You are currently viewing Il-ġrajja ta’ żewġ spazji

Il-ġrajja ta’ żewġ spazji

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

“Kien l-aħjar żmien, kien l-agħar żmien …” jikteb Charles Dickens fil-bidù tar-rumanz tiegħu ‘Ġrajja ta’ żewġ ibliet’.

Nistgħu ngħidu l-istess għall-ġrajja ta’ żewġ spazji miftuħa f’Pembroke u fil-Mellieħa.

F’Pembroke għaddej xogħol biex isir ġnien sabiħ f’art pubblika ta’ 9,000 metru kwadru, li kienet kollha konkos u setgħet tingħata għall-bini.

Fil-Mellieħa, art pubblika ta’ 4,000 metru kwadru, li setgħet issir ġnien sabiħ ngħatat lill-neguzjant tal-propjetà biex jibni 109 appartament fuqha.

F’Pembroke “l-aħjar żmien” għall-ġirien tal-art pubblika li se tibqa’ pubblika biex titgawda bis-siġar u l-pjanti tagħha. Fil-Mellieħa “l-agħar żmien” għall-ġirien tal-art pubblika li se tittieħed lill-pubbliku u tinbena.

Tqassim inġust tal-ġid

F’din l-art ħelwa, wlied l-omm li tatna isimha jħossuhom misruqa u stmati daqslikieku mhumiex ulied Malta meta art pubblika tittieħed u tingħata, mhux għal xi proġett ta’ ġid għall-poplu iżda biex ftit nies tal-flus ikomplu jagħmlu ħafna flus.

Il-ġid tal-art jitqassam b’mod inġust: lil ftit iżidulhom il-flus u lill-ħafna jnaqqsulhom mill-kwalità tal-ħajja.

Kemm ikun aħjar kieku dak li qed isir f’Pembroke u l-konkos jinbidel fi ġnien isir ukoll fil-Mellieħa u art pubblika ma tinbidilx f’konkos u l-ispazji miftuħa li qed isiru dejjem iżjed rari jinbidlu f’ġonna sbieħ flok f’iżjed u iżjed bini.

Suwiċidju nazzjonali

Fl-1898 il-Gvern Imperjali Britanniku qabbad lill-familja Vella miż-Żebbuġ biex jibnu l-barracks għall-familji tas-suldati stazzjonati fil-Forti Chambray, Għawdex.

Ġużeppi Vella l-missier u wliedu Vitor, Wiġi, Mikiel, Toni u Saver tul ħajjithom bnew nofs il-knejjes f’Għawdex u xi knejjes ukoll f’Malta. L-imgħallem bennej, l-aktar wieħed tas-sengħa u ta’ ħila kbira kien Vitor (1878-1956). Kien magħruf minn kulħadd bħala ‘Vitor tal-Qanfuda”, bil-laqam tal-familja tiegħu.

Għalkemm kien għadu ta’ 20 sena meta nbena l-barracks f’Chambray, Vitor wera intelliġenza kbira kif ra li l-bini jagħmel l-aħjar użu mix-xemx għad-dawl is-sena kollha u s-sħana għax-xitwa u d-dell u l-frisk għas-sajf. Vitor bena wkoll is-Santwarju ta’ Pinu.

Dawn il-barracks militari li għandhom 127 sena huma wieħed mill-ftit binjiet militari taż-żmien il-ħakma Britannika f’pajjiżna. Ħafna mill-barracks militari f’Malta, għalkemm mhux antiki daqs dak ta’ Chambray ġew skedati u ma jistgħux jitwaqqgħu. Għaliex ta’ Chambray jista’ jitwettaq? Għaliex ma jiġix skedat u protett?

Suwiċidju

Dan il-bini huwa l-ewwel wieħed f’Malta u fl-Imperu Britanniku li ġie mibni apposta biex jiġbor flimkien lis-suldati mal-familji tagħhom. Is-Supretendent tal-Wirt Storiku kien jitlob l-iskedar tiegħu. Kif jitolbuh is-Supretendent tal-Fortizzi u l-Kumitat tal-Wirt Storiku u Kulturali.

Fost dawk li qed jitolbu l-iskedar u l-protezzjoni ta’ dan il-bini hemm ‘Din l-Art Ħelwa’ ta’ Malta u Għawdex, 25 għaqda, l-ADPD u Momentum, il-Kunsilli Lokali ta’ Kerċem u ta’ Għajnsielem u 700 persuna minn oqsma differenti tal-ħajja.

Għaliex għandna nistmaw il-passat tagħna b’daqshekk vjolenza u stmerrija flok b’imħabba u b’rispett? Għaliex għandna bilfors nagħmlu suwiċidju kulturali u spiritwali bil-qerda tal-wirt storiku ta’ pajjiżna u nkomplu neqirdu l-identità tagħna?

Mary Vella

Insellem lil Ms Mary Vella li ħallietna f’Jannar li għadda. Minħabba li għamilt snin naħdem fl-edukazzjoni kkuntattjawni ħafna nies differenti minn Malta u Għawdex jgħiduli x’ġid għamlitilhom bix-xogħol edukattiv tagħha li għexet bħala l-missjoni ewlenija ta’ ħajjitha.

Bil-kwalitajiet eċċellenti umani u morali tagħha u b’mod kwiet iżda sod, Ms Mary Vella għamlet ħafna ġid lill-eluf li missitilhom ħajjithom b’xi mod jew ieħor.

Jien kelli x-xorti naħdem fil-qrib magħha 30 sena ilu. Kont nammira l-ħila tagħha li tmexxi bl-eżempju t-tajjeb u b’pariri għaqlin bla priedki ta’ min iħossu superjuri.

Ma kinetx sempliċiment taħdem fis-servizz pubbliku. Kienet isservi lil dawk ta’ madwarha. Tajjeb nagħtu ġieħ lil din il-Melleħija billi nfakkruha fir-raħal fil-bini ġdid skolastiku.

Mellieħa April 2025