You are currently viewing ‘Il-ġurdien bl-għajta ta’ ljun’

‘Il-ġurdien bl-għajta ta’ ljun’

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Fir-rumanz satiriku ‘Il-ġurdien bl-għajta ta’ ljun’, il-Konti Rupert ta’ Mountjoy, il-Prim Ministru tad-Dukat ta’ Grand Fenwick (daqs nofs Għawdex) jiddikjara gwerra lill-Istati Uniti. L-ekonomija tad-Dukat tiddependi għal kollox fuq l-inbid Pinot Grand Fenwick li tagħmel. Kalifornja tibda tipproduċi l-inbid Pinot Grand Enwick u tkisser l-ekonomija tad-Dukat.

Id-Dukat jittama li jitlef il-gwerra malajr biex l-Istati Uniti tibni mill-ġdid l-ekonomija tad-Dukat bi Pjan Marshall ċkejken kif għamlet bil-Ġermanja wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Imma għalkemm armata biss bil-vleġeġ u l-qwies, l-armata żgħira ta’ Grand Fenwick tinvadi u tirbaħ lill-Istati Uniti u ssir superpotenza ġdida tiġbor magħha 20 mill-iċken stati fid-dinja.

Il-mexxejja ta’ nazzjonijiet żgħar jafu li ma jistgħux ikunu bħall-mexxej tad-Dukat ta’ Grand Fenwick meta jaqbżu għall-poplu tagħhom u għall-pajjiżhom ma’ mexxejja ta’ pajjiżi kbar li jordnawlhom x’għandhom jagħmlu. Ma jistgħux jilgħabuha ta’ ljuni. Imma jekk iġibu ruħhom ta’ tapit, aktar jiġu stmati ta’ tapit.

Il-mexxejja ta’ pajjiżi żgħar li jirrispettaw lilhom infushom u lill-poplu tagħhom, ma jbatux minn kumpless ta’ nferjorita’. Ma jqisux lilhom infushom u lill-pajjiżhom bħala inqas. Fost il-mexxejja eżemplari ta’ pajjiżi żgħar hemm il-Prim Ministru ta’ Barbados Mia Mottley. Tiftakar il-kliem li kien qal is-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Kofi Annan meta żar Barbados fis-sena 2002: “Il-pajjiżi ż-żgħar jaraw li hu ta’ ġid anki għall-interessi nazzjonali tagħhom li jaħdmu flimkien ma’ pajjiżi oħra. Dak li jiġri f’pajjiżi bħal tagħkom hu ta’ nteress għall-bqija tad-dinja. Pajjiżi bħalkom huwa fejn, f’forma kkonċentrata, jsehhu ħafna mill-problemi ewlenin tal-iżvilupp u tal-ambjent. L-esperjenzi tagħhkom, dak li qed tippruvaw tagħmlu intom, il-bidliet li qed tagħmlu – jistgħu jkunu ta’ gwida għall-futur aħjar għall-popli kollha.”

Mexxejja mhux immexxija

Il-Prim Ministru Mia Mottley temmen: “nistgħu nagħmlu differenza f’din id-dinja u ejja nagħmluha billi nifhmu li dinja li tirrifletti ordni imperjalistika, ipokrisija u nuqqas ta’ trasparenza mhix se ġġib bidla, id-differenza nagħmluha billi noħolqu relazzjonijiet internazzjonali u istituzzjonijiet li jirriflettu l-interessi u jservu għall-ġid tal-pajjiżi kollha.”

Temmen f’internazzjonaliżmu ġdid u f’Nazzjonijiet Magħquda mibdula li tkun ta’ kulħadd u mhux ta’ ħames membri li jiddominaw lill-195 stat li huma membri tagħha. Dawk li huma f’ħatriet ta’ tmexxija f’pajjiżna għandhom ħafna x’jitgħallmu minn Mia Mottley. Hemm bżonn li jkunu mexxejja u mhux immexxija bl-ispag għax inkella se nitilfu n-newtralita’, is-sovranita’ u d-demokrazija li kollha marbutin flimkien.

Għandna bżonn mexxejja li jridu li jiġu stmati b’dinjita’ għax kull pajjiż, kbir u żgħir għandu dritt li jeżisti u jaħdem għall-ġid tal-poplu tiegħu bla ma jhedded pajjiżi u popli oħra.

Qed niċċelebraw id-data tal-21 ta’ Settembru 1964, id-data tal-Indipendenza, pass importanti fil-mixja tal-istorja tagħna li mbagħad tkompliet bit-twelid ta’ Malta Repubblika u mbagħad ta’ Malta newtrali bla bażijiet tal-gwerra u bla ma nkunu fl-ebda alleanza militari.

Il-bandiera nazzjonali mhix biżżejjed

La rridu naraw kbir u naħsbu li nistghu nbiddlu d-dinja. Imma lanqas nistgħu nintelqu mal-kurrenti li jagħmlu pajjiżi oħra fl-interess tagħhom u jieħduna fejn iridu huma.

Irridu kemm nistgħu ngħumu u naqdfu għall-ġid tagħna f’dan il-baħar diffiċli u mqalleb. Il-bqija l-indipendenza li ksibna 60 sena ilu ssir ċerimonjali u folklor politiku.

Mhux biżżejjed għall-pajjiż indipendenti li jkollu l-bandiera, l-innu, l-arma u l-kap tiegħu. Għax li tniżżel il-bandiera tal-ħakkiem kolonjali u tibqa’ b’mentalita’ kolonjali, ifisser li għadek kolonja, anki jekk b’isem isbaħ.

Mhux faċli nkunu sovrani u indipendenti. Ngħixu f’dinja ta’ pajjiżi kbar li jagħmlu dak li jaqbel lilhom.

Ikunu jriduna nobduhom kif jaqbel lilhom. L-indipendenza u s-sovranita’ nazzjonali, id-dritt li nmexxu lilna nfusna mhux kisba ta’ darba. Diffiċli tiksbu. Faċli titilfu. Biex jibqa’ ħaj trid tibqa’ ġġeddu kuljum – fil-mod kif taħseb u taġixxi.

Il-poplu tagħna mexa’ ‘l quddiem meta kellu mexxejja li emmnu b’realiżmu fid-dritt li niġu stmati b’dinjita’ u mhux inħallu oħrajn jagħmlu bina li jridu kif jaqblilhom.

12-il sena ilu, fl-20 ta’ Awwissu 2012, miet Dom Mintoff li għallimna kif nirrispettaw lilna nfusna u naqbżu għall-ġid tal-poplu tagħna għax hekk biss nistgħu nimxu ‘l quddiem.

X’jiswa li nsellmu lil Mintoff u narmu t-tagħlimiet tiegħu u ngħaġġlu ndaħħlu lill-pajjiżna kemm fl-alleanza militari li qed tibni l-Unjoni Ewropea u kif ukoll fin-NATO.

Torċa 22 Settembru 2024