Is-siġar li niftakar fil-Mellieħa tat-tfuliti kienu tat-tin u l-bajtar, il-bajtar tax-xewk, il-lewż, in-naspli, ir-rummien u fuq kollox il-ħarrub. Jekk trid ftit frisk fis-sajf, anki tiekol taħtha, fittex il-ħarruba. Jekk trid tagħmel xi ħaġa waħdek jew ma’ xi ħaddieħor u ma trid lil ħadd jarak, fittex il-ħarruba. Din is-siġra ħadra s-sena kollha, anki fin-nixfa tas-sajf, kienet parti mill-pajsaġġ tagħna.
Dan l-aħħar sirt naf li biex il-ħarruba jkollha mżiewet biż-żerriegħa, il-ħarrubu raġel irid jiffertilizza lill-ħarruba mara jew permezz tal-insetti li jmorru mill-ward tal-irġiel għall-ward tan-nisa jew permezz tar-riħ.
Il-ħarruba hija siġra antika ħafna u ilha teżisti minn qabel ma kien jeżisti l-Mediterran għax kienet kapaċi tgħix fi klima tropikali li hija sħuna u umda ħafna.
Qabdet sew fil-Mediterran u xerduha mar-reġjun fi żminijiet differenti l-Feniċi, il-Griegi, ir-Rumani u l-Għarab.
Isimha ġej mill-kelma Għarbija ‘ẖarrūbah’ jew ‘ẖarnūbah’ li ġejja mill-Persjan ‘har lup’, ‘xedaq ta’ ħmar’.
Iż-żerriegħa tagħhom tissejjaħ ‘kirat’ bl-Għarbi u minnha ġejja l-kelma ‘karat’ għax peress li l-piż tagħhom dejjem l-istess kienu jitqiesu piż tajjeb biex jiżnu l-ġawhar u l-ġojjelli.
Hija siġra li kapaċi tirreżisti għall-mard u għan-nixfa u tikber waħedha f’postijiet fejn ma jikbrux siġar oħra qalb il-blat u ħamrija fqira. Kapaċi tgħix iżjed minn 1,000 sena.
Tagħmel ħafna ġid lill-ambjent għax fiha jistkennu l-għasafar u annimali.
Għall-ħafna snin kienet tingħata għalf lill-annimali imma kienu jiekluha wkoll in-nies fi żmien l-għaks bħalma għamlu niesna fit-Tieni Gwerra Dinjija meta ftit kellhom x’jieklu.
Ma nafux biżżejjed fuqha
Il-kwalitajiet tajbin tagħha għas-saħħa għadhom sal-lum mhumiex apprezzati biżżejjed. Għalkemm anki f’pajjiżna nagħmlu l-ġulepp tal-ħarrub għas-sogħla. Raġel tar-raba qalli: “Iz-zkuk niexfa tal-ħarrub li konna niżbru mis-siġar, nerfgħuh u naħarquh biex ngħallu l-misħun għat-te’ jew bżonnijiet oħra. Il-weraq tiegħu li jaqa’ niġbruh u nferxuh mat-tiben għal taħt l-annimali u jsir demel. Wara tferrxu fir-raba. Il-weraq il-qadim li jitherra konna nużawh għall-qsari.”
Mara qaltli li tagħmel hekk: “Qabel ninkaljah biex nagħmel il-kafe’ tal-ħarrub inneħħi ż-żerriegħa, naħsilha u nixxuttaha u nerġa ngħaddiha lill-bidwi biex jiżragħha.”
F’pajjiżi bħall-Marokk jieħdu dan il-ġulepp u l-għasel tal-ħarrub meta jkollhom problemi bid-diġestjoni.
Il-ħarrub jintuża minflok iċ-ċikkulata f’ħelu tad-dieta biex jagħmlu pasti u ġelati minnu għal min għandu d-dijabete u għal min jixtieq jonqos fil-piż. Fostna kien jintuża biex isiru l-karamelli minnu waqt ir-Randan fejn ma kienx suppost tiekol ħelu.
Id-dqiq li jsir miż-żerriegħa tal-ħarrub tajjeb ukoll għat-tfal għax sustanzjuż u ma jqabbdikx allerġiji.
Fil-fatt kien hemm raġel ieħor li qalli: “Dqiq tal-ħarrub ta’ kwalita’ għolja jaf jinbiegħh bi prezz ta’ €16. 00 il-kilo. Biss il-Malti baqa’ lura u ma għarafx il-kummerċ ta’ din il-frotta.”
Hawn industrija moderna sħiħa mibnija fuq l-użu ta’ din is-siġra antika.
Il-ħarrub fih ftit kaloriji u fih ħafna calcium, magensium, fosfru u silica. Għalkemm ilu fil-Mediterran għal eluf ta’ snin il-ħarrub xorta mhux apprezzat biżżejjed.
Għadna ma nafux biżżejjed fuqu għax ma ġiex studjat tajjeb u fil-fond.
Matul iż-żminijiet, l-aktar fl-aħħar snin, naqas ħafna l-ħarrub mill-Mediterran. Propju meta għandna iżjed bżonnu minħabba l-bidla fil-klima għax din is-siġra kapaċi tiflaħ għal temp sħun u nixfa u ħamrija fqira.
Il-ħarrub jista’ jitħawwel iżjed u jgħin fil-ħarsien tal-ambjent u biex titfejjaq il-ħsara li qed ssir mill-bidla fil-klima.
Xwejjaħ qalli: “Sfortunatament il-ħarrub illum jinstab taħt theddida serja apparti li jinqala’ biex jibnu, teżisti s-susa li qed tattakkah ftit ftit sakemm toqtlu u l-ġrieden iqaxxrulu l-qoxra ta’ barra u joqtlu l-friegħi. Din in-nixfa li hawn xhur twal bla xita u sħana tremenda mhumiex jgħinu anqas. Aħna għandna waħda enormi kollha spiċċat biċċa biċċa. Mietet. Meta nħares lejha, il-biki jaqbadni. Għax meta nħares lejha niftakar fi tfuliti kemm konna nilgħabu taħtha imma sfortunatament telqet ukoll!”
Mellieħa Jannar 2025