You are currently viewing Għalxhiex qed ngħixu?

Għalxhiex qed ngħixu?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

“Fis-27 ta’ Ġunju 2004 f’sekonda ħajti nqalbet ta’ taħt fuq. Ħbatt bil-mutur u spiċċajt paralizzat minn għonqi ‘l isfel. 

Ma nistax niċċaqlaq. Mimdud f’sodda wiċċi ‘l fuq.”

Hekk jirrakkonta dwaru nnifsu Clayton Micallef illum ta’ 40 sena kif ħajtu flok intemmet bl-inċident ikreh li kellu 20 sena ilu, nbidlet għall-ħajja aħjar billi flok jintelaq u jċedi u jiddispra b’li ġralu sab tifsira ġdida f’ħajtu biex jgħixha bis-sens għalih u għall-oħrajn. Sab raġuni għalxhiex jgħix. 

F’dawn l-aħħar 20 sena beda u kompla jistudja juża t-teknoloġija mis-sodda u kiseb baċellerat, Master’s u dottorat minn universitajiet differenti f’oqsma biex jgħin persuni oħrajn ifittxu kif jibnu ħajja bis-sens minkejja d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja. 

Semmejt lil Clayton Micallef fiż-żewġ laqgħat ta’ ‘Philosophy Sharing’ li kellna l-bieraħ u ġimgħa qabel biex niddiskutu l-esperjenza u t-twemmin ta’ Viktor Frankl li 80 sena ilu għadda mit-tbatija u moħqrija terribbli ta’ erba kampijiet ta’ konċentrament Nazisti fejn intbagħat għax kien Awstrjakk Lhudi u stmat mhux ta’ bniedem iżda ta’ numru u maħqur u umiljat biex jitlef kull rispett lejh innifsu u sħabu u kull mument jista’ jinqatel. 

Ħareġ minn dik l-esperjenza terribbli flok mgħaffeġ u meqrud bniedem aħjar b’ħajja aktar bis-sens fejn beda jaqsam li għallmitu l-ħajja kif f’kull mument ta’ ħajjitna rridu niddeċiedu kif se ngħixu bis-sens u ta’ ġid. 

Frankl jgħid li “id-dinja hija fi stat ħażin imma ssir agħar jekk ma naghmlux l-aħjar li nistgħu kull wieħed u waħda minna.”

Persuni agħar jew aħjar?

Frankl isemmi nies bħal Clayton Micallef li jsibu s-saħħa spiritwali biex flok iħallu traġedji u sitwazzjonijiet diffiċli jkissruhom, jibnu ħajja bis-sens. 

Frankl għamel ħajja sħiħa jgħin persuni ma jikkommettux suwiċidju għax isibu raġuni għala għandhom jgħixu. 

Frankl juri kif nibnu ħajja bis-sens u nimlew il-vojt tal-eżistenza tagħna 

– jekk naħdmu għall-ġid tal-oħrajn bil-valuri umani li nagħrfu d-dinjita’ ta’ kull persuna, 

– ⁠inkunu kapaċi nħobbu oħrajn bla nużawhom 

– ⁠nikbru billi napprezzaw is-sbuħija tan-natura u l-arti

– ⁠inkunu kapaċi nidħku anki fit-traġedji 

– ⁠nagħżlu ħajja ta’ solidarjeta’ umana ma’ oħrajn flok ħajja egoista fejn infittxu biss l-interess persunali u l-ġid materjali tagħna. 

F’kull mument ta’ ħajjitna rridu niddeċiedu nkunux persuni agħar billi nintelqu mal-kurrent, nobogħdu u nfittxu vendetta jew persuni aħjar billi nirreżistu, inħobbu u naħfru u nfejqu flok niftħu feriti ġodda u noħolqu aktar tbatija u nagħmlu l-affarijiet agħar b’disprament flok bit-tama. 

Insiru persuni aħjar jekk flok niġru wara s-suċċess, il-flus, il-pjaċir u l-poter nibnu ħajja bis-sens.

Nitgħallmu mingħand xulxin

Kont qed nieħu gost nosserva mara li waslet biex tirtira, tħarreġ u trawwem żagħżugħa li se tidħol fix-xogħol tagħha.

Kienet qed turieha kif tagħmel l-affarijiet, xi problemi se tiltaqa’ magħhom, kif għandha tmur man-nies li jiġu għandha għall-għajnuna.

Għedt lit-tfajla li għandha x-xorti li għandha lil dik il-mara, mara bħal dik, trawwimha fix-xogħol ġdid tagħha.

Hi mara tajba ħafna f’xogħolha. Tagħmlu b’ħila u b’imħabba. Mara twajba li tipprova tgħin kemm tiflaħ. 

Stajt naraha tgħallem liż-żagħżugħa qabel xejn bl-eżempju tajjeb tagħha, kemm tirrispetta lin-nies u kemm trid tagħmel xogħolha sew biex tgħin lin-nies. 

Tagħmlilha kuraġġ flok taqtagħla qalbha. Flok tgħir għaliha, u ma turihiex kollox, turieha kulma tista’ għax tixtieqha aħjar minnha.

Meta tiżbalja, għax hi wkoll tad-demm u l-laħam, taċċetta li żbaljat u tieħu passi biex issewwi l-iżball u mhux tipprova taħbih jew twaħħal f’ħaddieħor u tagħmel l-affarijiet agħar. 

Tgħid liż-żagħżugħa li hi tgħallmet li fil-ħajja l-problemi jinqalgħu l-ħin kollu u trid tipprova ssib tarfhom b’umilta’ u mingħajr suppervja.

Mara bħal din tgħallimna kif l-aħjar edukazzjoni hi dwar l-iżvilupp ta’ ħiliet, impenn għal standards għoljin u tisħiħ ta’ valuri tajbin ta’ onesta’, rispett u solidarjeta’. Li titgħallem tkompli titgħallem.

L-aħjar edukazzjoni trawwem il-persuna sħiħa: il-qalb, il-moħħ, l-id u r-ruħ biex tagħmel il-ġid.

Torċa 10 Marzu 2024