Bi spirtu patrijottiku, inħobbu lil Malta u naħdmu flimkien għall-ġid tal-poplu Malti.
Bi spirtu partiġġjan, nobogħdu lil xulxin iżjed milli nħobbu lil Malta u nagħmlu ħsara lill-poplu tagħna.
Kellna nies bi spirtu patrijottiku meta kien għadna kolonja. Għandna nies bi spirtu partiġġjan meta llum mhux suppost għadna kolonja.
Kien għadna kolonja tal-Imperu Brittaniku meta fit-2 ta’ Marzu 1945 saret logħba futbol bejn Malta u l-Hajduk Split.
Qabel il-logħba ndaqqu l-innijiet tar-Renju Unit u tal-Jugoslavja.
Imma ma ndaqqx l-innu Malti għax ma konniex nazzjon u r-Re Ġorġ VI kien ir-re tagħna.
Il-folla li nġabret għal-logħba qamet u bdiet tkanta l-innu Malti.
Il-poeta Rużar Briffa fakkar dan il-mument patrijottiku bil-poeżija tiegħu ‘Jum ir-rebħ’.
Dawk kienu Maltin li mhux biss kantaw l-innu Malti. Ħadmu u stinkaw u bnew lil Malta.
Rużar Briffa f”Jum ir-Rebħ’ ma kienx qed jirreferi għal min rebaħ il-logħba iżda għar-rebħa tal-ispirtu patrijottiku tal-folla tgħid bi kburija:
“Jien Maltija, miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija.”
Il-folla qamet rebbieħa “fuq ngħas l-imgħoddi ġwejjef / xħin ruħna kienet rieqda ġo sodda barranija.”
Dan ġara 19-il sena qabel l-Indipendenza.
60 sena wara l-Indipendenza għad għandna min hu rieqed fl-imgħoddi ġwejjef ġo sodda barranija.
Għad għandna min għandu spirtu partiġġjan fejn jobgħod lill-gvern tal-ġurnata, aktar milli jħobb lil Malta. Iħeġġeġ lill-barranin biex ikasbruna. Għad għandna min jieħu gost jiskorja kontra pajjiżu flok favur Malta.
Aktar ma nħobbu lill-pajjiżna u lill-poplu tagħna, aktar irridu nagħmlu li nistgħu biex insewwu n-nuqqasijiet tagħna. Kull pajjiż għandu n-nuqqasijiet tiegħu.
Imma aħna rridu nkunu biex insewwu bis-serjeta’ n-nuqqasijiet tagħna, mhux biex nidhru sbieħ mal-barranin iżda għax hekk hemm bżonn għall-ġid tal-poplu tagħna.
Imkeċċijin mill-gżejjer tagħhom
Ħames ġimgħat ilu r-Renju Unit ta lura lil Mauritius il-gżejjer Chagos, ġabra ta’ gżejjer fl-Oċean Indjan.
Ir-Renju Unit kien ġiegħel lin-nies tal-gżejjer jitilqu bilfors mill-gżejjer fi tmiem is-snin sittin biex l-Istati Uniti tkun tista’ tibni bażi militari fuqhom.
Anki issa r-Renju Unit tat lura dawn il-gżejjer bil-kundizzjoni li l-Istati Uniti jibqa’ jkollha l-bażi militari tagħha fi gżira minnhom – Diego Garcia – għad-99 sena li ġejjin.
Din il-bażi hija waħda minn 750 bażi militari li għandha l-Istati Uniti mferxa mad-dinja kollha fi 80 pajjiż.
L-Istati Uniti tgħid li dawn il-bażijiet jgħinuha ġġib stabilita’ reġjonali u tieħu ħsieb tiffaċċja kriżijiet u theddid għas-sigurta’.
Dominanza
Sarang Shidore tal-Istatitut Amerikan Quincy jgħid li dawn il-bażijiet mhumiex hemm biex jipproteġu s-sigurta’ tal-Istati Uniti iżda biex bihom tipprova tiddomina kull rokna tad-dinja.
Din ix-xibka dinjija ta’ bażijiet militari hija ta’ ħsara kemm għall-fama tal-Istati Uniti b]ala favur il-paċi kif ukoll għal dawk li jgħixu fejn hemm dawn il-bażijiet.
Fi tmiem is-snin 60 l-Istati Uniti ftehmet mar-Renju Unit biex il-1500 residenti jitkeċċew minn Diego Garcia u gżejjer oħra bi ksur ta’ liġijiet internazzjonali.
Dawk li ma kinux tneħħew sal-1971 meta bdiet tinbena l-bażi militari tgħabbew fuq vapuri tal-merkanzija u tħallew fuq il-mollijiet ta’ Mauritius u s-Seychelles bla kumpens ta’ xejn u bla ngħataw impjieg jew xi flus biex jibdew ħajja ġdida.
Ħafna min-nies tal-gżejjer Chagos waqgħu f’faqar u fi tbatija kbira. Waqt li r-Renju Unit ta xi kumpens lil dawn in-nies, l-Istati Uniti ma tathom xejn u qatt ma ammettiet li kellha xi reponsabbilta’ tieħu ħsiebhom wara li keċċiethom mill-gżejjer tagħhom.
Din il-bażi ta’ Diego Garcia wara ftit snin ġiet żviluppata f’ċentru kbir militari, navali u għall-ajruplani tal-gwerra. Intużat mill-Istati Uniti biex ittajjar ajruplani biex jibbumbardjaw fil-Kuwajt, fl-Afganistan u fl-Irak fil-gwerer tagħha.
Iċ-ċentru ta’ Diego Garcia ntuża’ wkoll fis-sena 2002 biex minnu l-Istati Uniti għaddiet persuni ssuspettati b’terroriżmu u miżmuma arrestati bla ebda prova.
L-Istati Uniti kienet ċaħdet li wżat din il-bażi għal hekk iżda r-Renju Unit kien ikkonferma l-użu tagħhom għat-trasbord ta’ dawn il-persuni.
Torċa 10 Novembru 2024