Madwar 200 sena ilu l-prezz tal-qoton kien waqa’ ħafna u ħafna bdiewa spiċċaw f’dejn kbir għax kien qed ikollhom ibiegħu l-qoton terz jew anki nofs tal-valur tiegħu meta kien għadhom ma qatgħuhx mill-għelieqi jew kien għadhom lanqas żergħuh.
Ħafna bdiewa ftaqru u kien qed ikollhom isibu xogħol bil-ġurnata bil-paga ta’ sitt soldi jew tmien soldi kuljum. Fix-xitwa bidwi kien jitħallas sold kuljum u kien jingħata ftit xgħir.
Ġieli kienu jmorru għax-xogħol miegħu martu u wliedu. Lill-mara kienu jtuha tliet soldi paga kuljum u lit-tfal in-nofs tagħha. Familja b’żewġ ġenituri u b’ħamest itfal jaħdmu lkoll kienu jaqilgħu ħames liri b’kollox fis-sena.
Bejn elfejn u tliet elef kull sena kien qed ikollhom jemigraw f’pajjiżi ġirien bħall-Eġittu u l-kosta ta’ Barbarija, imma wkoll il-Greċja, Kostantinopli, Spanja u Sqallija. Kienu jemigraw ukoll pajjiżi ‘l bogħod bħall-Brażil, British Guiana u l-West Indies.
In-nissieġa kienu fl-istess miżerja bħall-bdiewa. Mara tinseġ mill-4.00am sad-9.00pm kienet taqla’ inqas minn sold kuljum. Mara li kienet tinseġ id-drapp mgejjuna minn mara ki kienet tippreparalha l-mekkuk kienet taqla’ żewġ xelini u disa’ soldi f’10 t’ijiem, taħdem 13-il siegħa kuljum.
Ħafna mill-Maltin u l-Għawdxin ma kellhomx wisq ħwjjeġ u kienu jorqdu bihom fuq ftit tiben. Ġieli mietu anki nies bil-ġuħ u ġie li kellhom jieklu l-għeruq u l-ħxejjex li kienu jagħlfu lill-annimali.
Biex itaffu dan il-ġuħ kien hemm diversi għaqdiet reliġjużi fosthom il-Kapuċċini bil-karità li kienu jagħtu. Il-gvern ukoll kien joħroġ xi għajnuna.
Dan kollu naqrawh fir-rapport tal-Kummissjoni Rjali tal-1838. Jgħidulna wkoll li kien hawn ħafna missjunarji Protestanti mogħtija ħafna flus biex jikkonvertu lill-Kattoliċi lokali għall-Protestantiżmu. Imma mindu bdew il-ħidma tagħhom xi 25 sena qabel kienu kkonvertew xi ħamsa jew sitta biss.
Sa 30 sena wara ma tantx jidher li tbiddlet is-sitwazzjoni. It-Tabib Charles Casolani fl-1867 jikteb li l-gvern kien jonfoq ħafna flus fuq stampar u tqassim ta’ kopji tal-Bibbja, kotba reliġjużi, loġoġ tal-Mażuni u anki jqassam flus lill-foqra jekk jattendu laqgħat fejn kienu jsiru priedki favur il-Protestantiżmu. “Il-fqar kienu jattendu iżda waqt il-priedki joqogħdu jgħidu r-Rużarju.”
Ix-xemx nieżla
Tlieta jħarsu lejn ix-xemx nieżla.
Wieħed jaraha biss b’għajnejh tal-ġisem u jgħid: x’xena sabiħa.
L-ieħor jara wkoll bl-għajnejn tar-raġuni u tax-xjenza u jifhem kif id-dinja ddur max-xemx.
It-tielet jaraha bl-għajnejn tal-ġisem, tal-moħħ, tal-qalb u tar-ruħ u jgħid: x’misteru.
Hekk jirrifletti l-patri Franġiskan u kittieb Amerikan Richard Rohr.
Albert Einstein kien jgħid li l-isbaħ esperjenza, l-għajn ta’ kull arti u xjenza hija l-misterjuż.
Min jara xena sabiħa u ma jemozzjonax ruħu u ma jistagħġibx b’li qed jara, ikun diġa’ miet. Il-ħarsa fonda fil-misteru tal-ħajja u l-biża li tqanqal, tnissel ir-reliġjon.
Aħwa spiritwali
Nhar id-19 ta’ Jannar 1596 Dun Carlo Taliana, li kien għadu kemm laħaq kappillan ta’ Ħal Kirkop, marru jkellmuh il-Gudja Francesco Randun u Bartolomea Baldaquino għax xtaqu li jieħdu lil xulxin bħala aħwa spiritwali. Dun Carlo Taliana qabel.
Tliet ġimgħat wara l-koppja Francesco u Bartolomea reġgħu marru għand Dun Carlo. Din id-darba ma’ Bartolomea ġie r-raġel tagħha Hieronimo. Dun Carlo qarar lil Francesco u Bartolomea fil-knisja ta’ Bir Miftuħ u ċċelebra quddiesa għalihom u li għaliha attendew ħafna nies.
Wara l-quddiesa Francesco u Bartolomea tqarbnu b’ostja kbira li hejja għalihom apposta Dun Carlo u qasam nofs u tah lil Francesco u n-nofs l-ieħor lil Bartolomea.
Meta ċ-ċerimonja ntemmet, Dun Carlo ddikjara li Francesco u Bartolomea kienu saru aħwa spiritwali. Ġiegħelhom jaħilfu fuq il-missal li issa li huma aħwa ma jistax ikollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ xulxin għax inkella jagħmlu inċest.
Dun Carlo tressaq quddiem l-Inkwiżitur Innocenzo Del Bufalo li serva bejn l-1595 u l-1598 talli aċċetta dak li xtaqu Francesco u Bartolomea u ċċelebra ċ-ċerimonja għalihom. Dun Carlo ammetta li Francesco Randun kien qallu qabel iċ-ċerimonja li hu kien raqad ma’ Bartolomea.
Fit-tagħrif li jagħtina dwar dan il-każ Carmel Cassar (‘Daughters of Eve’ – Mireva Publications 2002) jgħidilna li Dun Carlo nżamm magħluq il-kunvent tad-Dumnikani ta’ Porto Salvo taħt għajnejn zijuh Patri Damiano Taliana sakemm kien qed jidher quddiem l-Inkwiżitur.
Ir-raġel ta’ Bartolomea kien issuspetta li martu u Francesco kienu f’relazzjoni sesswali bejniethom. Kien irrabja għaliha u biex jikkalmawh qablu li jagħġmlu din iċ-ċerimonja fejn isiru aħwa spiritwali fejn jiddikjaraw l-imħabba tagħhom bla jorqdu flimkien.
Fil-każ tiegħu quddiem l-Inkwiżitur, Dun Carlo spjega li kienet drawwa komuni għal snin twal f’Malta li koppja li tinħabb imma li mhix miżżewġa jew miżżewġin lil ħaddieħor, jingħaqdu flimkien bħala aħwa spiritwali u jiddikjaraw pubblikament li mhux se jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ xulxin.
Insibu li anki f’pajjiżi oħra Kattoliċi fil-medjuevu (1000-1453) kien hemm id-drawwa ta’ aħwa spiritwali bħala alternattiva għall-adulterju u biex jevitaw relazzjonijiet sesswali anki bejn irġiel u nisa f’ordnijiet reliġjużi.
Dun Carlo ammetta li xi tliet snin qabel, waqt il-pesta, kien għamel ċerimonja fl-isptar tal-Birgu fejn raġel jismu Constantino u mara jisimha Matthiola kienu saru aħwa spiritwali.
Fit-18 ta’ Marzu 1596 Dun Carlo kien imwiddeb serjament li naqas meta vvinta mezz biex jakkomoda koppja ta’ adulteri. Fl-istess ħin l-Inkwiżitur qal li Dun Carlo għamel dan għall-ġid u biex jevita skandlu pubbliku.
Dun Carlo ġie sospiż għal sena milli jqaddes, jamministra s-sagramenti u kull xogħol ieħor li għandu x’jaqsam mal-knisja. Matul dik is-sena kellu jiddedika ruħu għall-istudju tat-teoloġija u l-Liġi Kanonika biex jitgħallem iġib ruħu skont it-tagħlim tal-Konċilju ta’ Trento li ried jaqta’ l-abbużi u l-korruzzjoni tal-qassisin.
Kellu wkoll iqerr u jitqarben fil-festi maġġuri ta’ Pentekoste, l-Għid il-Kbir, it-Tlugħ tal-Madonna fis-Sema u l-Milied. Kellu jsum lejlet il-festa ta’ Corpus Christi u jitlob maħfra għal dnubietu billi jgħid għal erba’ darbiet is-seba salmi penitenzjali sakemm is-sentenza ma tinbidillux mit-Tribunal tal-Inkwiżitur.
Leħen Settembru 2025