You are currently viewing Għandi Musulman fil-familja

Għandi Musulman fil-familja

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

In-nannu tan-nanna tiegħi kien jismu Galem. Kien Musulman. Ma nafux mil-liema pajjiż ġie. Ma nafux kif ġie Malta u kif ġie jgħix il-Mellieħa. Kulma nafu dwaru hu li tgħammed fil-Knisja ta’ San Pawl il-Belt nhar il-25 ta’ Frar 1850. Tawh l-isem ta’ Pawlu. Il-parrinijiet kienu Abela u ħa kunjomhom u sar Pawlu Abela.

Jidher li ma kienx waħdu. Nafu mill-inqas b’Pawlu Abela ieħor bi storja simili li ġie joqgħod il-Mellieħa u rabba familja fir-raħal. . Twieled Tripli fl-1833. Missieru ma nafux min hu. Fiċ-ċertifikat tal-magħmudija jissejjaħ ‘Turco’ għax kien Musulman.

Min jaf kemm f’pajjiżna kellna bħal dawn iż-żewġ Pawliet li ġew joqogħdu fi bliet u rħula differenti, fosthom il-Mellieħa, li kienu Musulmani u saru Nsara Kattoliċi għax hekk kien jaqbel meta tgħix f’pajjiż Kattoliku.

Meta sar iċ-ċensiment 2021 fil-Mellieħa kellna jgħixu 12,738. Fiċ-ċensiment ta’ 100 sena qabel kien hawn jgħixu fir-raħal 2,637. Minn popolazzjoni ta’ 12,738 kellna 9,211 Maltin u 3,527 twieldu f’pajjiżi oħra. Fost in-nazzjonalitajiet li għandna fostna hemm Asjatiċi (522) u Għarab (91).

Iċ-ċensiment jgħid ukoll x’reliġjon stqarrew li jħaddnu dawk li jgħixu fir-raħal. 8,569 qalu li huma Kattoliċi. 603 qalu li huma Ortodossi. 395 huma Church of England u 180 huma Protestanti. 190 huma Musulmani u 153 Hindus u 60 oħra huma Buddisti. 36 jemmen fil-Ġudajiżmu. Hemm 20 jemmnu f’reliġjonijiet oħra u 787 qalu li ma għandhom l-ebda reliġjon.

Żgur li l-Mellieħa qatt ma kellha daqshekk taħlit ta’ nazzjonalitajiet u reliġjonijiet differenti. Illum li pajjiżna għandu Kostituzzjoni bid-drittijiet umani tal-libertajiet tal-kuxjenza u tat-twemmin kulħadd huwa ħieles li jħaddan ir-reliġjon li jrid jew ma jħaddan ebda reliġjon jekk hekk iħoss li għandu jagħmel. Ħadd ma jista’ jġiegħel lil xi ħaddieħor jikkonverti għal reliġjon oħra jew jitgħammed.

Twelid: kwart ta’ qabel

Irridu nitgħallmu ngħixu flimkien fl-irħula u l-ibliet tagħna. Ma naħsibx li qed nagħmlu dak li għandna nagħmlu biex insiru nafu l-kulturi u r-reliġjonijiet ta’ xulxin biex inkunu nistgħu nifhmu lil xulxin u ngħixu aħjar flimkien f’rispett lejn xulxin. Mhux faċli. Hija ħaġa normali li ħafna minna nippreferu nitħaltu biss ma’ nies li jaħsbuha u jemmnu bħalna. Inħossuna skomdi bi drawwiet u kulturi u reliġjonijiet differenti li narawhom strambi, jekk mhux ukoll ta’ theddida għalina.

Faċli tinqeda bil-preġudizzji u l-injoranza dwar il-kultura differenti biex ixxerred il-mibegħda u twaħħal fil-’barranin’ għal dak kollu li ma jkunx sejjer tajjeb fil-pajjiż. Qed inġibu barranin fostna għax qed jitwieldu ftit Maltin. Meta twelidt jien fl-1952 kull mara f’Malta kien ikollha medja ta’ erbat itfal. Illum qed ikollha wieħed. Fl-1952 twieldu f’pajjiżna 8,862 trabi. Is-sena li għaddiet twieldu 4,863, iżjed minn terz minnhom lill-nisa ġejjin minn pajjiżi oħra.

Mingħajr il-barranin li għandna jaħdmu fostna, ħafna mix-xogħolijiet f’pajjiżna jieqfu. Minn kull 10 li jaħdmu Malta, 4 mill-inqas huma minn pajjiżi oħra. Mingħajr il-barranin ma jkollniex min jibni, jagħmel it-toroq, jiġbor l-iskart, jieħu ħsieb l-anzjani, jikkura l-morda fl-isptar, jipproduċi fil-fabbriki u jaħdem f’setturi oħra tal-ekonomija tagħna. L-importanti li nġibu kemm jiflaħ pajjiżna u kemm għandna bżonn u li nsibu kif ngħxi flimkien. Il-bqija jkollna l-inkwiet.

Papa Franġisku jagħtina eżempju tajjeb kif għandna inħaddmu t-twemmin tagħna kontra l-mibegħda u l-vjolenza. Bil-fatti u bil-messaġġi li jgħaddi juri kif ir-reliġjonijiet għandhom iservu biex iġibu n-nies flimkien b’mod li n-nuqqas ta’ qbil, id-differenzi u l-kunflitti ta’ bejnietna naraw kif insibu tarfhom bla niġġieldu, mingħajr preġudizzji u bid-djalogu u b’intenzjonijiet tajbin u ta’ paċi biex insibu dak li hu komuni u aċċettabbli għal kulħadd.

James Joyce 100 sena ilu kien jgħid li nazzjon huwa l-istess poplu li jgħix fl-istess pajjiż, bl-istess nazzjonalita’, ilsien u reliġjon. Illum differenti. Khalil Gibran jgħid kif ir-reliġjoniet differenti huma s-swaba differenti tal-istess id li bihom il-bniedem jipprova jfittex il-misteru tal-ħajja.

Mellieħa Frar 2024