Fit-30 ta’ Ottubru 1432 il-Kunsill tal-Imdina kiteb lir-Re ta’ Aragona li Malta kienet taqa’ taħtu, jilmenta li l-ħatriet pubbliċi qed jimtlew bil-favuri. Inkwetaw li huma u jinqabżu u jitħallew barra.
Fl-1 ta’ April 1435 il-Kunsill reġa’ kiteb li l-ħatriet pubbliċi għandhom jimtlew mill-Maltin. Għandhom jinqatgħu barra dawk il-Maltin li ħafna mis-sena kienu jgħixuha Sqallija. Fl-istess ħin aċċettaw li dawk li ġew jgħixu Malta u jkun ilhom hawn ħames snin, jibdew jitqiesu bħala Maltin.
L-istoriku Charles Dalli jagħtina stampa tas-sistema ta’ poteri li kellna fil-gżejjer tagħna madwar 600 sena ilu. Kellna 68 familja lokali li kienu sinjuri u influwenti u ħadmu biex ikollhom poter politiku u ekonomiku biex imexxu dawn il-gżejjer permezz tal-Kunsill tal-Imdina li kellu poter fuq deċiżjonijiet lokali f’din il-gżira.
Dalli għandu studju interessanti dwar l-istruttura ta’ poteri dak iż-żmien: PROCEEDINGS OF HISTORY WEEK 1992. (1993)(1-18) [p.1] Capitoli: ‘The Voice of an Elite’.
Biex jiksbu, iżommu u jkabbru kemm jistgħu dan il-poter kellhom jikkompetu ma’ poteri oħra li kien hawn f’din il-gżira: il-mexxej li kellu f’idejh il-kastell tal-port il-kbir, il-knisja, l-uffiċċjali li ġieli kien jibgħat ir-re, is-sidien lokali tal-art u familji b’saħħithom li kienu jiġu minn Aragon u jkollhom kuntatt dirett u influwenza mar-Re.
Fl-1466, bħalma għamlu kunsilli oħra fil-bqija tar-renju, il-Kunsill tal-Imdina ħadu passi biex nies tas-sengħa bħal skrapan u ħajjata ma jitħallewx iżjed jimlew ħatriet pubbliċi. Ir-raħħala u l-’biduini’ li kienu l-maġġoranza kbira tal-poplu ma kellhom ebda poter u ma kinux jingħataw importanza ta’ xejn.
Il-familji li kienu jimlew il-ħatriet pubbliċi riedu jżommu l-poter għalihom. Kienu bdew isejħu lilhom infushom ‘nobiles’ u kienu jgħixu l-Imdina.
Biex ikabbru l-poter tagħhom fuq il-bqija tal-poplu riedu wkoll jisfuraw familji li kellhom l-artijiet u kienu jgħixu fl-irħula, biex imorru jgħixu l-Imdina biex ikunu jistgħu jikkontrollawhom aħjar.
Fl-1480 il-Kunsill tal-Imdina daħal f’kunflitt dirett mal-isqof għax dan ried li l-propjetà li jħallu l-qassisin meta jmutu għandha tmur għand il-knisja u mhux għand il-Kunsill. Meta l-kunsill baqa’ jopponi lill-Isqof, dan għamel l-interdett, bħala kastig spiritwali, fuq il-popolazzjoni kollha lokali.
Fl-1492 reġa’ kien hemm kunflitt ieġor mal-Knisja meta kien hemm min ried li d-dvernijiet tax-xorb u l-ħwienet ma jiftħux fil-Ħdud u l-festi.
Ir-re kien jaqbillu li fil-komunitajiet differenti tar-renju jkollu poteri differenti jikkompetu ma’ xulxin għax b’hekk ma jkunx hemm poter wieħed li b’xi mod jista’ jheddidlu l-ħakma rjali. Meta poteri differenti ma kinux jaqblu kienu jirreferu d-deċiżjonijiet għand ir-re u jaqta’ hu x’għandu jsir.
Fl-1397 fir-renju ta’ Aragona bdew jitwaqqfu kunsilli biex imexxu l-komunitajiet differenti. B’dawn il-kunsilli r-re kienu ji#gura li jkollu kontroll f’kull livell u f’kull qasam ta’ poter. Fl-istess ried juri li huwa re li jisma’ u lest jikkunsidra r-rapporti msejħa ‘capitoli’ bl-ilmenti tal-elit privileġġjat (mhux tal-popolazzjoni kollha) lokali.
Fis-snin ta’ qabel, ir-re ġie li kien ikollu jibgħat l-armata tiegħu biex jirbaħ lura, xi parti mir-renju, anki Malta, fejn is-sinjur fewdali ikun ħataf il-poter kollu għalih u jmexxi qisu re bir-renju tiegħu persunali.
Mużika u ġenoċidju
Waqt li Malta qed tgħid li lesta tieħu sehem fil-’Eurovision 2026’ fi Vjenna jekk l-Iżrael jieħu sehem f’Mejju li ġej, hemm pajjiżi bħal Spanja, l-Irlanda, is-Slovenja u l-Olanda li qed jgħidu li mhux se jieħdu sehem bħala kundanna għall-qtil minn Iżrael ta’ iżjed minn 64,000 Palestinjan f’Gaża bħala ritaljazzjoni għall-attakk tal-Hamas f’Ottubru 2023.
Il-’Eurovision’ hu qed jiffaċċja l-aktar kriżi gravi minn kemm ilu jiġi organizzat mill-‘European Broadcasting Union’ (EBU) li hemm imsieħba fiha 113 membri minn 56 pajjiż. L-EBU qed tikkonsulta mal-membri tagħha biex tara x’se tagħmel dwar din il-kriżi.
“L-ebda mużika għall-ġenoċidju” hija inizjattiva li qed jieħdu iżjed minn 400 artist fil-mużika jridu li l-kanzunetti tagħhom jitneħħew mill-pjattaformi diġitali tal-Iżrael minħabba li l-Iżrael qed ikompli għaddej joqtol iżjed nies ta’ Gaża – l-aktar tfal u nisa – fil-ġenoċidju li kien iddikjara li se jagħmel f’Ottubru 2023.
Fost dawk li qed jieħdu sehem f’din l-inizjattiva hemm gruppi u kantanti bħal Massive Attack, Primal Scream, Japanese Breakfast, Carole King, Rina Sawayama u l-kantant Daniż “MØ”.
Torċa 28 Settembru 2025