Kap Indjan Amerikan xwejjaħ kien jghid hekk dwar il-ġlidiet li kien iħoss ġo fih: ġo fija hemm żewġt iklieb.
Wieħed mill-klieb huwa kattiv u jaħseb biss fih innifsu. Il-kelb l-ieħor huwa twajjeb u jieħu ħsieb oħrajn. Il-kelb il-kattiv il-ħin kollu jiġġieled lill-kelb it-twajjeb.
Meta staqsewh liema kelb jirbaħ, ix-xwejjaħ ħaseb ftit u wieġeb: “Jirbaħ dak il-kelb li ntih l-aktar x’jiekol.”
Gwerra u paċi
Meta nħarsu madwarna naraw dinja li fiha għaddejja ġlieda bejn kelb kattiv u kelb twajjeb.
Il-kelb il-kattiv qed jiġi mitmugħ bl-armamenti, bil-gwerer kummerċjali tat-tariffi u tas-sanzjonijiet, tal-arroganza u attitudni superjuri u bl-ispirtu ta’ dominanza li jirbaħ billi jgħaffeġ lill-oħrajn … il-kelb it-twajjeb hemm bżonn isib min jitimgħu bil-ħidma diplomatika, bin-negozjati, bid-djalogu, bir-rispett lejn il-kulturi u fehmiet differenti, koperazzjoni bejn nies indaqs biex ifittxu riżultat li bih jirbaħ kulħadd.
Jirbaħ dak li nitimgħuh l-aktar
Ma naħsibx li għandna pajjiżi li huma klieb kattivi biss. Jew klieb twajbin biss. F’kull pajjiż hemm il-klieb kattivi u twajbin.
U kif jgħid il-kap xwejjaħ Amerikan Indjan, f’kull wieħed u waħda minna għandna kelb kattiv u kelb tajjeb. Jiġġieldu u daqqa jirbaħ wieħed u daqqa l-ieħor.
U fid-dinja, f’kull pajjiż u f’kull persuna mhemm l-ebda garanzija li jirbaħ it-tajjeb, jirbaħ dak il-kelb li ntuh l-aktar x’jiekol.
Naħsbu li aħna superjuri
L-idea li l-aktar tagħmel ħsara lilna l-bnedmin hu meta naħsbu li aħna superjuri għal dawk li huma differenti minna. Nirraġunaw hekk: jien mhux daqs ħaddieħor, jien aqwa minn ħaddieħor minħabba l-lewn tal-ġilda tiegħi, minħabba n-nazzjonalità tiegħi, minħabba r-razza tiegħi, minħabba l-klassi tiegħi, minħabba s-sess tiegħi, minħabba r-reliġjon tiegħi, minħabba l-fehmiet politiċi tiegħi.
Bertrand Russell kiteb dwar dan fl-1946 : ‘L-ideat li għamlu l-ħsara lill-Umanità’. Id-dinja kienet għadha ħerba mit-Tieni gwerra dinjija. Russell jiddubita kemm l-umanità kien se jirnexxielha tibqa’ teżisti jekk tinqala’ gwerra dinjija oħra.
Russell jgħid li l-problemi kbar għall-bnedmin ġejjin min-natura u minn bnedmin oħra. Aktar ma għaddha żmien u l-bniedem tgħallem irażżan problemi tan-natura, żdiedu l-problemi li l-bniedem joħloq għalih innifsu u għall-bnedmin oħra.
“Alla magħna”
Ħafna mill-ħsara li l-bnedmin jagħmlu lil xulxin hu meta flok iqisu lilhom infushom daqs ħaddieħor, jaħsbu li huma superjuri jew inferjuri għal ħaddieħor.
Meta nħossuna superjuri u “Alla magħna” jinqala’ inkwiet kbir għax anki l-għadu tagħna jemmen li Alla miegħu. L-agħar u l-aktar li nagħmlu ħsara hu meta aħna ċertissimi minn dak li nemmnu, ma nippermettu l-ebda dubju, anki jekk dak li nemmnu huwa fil-fatt falz.
Jekk nemmnu li nimxu biss ‘il quddiem jekk nirfsu fuq l-oħrajn, jekk inqisu biss l-interessi tagħna, jekk biex nirbħu aħna bilfors irid jitlef ħaddieħor, flok nirbħu flimkien, nagħmlu l-ħajja gwerra kontinwa fejn fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa jitlef kulħadd.
Meta fergħa teqred oħra
Bertrand Russell jgħid li nistgħu nsalvaw biss jekk nitgħallmu inqisu ndaqs lil xulxin u lil dawk li huma differenti minna u f’dak li nagħmlu nieħdu ħsieb il-ġid komuni.
Russell jgħid li għandna bżonn nifhmu li aħna lkoll familja waħda u l-ebda fergħa ma tmur aħjar billi teqred fergħa oħra. Jgħid “Forsi, nissogra nittama, li l-bomba atomika issa twerwirna biex niksbu ftit sens u naċċettaw lil xulxin. Jekk għallinqas isservi għalhekk, ikollna biex inbierku lil min ivvintaha.”
Għaddew 46 sena mindu Bertrand Russell kiteb dwar liema ideat għamlu l-iżjed ħsara lilna l-bnedmin. L-istess ideat għadhom jagħmlu ħsara. F’dawn l-46 sena żdiedu ħafna l-pajjiżi li għandhom bombi atomiċi biex neqirdu lilna nfusna. Ma tantx jidher li ksibna l-għerf u l-għaqal biex nieħdu ħsieb xulxin bħala familja waħda.
Monsinjur Bellanti u l-Għarbi
Fl-1829 monsinjur ippropona li l-Malti għandu jibda jinkiteb bl-alfabet Għarbi għax aktar addattat mill-alfabet Latin għall-ħoss tal-Malti. Din il-proposta tinsab f’manuskritt jismu ‘Avvertimenti per la ristorazione della lingua Maltese’. Huwa miktub bi tliet ilsna: bil-Malti miktub bl-alfabet Għarbi, bl-Għarbi u bit-Taljan.
Fil-qoxra hemm miktub li d-dokument huwa xogħol tal-aħwa Joseph u Louis Bellanti. Imma l-istudjuż tal-Malti Joe Felice Pace jgħidilna li skont artikli fit-‘Times of Malta’ tat-28 u 30 ta’ Marzu 1951, miktub minn Dunstan G. Bellanti, li jiġi mill-istess familja, ix-xogħol huwa tal-Monsinjur John Joseph Bellanti li twieled fl-1793 u wara li sar qassis iddedika ħajtu jistudja l-ilsna Orjentali u Semitiċi. Tgħid il-monsinjur ma ssugrax jiffirma b’ismu din il-proposta kontroversjali?
Is-suġġeriment ta’ Monsinjur Bellanti li l-Malti jibda jinkiteb bl-alfabet Għarbi flok l-alfabet Latin ma ġiex segwit, għax anki dak iż-żmien, ukoll għal raġunijiet reliġjużi u kulturali, kien hemm ħafna preġudizzji kontra l-Għarbi u l-Iżlam.
L-alfabet Malti ħa s-sekli biex ikun hemm qbil fuqu kif jinkitbu l-ittri għall-ħoss Għarbi. Maż-żmien daħlu ittri li ma jinstabux fil-Latin: Bħaċ-ċ, ż, ġ, għ u ħ.
Fis-seklu 19 l-Għarbi kien jiġi studjat fl-Università ta’ Malta. Imma l-aktar li jistudjawh kienu persuni li riedu jmorru missjunarji f’pajjiżi Misilmin tal-Afrika ta’ Fuq. Fl-1795 Papa Piju VI kien ordna lill-Gran Mastru De Rohan li l-Għarbi jibda jiġi mgħallem fl-Università. Fl-1637 diġà kien hawn l-Iskola tal-Għarbi f’Malta miftuħa mis-Sagra Congregazione de Propaganda Fide u mmexxija mill-Patrijiet Franġiskani.
Bellanti kien jemmen li l-Malti għandu jmur lura għall-għeruq Għarab tiegħu u jkun safi u ma jistħassarx bi kliem minn ilsna oħra. Jgħid li għandu jintuża l-alfabet Għarbi u żewġ ittri mill-alfabet Persjan li jinstemgħu bħall-Malti.
Huwa jiddispjaċih kemm kien baxx il-livell edukattiv ta’ kull klassi tal-poplu Malti u jgħid li l-Maltin għandhom jitgħallmu japprezzaw il-wirt kulturali Għarbi li minnu twieled l-ilsien Malti.
Bellanti jgħid li jekk il-Malti jibda jinkiteb bl-alfabet Għarbi dan jiftaħ opportunitajiet kbar u ġodda fl-Afrika u fl-Asja fejn jużaw l-Għarbi u jagħmel kuntatt ħaj ukoll mal-Ebrajk li kien jitkellem Ġesù Kristu.
Bellanti huwa ċert li Malta bħala ġawrha f’nofs il-Mediterran tista’ sservi ta’ pont bejn id-dinja Għarbija u l-Ewropa u dan iġib ħafna benefiċċji u vantaġġi għall-industriji Maltin.
Leħen Ġunju 2025