You are currently viewing F’Mediterran bi ftit xita

F’Mediterran bi ftit xita

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Spiss qed jagħmlu jiem sbieħ – sbieħ bħala bnazzi għax il-bqija huma jiem koroh għax bla xita. S’issa mill-1 ta’ Settembru 2024 kellna 182 ta’ xita. Fejn jagħmel inqas minn 250mm xita f’sena jitqies deżert.

Studju li sar dwar kemm niżlet xita fil-gżejjer tagħna mill-1952 ‘l hawn juri li naqset b’medja ta’ 10mm kull sena.

Il-klima tagħna hija bħal dik fl-inħawi tal-Mediterran ta’ sjuf nixfin u ftit xita fix-xitwa.

Il-ġirien fuq kull naħa tagħna tal-Mediterran qed jintlaqtu ħażin ħafna min-nuqqas ta’ xita. Li kienu mżgħandniex l-impjanti tar-reverse osmosis jipproduċu l-ilma mill-baħar, kieku aħna qed nintlaqtu ħażin ħafna fl-għixien tagħna u fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

Sakemm il-popolazzjoni fil-gżejjer tagħna kienet ta’ 20,000 xi 500 sena ilu, in-nies tagħna kien ikollhom biżżejjed ilma mix-xita. Għalkemm kienu jbatu ħafna jekk iddum ma tagħmel xita għax ma kienx ikollhom wisq ilma maħżun.

L-istoriku Godfrey Wettinger jgħidilna li għal tliet snin wara xulxin madwar is-sena 1460 ma għamlitx xita u l-bdiewa batew ħafna tant li s-sidien tal-art kellhom jaħfrulhom il-kera għax ma kellhomx mnejn iħallsuhom.

Il-problema żdiedet meta bdiet tikber il-popolazzjoni wara l-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri fostna meta l-ilma beda jintuża’ wkoll mhux għat-tisqija tal-għelieqi biss.

Il-kavallier żagħżugħ Jean Quintin fl-1533 kiteb x’ra meta żar il-gżejjer tagħna: “L-ilma kien mielaħ u maħmuġ, imma hemm xi għejjun tajbin ta’ ilma ġieri ta’ meta tagħmel ix-xita fix-xitwa. Dawn l-għejjun mhumiex ġejjin minn xi ġabra fonda ta’ ilma, tant li spiss fis-sajf jinxfu jew ikollhom ftit ilma. L-ilma għax-xorb iġġibu minn dak maħżun fix-xitwa …”

Meta l-Kavallieri bnew il-belt Valletta ma kellhiex ilma fiha. Ordnaw li ma’ kull dar li tinbena jrid isir ukoll bir u min ma jagħmilx bir jeħel il-multa kbira ta’ 50 skud.

Imma meta bdiet tiżdied il-popolazzjoni fil-belt, il-bjar ma kinux biżżejjed. Fl-1596 iddeċidew li jinbena l-akwedott biex iġib l-ilma mill-għoljiet tal-Imdina, ir-Rabat u Ħad-Dingli. Imma l-proġett baqaż ma sarx għax l-20,000 skud li ddeċidew li jonfqu fuq ma kinux biżżejjed.

Imma wara nixfa kbira fis-snin 1608 u 1609 ma setgħux jittardjaw il-proġett iżjed u fis-sena 1605 beda l-bini tal-akwedott li ħa ħames snin biex tlesta.

Ġab biżżejjed ilma għal 30,000 ruħ għal-livell tal-għixien ta’ dak iż-żmien. Sadattant fl-irħula tal-bqija tal-gżejjer tagħna, in-nies kellhom jinqdew kif għamlu għal ħafna fuq l-ilma fil-bjar u l-għejjun tal-ilma tax-xita fix-xitwa.

Tal-ġuġù

Kont qed nitkellem ma’ diplomatiku minn pajjiż ieħor li serva f’diversi kontinenti u issa qed iservi f’Malta.

Qalli: “Intom il-Maltin tħobbu ssawtu lilkom infuskom wisq. F’ħafna diskorsi f’attivitajiet uffiċjali fejn nattendi, aktar nisma’ dwar korruzzjoni, dwar problemi ta’ governabilità … insomma dwar x’ma jaħdimx iżjed milli dwar x’jaħdem.

“Kif ma titkellmux fuq il-kisbiet tagħkom, fuq kif bnejtu lilkom infuskom, fuq l-indipendenza, fuq ir-repubblika, fuq kif tejjibtu l-għixien tagħkom bħala poplu?

“Meta tara minn fejn tlaqtu u fejn kontu għal tant sekli, kif m’intomx kburin b’dak li rnexxielkom tagħmlu?

“Hemm ħin għal kollox: ħin li teżaminaw in-nuqqasijiet tagħkom u ħin li tiċċelebraw il-kisbiet tagħkom. Narakom wisq il-ħin kollu ddaħħlu subgħajkom fil-feriti tagħkom u flok ifiqu, tkabbruhom. Fi xħin, u meta, tiċċelebraw il-kisbiet tagħkom?” Għedtlu: “Għadna nbatu wisq minn sekli ta’ kolonjaliżmu fejn dawk li ħakmuna pperswadewna li aħna nferjuri u inqas minn ħaddieħor.

Torċa 26 Jannar 2025