Nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-450 miljun ċittadin tas-27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea, fosthom lilna biex nitilqu niġru lejn il-ħwienet u nixtru biżżejjed ilma, ikel, mediċina, torches, sett tar-radju biex iservuna għal tliet ijiem f’każ ta’ gwerra.
Il-Kummissjoni Ewropea, qalet li ma tridx tallarma lin-nies (ma tarax!) imma tajjeb li l-Unjoni Ewropea tkun lesta għal kollox u tibni riserva strateġika ta’ ajruplani biex jitfu n-nar, tagħmir mediku u ta’ trasport biex tilqa’ għal theddid nukleari, kimiku, bioloġiku u radjoloġiku.
Fl-istess ġurnata ħarġu r-riżultati tal-istħarriġ tal-Eurobarometer li wrew li ċ-ċittadini tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fosthom il-Maltin, mhux ħsiebhom fil-gwerra u jridu l-gwerra bħal ċerti mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej li waqt li qatt ma riedu jonfqu jew jissellfu flus għall-edukazzjoni, għall-qasam tas-saħħa, għas-servizz soċjali, għad-djar u għall-ħolqien tax-xogħol lesti jibdlu r-regoli u jonfqu u jisselfu biljuni ta’ euro biex jixtru l-armi u jarmaw lill-Unjoni Ewropea għall-gwerra.
Il-mexxejja Ewropej li jridu l-gwerra ma ħadux gost kif wieġbu ċ-ċittadini Ewropej dwar x’qed jinkwetahom u xi jridu mill-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.
Gwerra lill-għoli tal-ħajja
46 fil-mija tal-Maltin qalu li jridu lill-Unjoni Ewropea tagħti l-akbar importanza lill-gwerra, imma lill-gwerra kontra l-għoli tal-ħajja. 43 fil-mija taċ-ċittadini Ewropej qalu l-istess. 35 fil-mija tal-Maltin qalu li jridu lill-Unjoni Ewropea tagħti importanza lill-qasam tas-saħħa. 25 fil-mija taċ-ċittadini Ewropej hekk iridu wkoll.
23 fil-mija tal-Maltin jridu Unjoni Ewropea li tagħti iżjed importanza lix-xogħol. Hekk iridu 29 fil-mija taċ-ċittadini Ewropej.
14 fil-mija biss tal-Maltin iridu Unjoni Ewropea kif iridu ċerti mexxejja Ewropej: l-aktar importanza fuq l-armamenti u l-gwerra. 31 fil-mija biss taċ-ċittadini Ewropej jridu li tingħata l-aktar importanza lill-armamenti u lill-gwerra.
Dawn ir-riżultati jinkwetaw lil dawk il-mexxejja Ewropej li jridu jdaħħlu lill-Unjoni Ewropea f’nefqa kbira fuq l-armamenti u fuq il-gwerra, minflok fuq li jtejbu l-ħajja tal-popli tagħhom. Għalhekk qed jippruvaw iwerwru lill-popli li ġejja l-gwerra u biex jaħżnu l-ikel, l-ilma u l-mediċina d-dar biex joħolqu klima li ġejja bilfors gwerra u għalhekk għandhom jintefqu l-biljuni fuq l-armamenti.
Għadu jgħodd ħafna dak li kiteb il-poeta Amerikan Archibald Mc Leish 80 sena ilu fid-daħla għall-Kostituzzjoni tal-UNESCO, l-aġenzija tax-Xjenza u l-Kultura tan-Nazzjonijiet Magħquda: “la l-gwerer jibdew fl-imħuħ tal-bnedmin, huwa fl-imħuħ tal-bnedmin li jrid jinbena l-ħarsien tal-paċi.”
Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li jridu l-gwerra qed jippruvaw jibnu klima favur il-gwerra fl-imħuħ taċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk qed jingħad ħafna kliem li fis-sena 2030 se tinqala’ gwerra mar-Russja u hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tarma lilha nnifisha għal dik il-gwerra. Minħabba l-kriżi serja li minnha għaddejjin ekonomiji ta’ pajjiżi bħall-Ġermanja u Franza, qed jippjanaw li se jirxuxtawhom billi jonfqu fl-armamenti u biex jiġġustifikaw dan qed jitkellmu li hemm bżonnhom għax ġejja gwerra.
Lanqas militarment ma jagħmel sens dan. Biex ikollok militar b’saħħtu jrid ikollok ekonomija b’saħħitha u żvilupp teknoloġiku qawwi. L-Unjoni Ewropea qed taqa’ lura fl-ekonomija u fit-teknoloġija u taħseb li se tirpilja bis-saħħa tal-investiment fl-armamenti.
Qed tpoġġi l-karettun qabel il-ħmar. Flok tinvesti fil-qawmien ekonomiku, soċjali u teknoloġiku, se tinvesti fl-armamenti u se tkabbar il-problemi u tkompli ddgħajjef lilha nnifisha ekonomikament, politikament, soċjalment u teknoloġikament.
It-triq tal-paċi flok tal-gwerra
L-Unjoni Ewropea qed tispiċċa iżolata fid-dinja u ma tridx tqum mill-ħolma li ma tistax tibqa’ tiddomina u taħseb li hi superjuri għall-bqija tad-dinja. Flok tara kif ittejjeb ir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Istati Uniti, ir-Russja u l-bqija tad-dinja qed tkompli tilgħabha li tista’ tiddettalhom x’jagħmlu meta il-pajjiżi fi ħdanha bħal Franza, il-Ġermanja, l-Olanda … ilhom li tilfu l-imperi tagħhom.
Huwa fl-interessi tal-popli li jgħixu fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li flok thajjija għall-gwerra, jibda x-xogħol diffiċli li tinbena sistema ta’ sigurtà u koperazzjoni fl-Ewropa kollha li tinkludi lir-Russja u lill-Ukrajina fejn l-ebda pajjiż ma jhedded pajjiż ieħor kif ġara bit-tkabbir tan-NATO lejn il-fruntieri tar-Russja li qanqal il-gwerra fl-Ukrajina.
Din il-gwerra traġika u katastrofika, speċjalment għall-poplu Ukren, setgħet ġiet evitata kieku nżammet il-wegħda li ngħata il-president Sovjetiku Mikhail Gorbachev mill-President Amerikan George Bush meta ltaqgħu Malta li l-Istati Uniti u n-NATO ma jagħmnlu xejn biex jieħdu vantaġġ u jheddu lir-Russja.
Mal-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin u x-xoljiment tal-alleanza militari tal-Unjoni Sovjetika kien il-mument li jiġi xolt in-NATO u tinbena sistema koperattiva ta’ sigurtà fl-Ewropaj u l-flus jintefqu biex itejbu l-ħajja tal-popli flok fuq l-armamenti biex isiru iżjed sinjuri dawk li għandhom l-industrija tal-armi u għandhom bżonn il-gwerer biex ibiegħu dak li jipproduċu.
Torċa 6 April 2025