Matul dan is-sajf li għadu kemm għadda, pajjiżi Mediterranji fejn it-turiżmu huwa parti importani mill-ekonomija tagħhom bħal Spanja, il-Portugall, il-Greċja, l-Italja u Franza daħlu regoli ġodda biex it-turisti li jżuruhom iġibu ruħhom aħjar u jgawdu bla ma jkunu ta’ piż jew joħolqu problemi għan-nies tal-post.
Daħlu multi ġodda u żiedu l-infurzar kontra mġiba ħażina u ksur tal-liġijiet lokali. L-ilbies ta’ tanga u malji tal-għawm mhux ħdejn il-baħar wasslu għal multa ta’ €1,500. Xorb fil-pubbliku f’żoni residenzjali issa għandu fuqu €3,000 multa. Teħel multa jekk issuq ħafi, bi flip flop jew b’sandli li joħloq periklu biex tikkontrolla l-vettura.
Żiedu l-multi fuq min jagħmel awrina barra, ikun storbjuż fit-triq, jorganizza parties mal-lejl qalb ir-residenti, jivvandalizza u jħammeġ fejn jgħix. Daħlu multi ġodda għal dawk li jinqabdu jagħmlu ħsara fil-bajjiet fejn imorru u fil-postijiet storiċi li jżuru.
Juan Antonio Amengual, Sindku ta’ Calvià f’Mallorca, il-gżira Spanjola li tant tiddependi mit-turiżmu, qal: “L-għan tagħna hu li nipproteġu l-ambjent u nżommu l-bilanċ u l-armonija bejn il-viżitaturi u r-residenti. Dawn il-multi jirriflettu xewqa dejjem tikber li jiġu protetti l-wirt lokali, ir-riżorsi u l-ispazji pubbliċi mill-effetti negattivi tat-turiżmu żejjed.”
Għandna bżonn nieħdu b’iżjed serjetà l-effetti negattivi ta’ turisti rresponsabbli fuq il-ħajja tagħna f’Malta u f’Għawdex. Dawn l-effetti negattivi qed jinħassu l-iżjed f’dawk l-ibliet u l-irħula fejn qed jinkrew eluf ta’ appartamenti lit-turisi li jiġu jqattgħu ftit jiem fostna.
Ħafna minn dawn it-turisti li jużaw l-appartamenti huma responsabbli. Iżda fosthom żgur hemm dawk irresponsabbli li ma jġibu rispett lil ħadd bl-imġiba ħażina tagħhom.
La l-gvern iddeċieda li ma jipproteġix lill-ġirien tal-appartamenti AirBnB billi l-ewwel tinkiseb l-approvazzjoni tal-ġirien qabel joħroġ il-permess, il-gvern għandu d-dmir jipproteġi lill-ġirien b’modi oħra biex irażżnu l-istorbju, il-ħmieġ u t-tħarbit tal-komunita’ inkella tkompli tirrenja l-liġi tal-ġungla.
L-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu taħdem favur turisti responsabbli li:
– jirrispettaw bl-imġiba tagħhom u b’kif jilbsu l-kultura, id-drawwiet u l-liġijiet tal-komunità lokali li jżuru;
– jaraw li jkollhom relazzjoni tajba mar-residenti fejn joqogħdu u ma jagħmlux storbju lejl u nhar u jħarbtu lill-ġirien;
– ma jħammġux fejn ikunu u jagħmlu ħsara fl-inħawi fejn joqogħdu.
Turisti rresponsabbli li jġibu ruħhom ħażin fil-postijiet li jżuru jitfgħu dell anki fuq it-turisti responsabbli.
Għalhekk l-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu, operaturi serji tat-turiżmu u gvernijiet li ma jiskrux fis-“suċċess” tal-mument imma jaħsbu daqxejn fit-tul, qed jieħdu passi flimkien biex itaffu u jwarrbu l-effetti ħżiena tat-turisti rresponsabbli.
Qed jieħdu passi wkoll biex in-numru ta’ turisti jkun dak li jiflaħ il-poplu u l-pajjiż għax jekk ikun eżaġerat flok ġid jagħmel il-ħsara.
Ħa nsemmi l-eżempju ta’ fejn ngħix jien, li jgħodd ukoll għal inħawi oħra għaddejjin mill-istess esperjenza. Sas-sajf li ġej l-appartamenti turistiċi fi Swieqi se jiżdiedu b’elf sodda oħra. Suppost li Swieqi post residenzjali fejn ir-residenti jgħixu ħajja kwieta fejn il-ġid tar-residenti jiġi l-ewwel imma issa qed iħossuhom li qed jiġu l-aħħar.
Diġa’ s-servizz taż-żamma tal-ordni u tal-indafa pubblika mhumiex ilaħħqu mal-istorbju, imġiba ħażina u skart mill-ħafna appartamenti turistiċi li hawn joperaw legali u illegali?
Kemm se ndumu ngħixu biss għall-mument bla naħsbu fuq il-konsegwenzi għal-lum u għada?
Armamenti flok servizzi soċjali
Il-gvern Ġermaniż irid inaqqas il-pensjonijiet, għajnuna soċjali fuq il-familji, servizzi pubbliċi tas-saħħa, sussidji fuq kera u għajnuna għal dawk bla xogħol għax il-pajjiż ma jiflaħx għalihom.
Il-Kanċillier Ġermaniż Friederich Merz ħabbar dan ftit ilu fil-konferenza tal-Unjoni Demokratika Kristjana li jmexxi. Hu ma jridx iżid it-taxxi fuq dawk li jifilħu u biex iniżżel id-dejn u d-defiċit irid inaqqas in-nefqa soċjali fuq dawk li jifilħu l-inqas.
L-ekonomija qed tiċkien u d-dejn u d-defiċit qed jikbru ħafna. L-innovazzjoni teknoloġika waqgħet lura. L-industrija qed tkeċċi n-nies għax il-prezz tal-enerġija żdied ħafna mindu waqfu jġibuha mir-Russja.
Merz irid il-Ġermanja tonfoq €1 triljun fuq l-armamenti u l-armata.
81% taż-żgħażagħ ma jridux iservu fil-militar u jmutu għall-pajjiż għax jarawh li qed jagħmlilhom ħajjithom diffiċli u qed joqtlilhom il-futur. Tilfu l-fiduċja fil-partiti tradizzjonali ewlenin li jqisuhom responsabbli għall-kriżi serja fil-pajjiż.
Dinja ġdida
Qed tkompli titwieled dinja multipolari, b’ċentri differenti ta’ poter u ma tibqax dinja unipolari, ddominata minn ċentru wieħed ta’ poter.
Id-dinja qed tkompli tinbidel ħafna. Il-poter ekonomiku, teknoloġiku, militari u politiku qed ikompli jiddgħajjef fil-blokk tal-Nord (Stati Uniti, G7 u Unjoni Ewropea) u jgħaddi għand il-Global South, l-aktar fl-Asja, permezz tas-Shanghai Cooperation Organization u l-BRICS+.
Nhar il-Ħadd u t-Tnejn li għaddew f’Tianjin fiċ-Ċina saret il-laqgħa għolja tas-Shanghai Cooperation Organization (SCO).
L-10 pajjiżi membri fiha (Ċina, Każakstan, Kyrgyżstan, Russja, Tajikistan, Użbekistan, Indja, Pakistan. Iran u Belarus).
Fihom jgħixu aktar minn 3.4 biljun ruħ jew aktar minn 42% tad-dinja. Bejniethom jipproduċu minn 23% sa 30% tal-ġid dinji. Iċ-Ċina u l-Indja llum meqjusa fuq quddiem nett fl-iżviluppi teknoloġiċi fid-dinja u għaddew pajjiżi oħra li qabel kienu jiddominaw, fosthom l-Istati Uniti u l-Ġermanja.
F’Tianjin ħadu sehem il-mexxejja ta’ iżjed minn 20 pajjiż u 10 mexxejja ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
Qablu li jaħdmu flimkien
Fil-laqgħa għolja ntlaħaq qbil:
– dwar il-valuri li għandhom jiggwidaw ir-relazzjonijiet bejn pajjiż u ieħor: li l-pajjiżi kollha huma ndaqs u għandhom dritt imexxu lilhom infushom, twettiq tal-liġijiet internazzjonali, id-dritt ta’ pajjiżi li jibnu relazzjonijiet mal-pajjiżi kollha li jagħżlu, li jaħdmu għall-ġid tal-popli tagħhom u li jieħdu l-azzjoni meħtieġa għall-ġid komuni tal-umanità
– fuq pjan ta’ żvilupp (2026-2035) għal SCO
– favur kummerċ miftuħ bejn pajjiżi differenti
– ċentri ġodda tas-SCO dwar theddid għas-sigurtà, kriminalità internazzjonali, titjib fis-sigurtà tal-informazzjoni u ħidma kontra l-kummerċ tad-droga
– ħidma biex jitwaqqaf bak tal-iżvilupp mis-SCO favur investimenti fl-infratsruttura għat-tisħiħ ekonomiku u soċjali
– proposti għall-koperazzjoni ġdida dwar l-enerġija, dwar l-enerġija nadifa, dwar l-ekonomija diġitali, dwar innovazzjoni teknoloġika u xjentifika, inluż fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali.
Lehen Ottubru 2025