You are currently viewing Il-ġuħ tal-Ewwel Gwerra Dinjija

Il-ġuħ tal-Ewwel Gwerra Dinjija

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:3 mins read

Il-biċċa l-kbira tal-Maltin ibatu l-ġuħ. Qatt ma jduqu ftit laħam. Ħalib kważi ma jixorbu qatt. Ħut frisk qatt ma jieħdu. M’għandhomx biżżejjed flus biex jixtru ħobż biżżejjed għall-familji tagħhom. Il-pagi huma baxxi wisq u l-prezzijiet huma għoljin ħafna.

Dan huwa li nsibu f’rapport li sar fid-19 ta’ April 1917 mill-awtoritajiet f’Malta biex jaraw kif kienu għaddejjin il-familji waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija li bdiet fl-1914 u ntemmet sena wara li ħareġ dan ir-rapport.

Din il-gwerra għolliet il-prezzijiet f’ħafna pajjiżi għax b’aktar flus imorru għall-gwerra flok fuq l-għixien tan-nies inħolqu skaresezzi ta’ ikel.

Ir-rapport juri li ħafna mill-familji Maltin ntlaqtu ħażin ħafna waqt li l-ftit li kienu tal-flus baqgħu għaddejjin qisu l-ħajja kienet normali.

Ir-rapport jgħid li la l-ħobż kien għali wisq, il-familji kienu jaqtgħu l-ġuħ tagħhom billi jieklu l-patata u l-għaġin. Kienu jieħdu l-ħobż biż-żejt u bix-xaħam. Kienu jużaw aktar żejt mix-xaħam għax iż-żejt kien orħos.

Il-patata kienet tintuża’ ħafna biex jagħmlu l-minestra biha. Ġieli kienu jaqluha fix-xaħam Ir-rapport jgħid li l-familji ma jistgħux jgħaddu mingħajr patata fl-ikel tagħhom għax l-ikel l-ieħor kien għoli ħafna.

Anki l-paga tal-ħaddiema tat-tarzna ma kinetx biżżejjed biex familja tgħix biha. Dawk li jmexxu fit-tarzna kienu qalu lill-kumitat li jekk is-sitwazzjoni se tibqa’ hekk, ħa jkompli jikber id-dwejjaq tal-poplu Malti. Dan kien sentejn qabel ma parti mill-poplu qam fis-Sette Giugno għax ma felħitx aktar tbati l-ġuħ u l-faqar.

Biex jimlew żaqqhom u ma jorqdux bil-ġuħ kienu jitfgħu ħafna għaġin fil-minestra. Għallinqas jidher li ħaxix biex jagħmlu l-minestra ma kienx skars jew għoli.

Il-ftit ħobż li kien ikollhom kienu jiekluh bil-ġbejniet nixfin ta’ Għawdex. Ġieli kienu jieklu ftit ħut immellaħ.

Kienu jixorbu t-tè iżjed mill-kafè għax kien orħos. Il-kumitat li ġabar it-tagħrif għar-rapport u tkellem ma’ nies minn kull klassi soċjali jgħid li ma semax ilmenti li z-zokkor kien għali jew skars u kien jintuża’ minn ħafna biex jagħmel it-tè ħelu.

Dwar l-inbid il-kumitat jgħid li kien jinxtorob ftit li xejn, kemm għax kien għoli ħafna u għax ukoll kien ħażin ħafna.

Il-‘pizzo’ lokali

Żviluppat realta’ fejn nies b’saħħithom iħallsu biex jiġu protetti minn dawk li jistgħu jattakkawhom.

Nies b’saħħithom iħallsu ċerti politiċi, ġurnalisti, influencers, podcasters u individwi f’għaqdiet non-governattivi biex ma jattakkawhomx. Ġieli jkun min jattakka biex jgħolli l-prezz: tini iktar biex ma nattakkakx.

Il-ħlas jieħu forom differenti: konsulenzi, servizzi “professjonali”, reklamar, kuntratti, sponsorships, donazzjonijiet għal kampanji “nobbli” kollha maħsuba biex jinfluwenzaw x’jingħad u x’ma jingħadx dwarhom u x’azzjoni tista’ tittieħed ma tittiħidx dwarhom.

Fi Sqallija dan it-tip ta’ ħlas għall-protezzjoni jissejjaħ “pizzo”. Il-Mafia tibgħat messaġġ: “ħallsuna u ma jiġrilkom xejn” u “jekk ma tħallsuniex inweġġgħukom”.

Din ir-realta’ tagħmilha iżjed ikkumplikata għalina biex nifhmu sew xi jkun għaddej u x’jidher li għaddej u x’jintqal x’inhu għaddej.

L-istejjer li nkunu qed nisimgħu u r-reċti li nkunu qed naraw quddiemna jkunu magħġunin skont dawn il-flus u l-interessi ta’ min iħallashom u min jirċevihom.

U jkollna dawk li jidhru pampaluni ta’ kontra l-korruzzjoni u jilgħabuha ta’ kavalieri fuq żwiemel bojod fi kruċjati puri, li m’huma xejn ħlief merċenarji li jiġġieldu favur dawk li jħallsuhom.

Torċa 27 July 2025