You are currently viewing Id-difensur tal-poplu

Id-difensur tal-poplu

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Il-kelma “ombudsman” ġejja minn “umboþsmathr” mill-ilsien Norse’ tal-Vikingi li fis-seklu 8 kompla jiżviluppa fl-ilsna differenti li jużaw il-pajjiżi Skandinavi llum, fosthom l-Iżvezja. “Ombudsman” bl-Iżvediż tfisser ‘difensur tal-pubbliku’, dmiru li jisma’ lin-nies u jaqbeż għalihom minn kif jintlaqtu mit-tmexxija f’pajjiżhom.

Fl-Iżvezja l-Ombudsman ilu jeżisti mill-1809. F’Malta daħħalnih 30 sena ilu biex jinvestiga lmenti tal-pubbliku meta jħoss li l-gvern u s-settur pubbliku naqqsuh jew għax ma ħadux il-passi li kellhom jieħdu jew għax ħadu deċiżjoni nġusta.

L-Ombudsman jisma’ l-ilment, jara jekk għandux jinvestiga u jekk jinvestiga, jara hemmx rimedji li jista’ jirrikkmanda lill-awtoritajiet biex in-nuqqasijiet jissewwew. Jista’ jkoll jirrikkmanda passi li għandhom jittieħdu biex is-servizz pubbliku jitjieb.

L-Ombudsman irawwem kultura fis-servizz pubbliku ta’ trasparenza, dedikazzjoni, ġustizzja u kontabilità għax il-poplu li jħallas it-taxxi u jiffinanzja l-amministrazzjoni pubbliku għandu dritt li dik l-amministrazzjoni taqdih fit-tbatija tal-ħajja ta’ kuljum.

Kemm meta kont membru parlamentari fl-Opposizzjoni, kif ukoll meta kont ministru, kont inħeġġeġ fejn nara li l-każ hekk jitlob, li l-ilment jitqajjem mal-Ombudsman biex jekk isib li sar nuqqas, jitranġa u min ilmenta jieħu li ħauu mhux bi pjaċir ida bi dritt u għax għandu raġun.

Bħala ministru rajt li nieħdu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman bis-serjetà u nwettquhom. Issa bħala ċittadin tlabt lill-Uffiċċju tal-Ombudsman jinvestiga n-nuqqasijiet amministrattivi tal-awtoritajiet biex iħarsu l-ġid komuni tar-residenti tas-Swieqi kif qed jintlaqtu mit-turisti rresponsabbli li qed jinvadu komunità fżżona li suppost mhix kummerċjali u turistika. La l-gvern iddeċieda li ma jipproteġix lill-ġirien tal-appartamenti AirBnB billi l-ewwel tinkiseb l-approvazzjoni tal-ġirien qabel joħroġ il-permess, il-gvern għandu d-dmir jipproteġi lill-ġirien b’modi oħra biex irażżnu l-istorbju, il-ħmieġ u t-tħarbit tal-komunita’ inkella tkompli tirrenja l-liġi tal-ġungla.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman aċċetta li jinvestiga l-ilment tiegħi. L-investigazzjoni tal-Ombudsman għaddejja. Nittama li tħalli l-istess frott tajjeb li ħalliet investigazzjoni li għamel u temm f’Lulju li għadda meta residenti qrib ix-xtut ilmentaw miegħu mill-istorbju ġej fis-sigħat ta’ bil-lejl minn boat parties ibaħħru qrib il-kosta. L-Ombudsman ħadem mal-Pulizija u ma’ Transport Malta u rrimedjaw is-sitwazzjoni.

Fil-11 ta’ Lulju 2025 ħareġ avviż biex il-‘boat parties’ ma jiddisturbawx iżjed lir-residenti. Nifhem li l-każ tal-impatti tal-appartamenti turistiċi fuq il-ġirien fil-komunitajiet ta’ Malta u Għawdex huwa iżjed ikkumplikat. Imma wara kollox il-problemi huma maħluqin mill-bnedmin u jridu jissewwew mill-bnedmin. Nittama, f’ġieħ l-eluf li qed ibatu, li jissewwew.

Malta qed tiġi reklamata ‘Party island of the Mediterranean:

“Experience Malta’s electric nightlife: nonstop clubs in Paceville, open-air parties, chic bars, and beach lounges.”

Imma fost iż-żgħażagħ li qed jiġu hemm dawk li jaħsbu li Malta kollha hija Paceville, inkluż il-bliet u rħula fejn jgħixu għal ftit jiem u jħarbtu l-ħajja tal-ġirien bl-imġiba tagħhom u jdawru komunita’ residenzjali f’ġungla ta’ storbju, ħmieġ, vandaliżmu u l-ebda rispett lejn il-ġirien u l-liġijiet u d-drawwiet ta’ pajjiżna.

“L-UE hemm bżonn tistenbaħ”

Fit-22 Awwissu 2025 f’Rimini fl-Italja, Mario Draghi, politiku, akkademiku u bankier u serva’ bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew u Prim ministru tal-Italja qal:

“L-Unjoni Ewropea trid tieħu ħsieb tagħha nnifisha ferm aħjar milli qed tagħmel … L-UE kienet temmen li d-daqs ekonomiku tagħha, b’450 miljun konsumatur, kien iġib saħħa ġeopolitika u influwenza fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali. Din is-sena se tibqa’ mfakkra bħala s-sena li fiha din l-illużjoni evaporat.

“Kellna nċedu għad-dazju impost mill-akbar sieħba kummerċjali tagħna u l-alleata ewlenija tagħna fit-tul, l-Istati Uniti. L-istess alleat imbuttana biex inżidu n-nefqa militari tagħna, deċiżjoni li aktarx kien ikollna nieħdu xorta waħda imma ġejna mbuttati b’mod li aktarx ma jaqbilx lilna.

“Minkejja s-saħħa ekonomika tagħna, l-UE qed tieħu biss sehem ċkejken u sekondarju ħafna fl-isforz għall-paċi li qed jagħmel il-President Amerikan Trump fl-Ukrajina, ninsabu spettaturi biss fil-massakru ta’ Gaża u ċ-Ċina tagħmilha ċara li ma tqisnhiex indaqs. “Jekk mhux se nistembħu u naddattaw irwieħna għad-dinja tal-lum se nuru li m’aħniex kapaċi niffaċċjaw l-isfidi eżistenzjali tagħna.”

Torċa 14 Settembru 2025