F’sistemi politiċi fejn partiti differenti jikkompetu ma’ xulxin fl-elezzjonijiet u jiddependu fuq l-għotjiet ta’ flus għall-organizzazzjonijiet tagħhom, il-partiti jinqabdu f’“tug of war” bejn id-donaturi u l-votanti.
Id-donaturi tal-flus, l-aktar dawk li jagħtu ħafna, jkunu jridu li l-partiti politiċi jagħmlu dak li jaqbel lilhom. Il-votanti jkunu jridu li l-partiti tagħhom jaqbżu għalihom u jagħmlulhom il-ġid.
Il-partiti jinqabdu fin-nofs meta d-donaturi jġebbdu naħa u l-votanti jġebbdu n-naħa l-oħra għax meta jkollhom interessi kontra xulxin jogħġob naħa u jweġġa’ naħa oħra.
Jekk partit jispiċċa jitlef id-donaturi, kif se jkollu flus biex imexxi l-organizzazzjoni tiegħu, u fil-każ ta’ Malta, l-istazzjon u l-ġurnal tiegħu?
Jekk partit jispiċċa jitlef il-votanti, kif se jkollu appoġġ biex jirbaħ l-elezzjoni? Meta jibdew jitilqu l-votanti jibdew jitilqu wkoll id-donaturi. Għax min se “jinvesti” flusu f’partit tellief?
Id-demokrazija timrad kif qed timrad u tiddgħajjef f’ħafna pajjiżi, fosthom aħna, fejn il-partiti u l-kandidati jiddependu mid-donaturi privati flok mill-fondi pubbliċi taċ-ċittadini kollha. Id-demokrazija timrad meta l-kampanji elettorali tal-kandidati u tal-partiti jiġi jiswew ħafna flus. Tikber id-dipendenza fuq id-donaturi u tonqos is-saħħa tal-votanti.
Il-coffee mornings, ikliet, maratoni u l-attivitajiet oħra tal-ġbir ta’ flus mhumiex biżżejjed għall-partiti u għall-kandidati.
Demokrazija suppost tfisser tmexxija mill-poplu li jivvota għal dawk li jaħseb jirrapreżentawh l-aħjar u jagħmlu l-ġid.
Plutokrazija tfisser li jmexxu n-nies tal-flus għax bl-għotjiet tagħhom jixtru l-influwenza politika biex jittieħdu deċiżjonijiet li jaqbel lilhom.
Fid-dinja reali d-demokrazija u l-plutokrazija jitħalltu flimkien bid-differenza li waqt li l-ispettaklu tad-demokrazija jsir fuq il-palk, iċ-ċaqliq tal-plutokrazija jsir wara l-kwinti.
Aktar ma tikber l-influwenza egoista tan-nies tal-flus fid-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu mill-partiti, kemm fil-gvern, kif ukoll fl-opposizzjoni, aktar jitilfu fiduċja fil-politika ċ-ċittadini fejn f’demokrazija, flimkien mal-ġid komuni, suppost jiġu l-ewwel.
Bżonn ta’ bidliet fil-qrati
Il-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech li ilu iżjed minn ħames snin miżmum il-ħabs jistenna li jitressaq il-qorti akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia reġa ġibed l-attenzjoni dwar id-dewmien fil-qrati.
Il-familja tagħha akkużat lill-gvern li m’għamilx il-bidliet meħtieġa fil-qrati biex isiru iżjed effiċjenti u ssir ġustizzja mal-vittmi tad-delitti.
Mhux konsolazzjoni – u wisq anqas ġustifikazzjoni – ngħidu li d-dewmien fil-qrati ilu snin twal.
Fl-1911 kienet żaret Malta Kummissjoni Rjali biex tara kif qed jitmexxa pajjiżna li kien kolonja Britannika.
Sabu li kien hawn tgergir li jekk tidħol il-qorti ma tafx meta se jinqata’ l-każ tiegħek.
In-nies kienu jgergru li x-xogħol tal-qorti kien jimxi bil- mod ħafna u tant kien idum sejjer każ li kien hawn min jiddeċiedi li aħjar jitlef dak li għandu dritt għalih milli joqgħod jaħli ħafna ħin u flus il-qorti.
Il-Kummissjoni Rjali kienet qalet li kif taħdem il-qorti f’Malta jġib ħafna dewmien u rrikkmandat riformi biex il-qorti tħaffef ix-xogħol tagħha. Imma mir-rakkomandazzjonijiet tagħha ma ddaħħal xejn.
Għaddew 114-il sena u partijiet mir-rapport tal-Kummissjoni Rjali tal-1911 qishom miktuba llum. Ġew u marru ħafna gvernijiet. Kull wieħed jgħid li se jirriforma l-qorti u jġibħa tħaffef aħjar.
Żdiedu l-imħallfin u l-maġistrati u żdiedet in-nefqa fuq il-qrati iżda xorta għadhom idumu. Rapport tal-Unjoni Ewropea li ħareġ is-sena l-oħra jgħid li waqt li għandna iżjed avukati minn pajjiżi oħra, għandna inqas imħallfin u maġistrati u għadhom mgħobbijin wisq biex iħaffu l-każi.
Saru kemm saru passi ‘l quddiem fl-aħħar seklu, żgur għad fadal passi serji xi jsiru biex il-poplu jikseb ġustizzja fil-ħin,
Torċa 16 Frar 2025