 1871 żdiedu ż-żgħażagħi li telqu mill-irħula tagħhom ifittxu x-xogħol f’dawn l-ibliet fejn kien hemm it-tarznari u xogħolijiet mas-servizzi militari oħra tal-Gvern Imperjali Britanniku li dak iż-żmien konna kolonja tiegħu.

Il-qalba tal-ħajja kummerċjali, politika, soċjali fil-gżejjer tagżna kienet madwar il-Port il-Kbir. Anki l-ġurnali li kienu joħorġu dak iż-żmien kienu mġbura hawn u l-ftit li kienu jinqraw f’pajjiż fejn ftit kienu jafu jiktbu u jaraw, kienu jinqraw f’dawn l-inħawi u kienu jkunu l-aktar dwar il-ħajja f’dawn l-inħawi.

Jekk inqallbu l-paġni tal-ġurnal IL-ĦMAR li kien joħroġ madwar seklu ilu, insibu ħafna tagħrif u anki rqaqat fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies li kienu jgħixu madwar il-Port il-Kbir. Iżda waqt li nsibu ħafna tagħrif fuq dawn l-inħawi ftit li xejn insibu tagħrif fuq l-irħula l-oħra ta’ Malta bħall-Mellieħa u fuq il-ħajja fil-gżira ta’ Għawdex li kien qishom dinja oħra ‘l bogħod.

Irid ikun xi storiku lokali bħal Jimmy Muscat li jiftħilna tieqa fuq il-ħajja f’dik id-dinja mbiegħda. Jgħidilna kif il-Kappillan tal-Mellieħa Dun Franġisk Maria Magri li fl-1892 talab “biex Strada Nona, illum Triq il-Madonna tal-Għar, tiġi rranġata peress li tant hi mħarbta li ma tistax tgħaddi minnha.”

Skont Jimmy Muscat il-Kappillan Magri reġa’ kiteb lill-Gvernatur Ingliż fil-25 ta’ Novembru 1902. Wieġbuh: “is-Supretendent tax-Xogħolijiet Pubbliċi stqarr li veru li Strada Nona kellha bżonn it-tiswijiet iżda ma kienx hemm flus biex titranġa. L-ispiża kienet madwar 22 sterlina.” F’ittra iebsa l-Kappillan Magri wieġeb: “jidher li l-gvern hu nieqes mill-fondi … u lanqas tista’ temmen li wara 10 snin mill-ewwel talba tiegħi dwar din it-triq, il-Gvern ma seta’ qatt jirranġa ftit tarġiet …” Fl-aħħar it-tiswijiet saru, fl-1903.

Fil-ġurnali ta’ seklu ilu naqraw li l-pitrolju l-ewwel kien skars, iżda mbagħad x’ħin għola fil-prezz, reġa’ sar abbundanti.

Naqraw li ħafna tfal kienu jbiegħu s-sigaretti lil tat-tarzna fis-7.00 ta’ fil-għodu.

Minħabba li ħafna fqar kienu jmutu u l-familji tagħhom ma setghux jagħmlulhom tebut diċenti, il-katavri tal-fqar kienu jinġarru f’kaxxa miftuħa. Qarrej kiteb isaqsi: “Il-għaliex il-pulizija ma tobbligax lil tat-twiebet jgħaddu minn xi triq imwarrba jew iġorruhom mgħottija?

Poplu jgħix fil-miżerja

Kitba ta’ 108 sena ilu tgħid hekk: “Il-bieraħ kif beda jidlam kont qed nistenna lil tal-ħalib u bdejt nara purċissjoni sħiħa ta’ xebbiet minn 14-il sena ‘l fuq għaddejjin tnejn tnejn, raġel u waħda minnhom… imorru fl-irkejjen tas-swar … Jekk nibqgħu sejrin hekk Malta tispiċċa ssir bħal ċerti toroq f’Napli, Sirakuża u Katanja …”

Fl-istess ġurnal IL-ĦMAR tas-sena 1917 naqraw dan li ġej: “Jidhrilna aħna li llum biex bniedem jgħix biss, bla tfal, mhux possibbli li jgħix b’inqas minn ħames xelini ( €1.30) kuljum, u meta ngħid ħames xelini nkunu qegħdin ngħidu xelin u nofs jew nitfa iżjed milli konna ngħidu qabel il-gwerra. Jaħseb ftit għalhekk min għandu l-poter f’idejh kemm hawn nies tas-snajja mgħobbijin bit-tfal li wisq rari li jaqilgħu l-ħames xelini li semmejna. Kif mela jistgħu jgħixu l-oħrajn li jaqilgħu inqas u wisq inqas?”

Għal sekli sħaħ, il-Kappillani tal-irħula u bliet f’pajjiżna kienu mexxejja ċivili wkoll, mhux reliġjużi biss. Insibuhom jgħollu leħinhom favur in-nies tal-parroċċi tagħhom. Anki fil-bidu tas-seklu 20, qabel twieldu u bdew jikbru l-partiti politiċi nsibu lill-Kappillani jaqbżu għall-poplu tagħna.

Meta l-Kummissjoni Rjali tal-Gvern Britanniku kienet żaret Malta fl-1911 insibu 3,000 ħaddiem Malti, dak iż-żmien ma kellhom ebda partit politiku tagħhom, jibgħatu petizzjoni lill-Kummissarji Ingliżi li fiha, fost affarijiet oħra, jgħidu:

“Intom li ġejtu tistħarrġu l-qagħda mwiegħra li fiha jinsabu l-gżejjer tagħna… araw x’tistgħu tagħmlu biex aħna nsibu naħdmu … Iżda qabel ma l-industriji tagħna jkunu mħarsa u qabel ma tidħol sistema ġdida ta’ taxxi li jitħallsu minn kulħadd… m’hemmx tama li l-qagħda tagħna tmur għall-aħjar.”

Huma jkomplu jgħidu li s-sena ta’ qabel, jiġifieri bejn l-1910 u l-1911, f’Malta ġew impurtati b’aktar minn 173 elf lira f’oġġetti ta’ lussu bla ebda taxxi fuqhom.

Din il-petizzjoni mibgħuta lill-Kummissarji Ingliżi u ffirmata minn 3,000 ħaddiema Maltin tissokta tgħid:

“Is-sistema preżenti tat-taxxi, mhix skond kemm wieħed jiflaħ iħallas … it-taxxa tinġabar biss minn fuq dawk l-affarijiet ta’ l-ikel ta’ kuljum tal-klassijiet il-baxxi… din is-sistema taħti l-aktar għall-miżerja kbira li hawn fuq dawn il-gżejjer. Intom tafu li t-taxxa fuq il-qamħ hi ta’ tletin fil-mija ta’ kemm jiswa’.

“Dawn it-taxxi iebsin miġbura minn fuq il-klassijiet il-fqar, f’dan is-seklu taċ-ċiviltà, servew biss għall-bini grandjuż tat-Teatru Rjal u għall-xogħlijiet oħra biex jitgawdew biss mill-klassijiet għolja tas-soċjetà tagħna…

“Aħna rridu li d-dazju fuq il-qamħ jitneħħa għal kollox u jsir dazju fuq id-dqiq impurtat biex hekk inħarsu l-industriji lokali tad-dqiq….

Mal-firma tagħna qed nibgħatulek ukoll il-firem tal-kappillani tagħna li jagħtu wkoll xhieda tal-kundizzjoni li fiha ngħixu.”

Din il-petizzjoni hija ffirmata wkoll mill-Arċipriet taż-Żejtun ta’ dak iż-żmien li jiddikjara:

“ … għal dawn l-aħħar snin il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni ta’ 8,000 taż-Żejtun hija nieqsa mix-xogħol u għalhekk il-miżerja, il-faqar u l-ġuħ isaltnu hawn.”

Il-petizzjoni ġġib ukoll il-firma tal-Kappillan tal-Kalkara li jgħid wkoll li minħabba l-qgħad il-parruċċani tiegħu qed jgħixu f’miżerja kbira.

L-istess jgħid l-Arċipriet ta’ Bormla. L-Arċipriet ta’ l-Isla żied jgħid li fost il-parruċċani tiegħu hemm min qed ibati anki l-ġuħ.

Il-miżerja fostna dak iż-żmien minħabba l-qgħad tissemma wkoll mill-Kanonku tal-Knisja ta’ San Pawl il-Belt.

Leħen Marzu 2025