You are currently viewing Fjuri … lilhinn mill-kotba

Fjuri … lilhinn mill-kotba

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Bix-xita li għamlet dan l-aħħar il-ftit kampanja li fadal ħdejna ħadet ir-ruħ u ħarġu ħafna fjuri differenti li nitgħaxxaq inħares lejhom kull filgħodu meta noħroġ nimxi.

Ħafna kuluri sbieħ ta’ fjuri li ma nafx x’jisimhom minkejja li suppost tgħallimt x’inhuma għax twelidt u trabbejt il-Mellieħa fi żmien meta kien għadna nistgħu nilgħabu fix-xagħri ta’ maġenbna.

Għallinqas il-Ħaxixa Ingliża nagħrafha. Il-pepprin ukoll. Il-bqija jkolli nfittex fil-ktieb ‘Wild Flowers of the Maltese Islands’ (BDL – 2015) biex insir naf x’inhuma l-pjanti li nara. Insib li fil-għodu fost il-pjanti li nara hemm il-berwieq, il-ġarġir, il-buttuniera, il-fidloqqom u l-ħobbejża.

Aktar milli narawhom fl-ambjent naturali tagħhom, hemm aktar ċans li l-pjanti lokali narawhom f’xi ktieb. Kif jgħid Guido Lanfranco fid-daħla għal dan il-ktieb: Mis-snin 50 sal-lum, naqset ħafna u b’mod perikoluż il-kampanja fejn jikbru l-fjuri, imma żdiedu ħafna l-kotba b’tagħrif u ritratti dwar il-pjanti fil-kampanja li fadal.

Varjetà minn sbieħ sa qerrieda

Għandna madwar 1200 speċi differenti ta’ pjanta li jagħmlu l-fjuri. 850 minnhom ilhom hawn jew qabel ma’ ġew il-bnedmin jgħixu fil-gżejjer tagħna jew eluf ta’ snin ilu. 250 oħra ġew minn pajjiżi oħra. Ġabuhom il-bnedmin u l-għasafar.

Anki fil-pjanti għandna l-emigranti li addattaw irwieħhom u jgħixu hawn bla ma nvadew u qerdu l-pjanti lokali. Saru parti mis-sbuħija naturali. Imma hemm ukoll pjanti oħra li nvadewna u jagħmlu żerriegħa u jinxterdu aktar malajr mill-pjanti lokali, ifaqqru l-ħamrija u jħassru fejn jikbru.

Għandna pjanti bħal Widnet il-Baħar, il-Bjanka tal-Irdum u s-Sempreviva ta’ Għawdex li jinstabu fil-gżejjer tagħna biss fid-dinja kollha u li huma fil-periklu serju li jinqerdu għal kollox, jekk ma nieħdux ħsieb insalvawhom.

Ilkoll umani sakemm …

“Konna lkoll umani sakemm ir-razza qatgħetna minn xulxin, ir-reliġjon isseparatna, il-politika firditna u l-ġid poġġiena fi klassijiet differenti.”

Sibt dan il-kliem fil-Mużew Moco Londra maġenb ix-xogħol tal-artist Banksy, li jaħdem fuq il-ħitan biex jikkummenta fuq xi jkun għaddej. Huwa artist tat-triq u jrid jilħaq kemm jista’ nies bl-arti tiegħu u joħroġha mill-galleriji u min-negozju tal-flus.

Fuq il-ħajt ta’ 750 kilometru li l-Iżrael bena madwar l-artijiet Palestinjani okkupati, Banksy għamel żagħżugħ Palestinjan iwaddab bukkett fjuri lejn min qed jaħqar il-poplu tiegħu.

Bnedmin sħaħ

Hu u jaħdem fuq dan ix-xogħol ġie Palestinjan jgħidlu: “Il-ħajt ma rriduhx sabiħ. Nobogħduh dan il-ħajt. Mur lura mnejn ġejt.”

20 sena ilu Banksy sejjaħ il-Palestina okkupata mill-Iżrael l-akbar ħabs fid-dinja.

Iż-żagħżugħ Palestinjan ta’ Banksy jidher iwaddab bukkett fjuri. Jidher fil-qagħda taż-żgħażagħ Palestinjani jwaddbu l-ġebel lejn is-suldati armati Iżraeljani li jisparaw fuqhom biex irażżnu l-“intifada”, il-qawmien, tal-poplu Palestinjan biex jgħix f’artu li qed jiġi mċaħħad minnha minn Iżrael.

Banksy favur il-paċi, kontra l-gwerra u kontra l-vjolenza li tintuża biex teqred lil dawk li kulma jridu hu li jiġu stmati ta’ bnedmin sħaħ flok stmati inqas jew lanqas biss meqjusa bnedmin għax ta’ razza, reliġjon, politika u klassi differenti.

Aħwa, basta mhux bħal Kajjin u Abel

“Aħna diversi, aħna differenti minn xulxin, għandna kulturi u reliġjonijiet differenti, imma aħna lkoll aħwa u rridu ngħixu fil-paċi ma’ xulxin.” (Papa Franġisku).

Fl-enċiklika ‘Aħwa lkoll” Papa Franġisku jgħidilna kif il-ħajja terġa’ tieħu r-ruħ fejn id-dinjità hija rrispettata, ma nweġġgħux lil xulxin, il-ħaddiema huma stmati sew, tingħata edukazzjoni tajba, min għandu bżonn il-kura jeħodha, in-natura nħarsuha, u nieħdu ħsieb lil dawk li jħossuhom beżgħana u waħedhom.

Papa Franġisku jappellalna biex: Nagħżlu li nkunu aħwa ta’ xulxin, nitkellmu ma’ xulxin u naħfru lil xulxin. Il-maħfra ma tfissirx li ninsew x’għamlulna iżda ma nkunux irridu npattuha u nivvendikaw irwieħna għax ilkoll insofru mill-vendetta.

Jgħidilna wkoll li r-rikonċiljazzjoni ġenwina ma tfissirx li taħrab mill-kunflitt, imma li ssolvi l-kunflitt bid-djalogu u b’negozjar miftuħ, onest u paċenzjuż fejn inħarsju d-drittijiet umani ta’ kulħadd.

Mid-Dikjarazzjoni dwar il-Fraternità Umana

Ruma, Pjazza San Pietru, 10 ta’ Ġunju 2023