You are currently viewing Grupp Newtralita u paċi

Grupp Newtralita u paċi

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Waqqafna l-Grupp Newtralita’ u Paċi favur li Malta tkun newtrali, ma tidħol fl-ebda alleanza militari u taħdem għall-paċi.

Aħna ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, ta’ etajiet differenti u ta’ fehmiet differenti iżda naqblu fuq in-newtralita’ ta’ Malta u li ma nieħdux sehem fi gwerer u tilwim bejn pajjiż u ieħor.

Nemmnu li :

“Il-Gvern Malti għandu jibqa’ jitkellem fuq in-newtralità ta’ pajjiżna b’narrattiva ta’ paċi, ta’ sigurtà u ta’ progress soċjali bejn il-pajjiżi kollha. 

“Dan billi: 

● Malta ma tidħol fl-ebda laqgħat u diskorsi ta’ ftehim militari b’mod dirett jew indirett; 

● Malta għandha tibqa’ żżomm l-aħjar relazzjonijiet possibbli man-nazzjonijiet kollha; 

● Malta tiddikjara l-pożizzjoni tagħha konformi mal-istatus tan-newtralita’ biex tibqa’ barra minn kull ħidma konġunta militari u minn kull proposta tal-UE għal ħidma konġunta militari bejn il pajjizi membri tal-UE, inkluż li tieħu sehem f’xi armata tal-Unjoni Ewropea jew li ddaħal xi lieva militari Ewropea.” 

Nemmnu li: “Waqt li Malta tibqa’ tosserva r-regoli tal-Unjoni Ewropea li magħhom hi marbuta, il-membri l-oħra tal-Unjoni (għandhom) jibqgħu jirrispettaw bis-sħiħ in-newtralità ta’ Malta, anke meta jsostnu bejniethom miżuri militari ta’ unjoni ta’ difiża li minnhom Malta tibqa’ lura politikament, materjalment u finanzjarjament.”

Il-paġna tagħna fuq Facebook għal min jixtieq iżurha hija din:

https://www.facebook.com/share/nYeT68vfTVyxY9Z8/

Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna għandu jikteb lil Raphael Borg:

raphael.borg.newtralitaupaci@gmail.com

Nieħdu gost nilqgħu fostna lil kull min jaqbel magħna li Malta għandha tkun newtrali u taħdem għall-paċi.

Triq ġdida fl-1971

Ix-xahar li għaddha, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg irringrazzja lis-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken talli stiednu (9 – 11 Lulju 2024) għat-tifkira tal-75 anniversarju mit-twaqqif tal-alleanza militari tan-North Atlantic Treaty Organization (NATO).

Fl-1971, f’waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa bħala Prim Ministru tal-Gvern Laburista li kien għadu kemm ġie elett, Dom Mintoff kien keċċa minn Malta lill-Ammirall Birindelli, Kmandant tal-Flotta tan-NATO fil-Mediterran.

Mintoff beda mill-ewwel jaħdem biex Malta taqbad it-triq ġdida fl-istorja tagħha li tkun newtrali, ma tingħaqad mal-ebda alleanza militari u ma tħalli ebda bażi tal-gwerra fiha u taħdem għall-paċi.

Fl-1979 ingħalqet l-aħħar bażi militari f’Malta. Fl-1987 Gvern u Opposizzjoni qablu li Malta tintrabat fil-Kostituzzjoni tagħha li tkun newtrali, ma jkollha ebda bażi militari u ma tidħol fl-ebda alleanza militari.

Fl-imsaren tan-NATO

Illum il-Gvern u l-Opposizzjoni qed jaħdmu flimkien biex Malta miexja fit-triq qadima tal-alleanza militari tan-NATO, triq li ħalliet 53 sena ilu.

F’Diċembru 2023 Malta daħlet fil-’Planning and Review Process’ tan-NATO biex il-Forzi Armati ta’ Malta jinbidlu u jsiru kompatibbli mal-forzi tan-NATO biex jaħdmu flimkien.

Fi Frar 2024 Malta u n-NATO qablu fuq qafas ġdid ta’ koperazzjoni (‘Individually Tailored Partnership Programme’) biex jaħdmu dejjem iżjed mill-qrib flimkien.

F’Mejju 2024 Malta ġiet aċċettata bħala membru assoċjat tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO biex issa d-deputati parlamentari Maltin jistgħu jieħdu sehem fl-Assemblea Parlamentari tan-NATO.

Ħerba mid-Dar Komuni Ewropea

L-alleanza militari tan-NATO twaqqfet fl-1949 mill-Istati Uniti fimkien mal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent biex jiddefendu ruħhom jekk l-Unjoni Sovjetika tinvadi lill-Ewropa.

Fl-1989 il-President Amerikan George Bush u l-President Sovjetiklu Mikhail Gorbachev f’laqgħa f’Malta ddikjaraw it-tmiem tal-Gwerra l-Bierda bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.

Gorbachev kien qal li issa l-Ewropa mżgħandhiex tibqa’ mifruda u għandha ssir Dar Komuni Ewropea li fiha l-ġirien kollha jgħixu flimkien ma jheddu lil xulxin.

Inħatt il-Ħajt ta’ Berlin u kien hemm qbil li l-Ġermanja terġa tingħaqad u l-Istati Uniti u l-Ġermanja taw kelma li n-NATO mhux se tinfirex lejn il-fruntiera tar-Russja.

Meta ntemmet l-Unjoni Sovjetika u ġiet xolta l-alleanza militari tal-Patt ta’ Varsavja, ma ġietx xolta wkoll l-alleanza militari tan-NATO.

Dak kien il-mument li s-sigurta’ tal-kontinent sħiħ Ewropew, mill-Portugall sar-Russja, tiġi mħarsa mill-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Koperazzjoni tal-Ewropa.

Gwerer min-NATO

Flok ma ġara hekk u s-sigurta’ Ewropea żviluppat kif kien ippropona Gorbachev, l-Istati Uniti ddeċidiet mhux biss li żżomm in-NATO iżda li tibda’ ddaħħal fiha lill-ġirien tal-Russja.

L-aqwa diplomatiċi Amerikani minn dakinhar wissew li l-Ukrajina għandha tibqa’ newtrali u tiddaħħalx fin-NATO għax ir-Russja tqisja theddida kbira għas-sigurta’ tagħha kif l-Istati Uniti kienet qieset theddida għas-sigurta’ tagħha li l-Unjoni Sovjetika tpoġġi missili nukleari f’Kuba, gżira fuq il-fruntiera tal-Istati Uniti.

L-Istati Uniti kisret il-kelma li kienet tat lil Gorbachev, ma tatx każ il-pariri tad-diplomatiċi tagħha stess u bdiet taħdem biex iddaħħal lill-Ukrajina fin-NATO biex fi Frar 2022 inqalgħet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajina kkontrollata min-NATO.

L-alleanza militari tan-NATO mexxiet diversi gwerer oħrajn bħal dawk kontra s-Serbja, l-Afganistan u l-Libja.

In-NATO temmen fil-gwerra u mhux fid-diplomazija, fid-djalogu u fin-negozjati biex jissolvew il-kwistjonijiet bejn l-istati. 

Daħlet f’dawn il-pajjiżi. Kissret li sabet u flok bniet xi ħaġa aħjar ħalliet ħerba u miljuni ta’ nies għadhom qed jippruvaw jiġbru l-biċċiet.

Torċa 4 Awwissu 2024