Hija waħda mit-tmien gżejjer Maltin. Bħala art fiha 30 ettaru, ftit aktar min-nofs il-Belt Valletta. Wasal iż-żmien li ssir il-Gżira tal-Poplu.
Fl-1570 kienet saret il-Gżira tal-Isqof meta xtraha l-Kapitlu tal-Kattidral tal-Imdina. 300 sena ilu bdiet issir magħrufa bħala l-Gżira ta’ Manoel għax il-Gran Mastru Portugiż Antonio Manuel de Vilhena bena forti fuqha u bdiet issir magħrufa b’ismu. Fi żmien li konna kolonja Brittanika baqgħet tintuża bħala sptar ta’ kwarantina u bħala kwartieri għas-suldati. Fit-Tieni Gwerra Dinjija kienet il-bażi għas-sottomarini.
90 sena ilu sar pont jgħaqqadha mal-Gżira u hi ma baqgħetx gżira. Fuqha hemm l-bini storiku tal-Forti Manoel, il-Kappella għal Sant Antnin ta’ Padova u l-Lazzaret.
Hija gżira żgħira b’passat kbir, imma x’futur se jkollha? Naqbel ma’ dawk li qed jagħmlu kampanja u petizzjoni biex din il-gżira ma titħassarx bħalma tħassret il-Ponta ta’ Tignè bil-bini goff u ikreh imma tingħata lura lill-poplu u ssir park pubbliku fejn il-familji bit-tfal u l-anzjani jistgħu joħorġu għall-arja.
Il-gvern jista’ jeħodha lura mingħand il-kumpannija li sa Marzu 2026 kien marbut li jlesti l-fażijiet kollha tal-proġett.
Bi gżiritna maħnuqa bil-bini, bil-karozzi u bin-nies żgur li għandna bżonn insalvaw din il-gżira u nagħmluha l-Gżira tal-Poplu.
Umani għax imperfetti
“L-Intelliġenza Artifiċjali għad tgħaddi u tirbaħ l-kreattività umana?” Staqsa l-attur tal-films Keanu Reeves?
“Illum jew għada, iva. Il-makni joħolqu l-arti, jikkomponu l-mużika u jrrakkuntaw stejjer aħjar minna.” wieġeb Elon Musk, il-biljunarju.
Keanu Reeves baqa’ sieket għal ftit, ħa nifs twil u qal: “Imma makna qatt tkun tista’ taf xi jfisser meta tħoss xi ħaġa nieqsa? Jew kif toħloq xi ħaġa sabiħa minn mument ta’ qsim il-qalb?
Il-kreattività ma tiġix mill-kalkoli, imma mill-esperjenza, mill-uġigħ, mill-imħabba, mit-tama.”
Fl-istudio fejn kienet qed tiġi rekordjata din id-diskussjoni waqgħet hemda kbira.
Anki Musk ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid.
Xi ħadd li kien qed isegwi d-diskussjoni qal: “Reeves wera xi tfisser tkun uman.”
Filosfi, artisti u xjenzati faħħru dak li qal Keanu Reeves li l-progress ma jistax jitkejjel biss bin-numri, imma b’dak li nħossu.
F’dinja li aktar ma jmur aktar qed tegħreq fit-teknoloġija, Keanu Reeves fakkarna li l-valuri l-aktar profondi tagħna ma jistgħux jiġu programmati f’kompjuter. Li jagħmilna uman, mhux l-effiċjenza tagħna, imma l-imperfezzjoni tagħna.
Miljuni segwew id-diskussjoni bejn Keanu Reeves u Elon Musk.
Musk huwa magħruf għal kif jemmen f’futur mimli Intelliġenza Artifiċjali u avvanzi teknoloġiċi biex isalvaw lill-umanità.
Reeves huwa aktar kalm, għaref, umli u jifhem iżjed fil-fond l-eżistenza umana:
“Forsi l-għan tagħna mhux li nikkontrollaw lid-dinja, imma li nifhmuha.”
100% raġun?
Il-kittieb Pollakk Czeslaw Milosz jirrakkonta x’kien iħobb jgħid Lhudi xwejjaħ minn Galizja:
“Meta xi ħadd iħoss onestament li għandu 55% raġun, dik hija ħaġa taba ħafna u mhemmx għafejn noqogħdu nargumentaw dwar hekk.
U meta xi ħadd għandu 60% raġun, meravilja u għandu jirringrazzja lil Alla t’hekk.
Imma xi ngħidu dwar dak li jaħseb li għandu 75% raġun? Min hu għaref jgħid li din xi ħaġa suspettuża.
Mela xi ngħidu dwar min iħoss li għandu 100% raġun? Min jgħid li għandu 100% raġun huwa fanatiku, kriminali perikoluż u raġel mill-agħar.”
Torċa 4 Mejju